Rivelazzjoni. Niċċelebraw l-Evanġelju tas-Solennitá ta’ Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu. Sena A.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej.

1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla    

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.

Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”.

Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”.

U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”.

Imbagħad huma wkoll iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”.

Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed min dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.

U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem”. Mt 25, 31-46.

2. Riflessjoni/talba: 

i. Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.

Dak li poġġa l-pedament tas-Saltna

Dak li ħejjieha bħala l-unika wirt tagħna

(mhux bħan-nar li tħejja għax-xitan)

jurina kif nagħżlu

bejn dak li jibqa’ u dak li jinħaraq

bejn dak li denju għal ulied imbierka mill-Missier

u dak li mhux.

Irrifletti:

  • X’jgħinek tiżen bejn dak li jiswa u dak li ma jiswiex?

ii. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”.

Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”

It-tnejn isaqsu “meta rajniek?”.

Meta l-laqgħa mal-limitu tal-persuna l-oħra –

il-ġuħ, il-fraġilità, l-isfruttament, il-preġudizzju –

tqanqal fik risposta ta’

attenzjoni, kompassjoni, ġesti żgħar ta’ dinjità,

hemm isseħħ rivelazzjoni

tal-ġenwinità tal-umanità tiegħek

tax-xebħ t’Alla li qed jieħu forma fik

tal-qawwa ta’ min jibqa’ jħobb anke minn fuq salib.

Irrifletti

  • Fejn waqaft u weġibt għal-limitu tal-persuna l-oħra? X’tinnota?

iii. U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.

Huwa biss lejn l-aħħar

li nindunaw li dak li ġie għandna mimli limiti

huwa s-Sultan.

U dik issalvana milli l-ġest ċkejken li nagħmlu

nagħmluh mhux għall-imħabba imma għall-gwadann

li nistgħu nieħdu mingħand is-Sultan.

Irrifletti

  • Għal liema raġuni tagħmel it-tajjeb, tagħmel il-ġid, tieqaf ma’ xi ħadd?

3. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?