Minkejja li l-ministeru tad-djakonu fil-Knisja kien fost l-ewwel li kien stabilit, madonkollu fil-punent dan il-ministeru kien baqa’ biss bħala l-aħħar tarġa qabel ma wieħed ikun ordnat saċerdot. Fis-sena 1964, permezz tal-Kostituzzjoni Dommatika “Lumen Gentium”, li titratta dwar il-Knisja, il-Konċilju Vatikan II irrestawra d-djakonat bħala grad propju u permanenti tal-ġerarkija, iżda ħalla f’idejn il-Konferenzi Episkopali territorjali li jiddeċiedu jekk id-djakni permanenti għanhomx ikunu istitwiti fid-djoċesijiet tagħhom. (par. 29)
Fid-dokument, “Viżjoni ta’ Knisja Komunjoni”, ippublikat fl-2003, is-Sinodu Djoċesan ta’ Malta fakkar illi d-djakonat permanenti kien ġie restawrat mill-konċilju mhux minħabba nuqqas ta’ saċerdoti u reliġjużi, imma għaliex huwa kariżma oħra fil-Knisja u għaliex dan ikompli jagħni l-pastorali tal-Knisja speċjalment fl-oqsma tal-karità u l-assistenza. Għalhekk is-Sinodu talab li jkun studjat it-tifsir u s-siwi tad-djakonat permanenti u li tkun studjata wkoll bis-serjetà l-possibilta li jiġi introdott dal-ministeru fil-komunità ekkleżjali Maltija. (par. 25)
Huwa uffiċċju tad-djaknu, skond ma jingħata lilu mill-awtorità kompetenti, li jamministra b’mod solenni l-magħmudija, izomm u jqassam l-Ewkaristija, jassisti f’isem il-Knisja għaż-żwieġ u jbierku, jieħu l-Vjatku lill-moribondi, jaqra l-Iskrittura lill-fidili, igħallem u jħeġġeġ lill-poplu, jippresjedi għall-kult u għat-talb tal-fidili, jamministra s-sagramentali, u jippresjedi għar-rit tal-funerali u d-dfin. Barra minn hekk id-djakni għandhom ikunu mogħtija għall-uffiċċju tal-karità u l-qagħdi.
Mid-dokument tal-konċilju għaddew 47 sena u minn dak tas-sinodu djoċesan għaddew 8 snin, imma sallum il-Konferenza Episkopali Maltija għadha ma ħassitx il-bżonn li terġa tistitwixxi dan il-ministeru bħala wieħed permanenti. Madankollu matul dawn l-aħħar xhur saru diskussjonijiet dwar dan is-suġġett f’uħud mill-organi djoċesana tal-Knisja f’pajjiżna.
Nemmnu li diskussjoni miftuħa tista’ tħalli ħafna frott u għalhekk nilqgħu l-kummenti u suġġerimenti dwar dan is-suġġett li żgur se jkun jolqgħot lill-insara kollha fi ħdan il-Knisja Kattolika f’pajjiżna.
Ara d-dokument tas-Santa Sede:- “Basic Norms for the Formation of Permanent Deacons” u “Directory for the Ministry and Life of Permanent Deacons” … Ikklikkja … >
Ara wkoll:- “Id-Djakni Permanenti – Se nibdew il-proċess.”