Dawk fostna li qabżu l-ħamsin sena, żgur li jiftakru fi tfulithom ir-ragħajja fil-kampanja tagħna: f’dak iż-żmien, il-familji kważi kollha kellhom xi ftit nagħaġ biex hekk ikollhom il-ħalib, ġobon u suf. Hija ħasra li dawn ix-xeni sparixxew minn pajjiżna. Meta l-bniedem jitbiegħed min-natura ikun ħafna aktar faċli għalih li jitbiegħed minn Alla wkoll.
Fl-ewwel qari Alla jxebbaħ lilu nnifsu ma’ Ragħaj: ‘Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom. Bħalma r-ragħaj jaħseb fil-merħla tiegħu meta jsib ruħu f’nofs in-nagħaġ imxerrda tiegħu, hekk naħseb jien fin-nagħaġ tiegħi, u nsalvahom minn kull fejn xterdu…’ Din hi wkoll ċanfira għal dawk li suppost ħadu ħsieb tal-poplu t’Alla, iżda flok għamlu dan, użew il-poplu għall-interessi tagħhom. Alla tagħna jħobbna bi mħabba bla qies, ‘Jiena nfittex il-mitlufa, irreġġa’ lura l-imxerrda, ninfaxxa l-ġrieħi tal-miġrugħa, u nqawwi l-marida.’, iżda dan ma jfissirx li Alla jagħlaq għajnejh għall-imġieba tagħna: ‘Ara, jiena nagħmel ħaqq bejn nagħġa u nagħġa,’.
Fis-salm tal-lum smajna dawn il-kelmiet: ‘Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu.’ Liema hi din it-Triq tas-Sewwa li fiha jmexxina l-Mulej? Dan jgħidulna l-Evanġelju tal-lum: “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”. Ir-Ragħaj tagħna li tant iħobbna u tant jieħu ħsiebna, ħaġa waħda jrid minna, li nieħdu ħsieb xulxin, li nħobbu lil xulxin, u l-aktar lil dawk li jkunu qegħdin ibatu: infatti fuq hekk għad jiġġudikana. Kemm ta’ min niftħu għajnejna aħna li nemmnu fiH: huwa jrid li nitolbu, li nagħmlu penitenza biex nikkontrollaw lilna nfusna, iżda dan kollu jrid iwassal biex inħobbu lil xulxin kif iħobbna Hu; jekk le allura nkunu nsara tal-qoxra biss. Huwa għad jiġġudikana fuq kemm ħabbejna lil xulxin u lil kulħadd, għax wara kollox dan huwa l-eżami ta’ kemm ħabbejna lilu bil-verità. “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.
Fit-tieni qari, San Pawl ifaħħar lil Alla għall-qawmien ta’ Ibnu mill-Imwiet: ‘Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu.’ Din ir-rebħa Ġesù ma għamiliex għalih innifsu, iżda għalina lkoll: ‘Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu.’ Dan xi jfisser għalina fil-prattika? Jfisser li jgħolli kemm jgħolli ruħu l-ħażen fid-dinja, tikber kemm tikber il-mibegħda, il-ġlied u l-gwerrer, fl-aħħar mill-aħħar l-Imħabba toħroġ rebbieħa, fl-aħħar mill-aħħar il-gwerrer u l-ħażen tad-dinja jridu jisfaw fix-xejn u magħhom dawk kollha li ma aċċettawx lil Ġesù u l-Kelma tiegħu f’ħajjithom. Iva s-Sultan tagħna huwa Sultan tal-Imħabba rebbieħa, u aħna nkunu parti minn din ir-rebħa jekk kemm-il darba nintrabtu miegħu fil-ħajja u fil-mewt, biex miegħu nkunu fil-ħajja li ġejja.
Tajjeb li nistaqsu lilna nfusna: Jien kif nqisni li nkun irbaħt, meta tgħaddi tiegħi, meta niġġieled u nħossni li umiljajt lill-persuna l-oħra, jew meta nħobb u naħfer? Min inqis li huma r-rebbiħin fil-ħajja dawk li jiddominaw lil ħaddieħor jew dawk li jservu b’umiltà? It-tweġiba sinċiera tiegħi turina fuq liema naħa tas-Sultan ser inkun meta jiġi fl-aħħar taż-żminijiet.
Illum Mulej nitfgħu ħarsitna fuqek is-Sultan tagħna, Sultan msallab ma salib iżda Rebbieħ, Sultan li jagħti ħajtu għas-sudditi tiegħu: għenna Mulej ħalli nifħmu li r-rebħa ma hijiex ta’ min jiddomina u jġib il-firdiet, ġlied u gwerrer, iżda ta’ min iħobb, jaħfer u jservi kif għamilt Int magħna lkoll. Ammen.