Is-soċjetà tagħna għandha bżonnkom.

Print Friendly, PDF & Email

ŻJARA LILL-FONDAZZJONI SAN JOSÉ – TISLIMA TAL-Q.T. L-PAPA BENEDITTU XVI

Madrid, Is-Sibt, 20 t’Awwissu 2011

Eminenza, Għeżież Ħuti fl-Episkopat, Għeżież Saċerdoti u Reliġjużi tal-Ordni Ospitalier ta’  San Ġwann t’Alla, Awtoritajiet Distinti, Għeżież Żgħażagħ, Membri tal-Familja u Voluntieri, 

Nirringrazzjakom minnqalbi għat-tislima ġentili tagħkom u l-merħba mill-qalb.

Illejla, propju qabel il-Velja ta’ Talb maż-żgħażagħ li mid-dinja kollha nġabru f’Madrid għal dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, għandna dan iċ-ċans li nqattgħu ħin flimkien bħala mod li juri l-qrubija u l-istima li l-Papa għandu għal kull wieħed minnkom, għall-familji tagħkom u għal dawk kollha li jgħinukom u jieħdu ħsiebkom fil-Fondazzjoni tal-Istitut ta’ San Ġużepp.

Iż-żgħożija, kif għedt aktar minn darba, hi l-età fejn il-ħajja tinkixef quddiemna bl-għana tal-possibilitajiet li toffri, u b’hekk tnebbaħna li nfittxu dawk l-għanijiet għolja li jagħtuha tifsira.  Għalhekk meta t-tbatija tixref fix-xefaq ta’ ħajja żagħżugħa, nixxukkjaw ruħna; għandna mnejn nistaqsu lilna nfusna: “Tista’ l-ħajja tibqa’ xi ħaġa sublimi, ukoll meta t-tbatija tidħol fiha bla mistenni?”  Fl-Enċiklika tiegħi dwar il-Tama Nisranija, ikkumentajt li “il-qies  tabilħaqq tal-umanità hu essenzjalment determinat fir-relazzjoni mat-tbatija u ma’ min qed ibati… Soċjetà li m’għandhiex ħila tilqa’ lill-membri tagħha li qed  ibatu u ma tafx kif tgħin biex taqsam it-tbatija tagħhom u ġġorrha fil-ġewwieni tagħha permezz tal-‘kom-passjoni’, hi soċjetà, kiefra u inumana” (Spe Salvi, 38).  Dawn il-kliem jixhdu tradizzjoni twila ta’ umanità li toħroġ mill-għotja tiegħu nnifsu ta’ Kristu fuq is-Salib għalina u għall-fidwa tagħna.   Ġesù u, fuq  il-passi tiegħu, Maria Addolorata u l-qaddisin, huma xhieda li juruna kif ngħixu t-traġedja tat-tbatija għall-ġid tagħna u għall-fidwa tad-dinja.

Dawn ix-xhieda jkellmuna, l-ewwel u qabel kollox, dwar id-dinjità tal-ħajja umana kollha kemm hi, maħluqa fuq ix-xbieha t’Alla.  L-ebda tbatija ma tista’ qatt tħassar ix-xbieha divina minquxa fil-fond tal-bniedem. Imma hemm aktar minn hekk: għaliex l-Iben t’Alla ried li, b’rieda ħielsa, iħaddan it-tbatija u l-mewt, aħna nistgħu wkoll naraw ix-xbieha t’Alla f’wiċċ min qed ibati.  Din l-imħabba t’Alla li tagħti preferenza lill-batut tgħinna naraw lill-oħrajn b’mod aktar ċar u  nagħtuhom, lil hinn mill-ħtiġijiet materjali tagħhom, il-ħarsa ta’ mħabba li jeħtieġu.  Imma dan jista’ jsir biss bħala frott ta’ laqgħa personali ma’ Kristu.  Intom stess, bħala reliġjużi, membri tal-familja, ħaddiema fil-kura tas-saħħa u voluntiera li kuljum tgħixu u taħdmu ma’ dawn iż-żgħażagħ – tafuha tajjeb din il-ħaġa.  Ħajjitkom u l-impenn ta’ qadi tagħkom ixandru l-kobor li għalih hu msejjaħ kull bniedem: li juri ħniena u attenzjoni mimlija mħabba lil min qed ibati, hekk kif għamel Alla nnifsu.  Fil-ħidma nobbli tagħkom nisimgħu jidwu l-kliem tal-Evanġelju: “dak li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi” (Mt. 25,40).

Fl-istess ħin, intom ukoll xhieda tat-tjubija mill-akbar li l-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ tirrappreżenta għal dawk li jħobbuhom, u għall-bnedmin kollha.  B’mod misterjuż imma reali, il-preżenza tagħhom tqajjem fil-qlub, sikwit iebsa tagħna, ħlewwa li tiftaħna għall-fidwa.  Il-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ bla dubju tmiss qalb il-bniedem u għaldaqstant aħna grati lejn Alla li nafuhom.

Għeżież ħbieb, is-soċjetà tagħna, li sikwit tiddubita l-valur bla qies tal-ħajja, ta’ kull ħajja, għandha bżonnkom: b’mod deċiżiv intom tibnu ċ-ċiviltà tal-imħabba.  Aktar minn hekk, intom għandkom irwol ewlieni f’dik iċ-ċiviltà.  Bħala wlied il-Knisja, intom toffru ħajjitkom lil Alla, bit-tlajja u l-inżul tagħha, filwaqt li taħdmu miegħu u b’xi mod issiru “sehem mill-ġabra ta’ ħniena li hi tant meħtieġa għall-bnedmin” (Spe Salvi, 40).

Bi mħabba kbira, u bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp, San Ġwann t’Alla u San Benito Menni, jien noffrikom lill-Mulej Alla tagħna: jalla jkun hu is-saħħa u l-premju tagħkom.  Bħala rahan ta’ din l-imħabba, jien bil-qalb nagħti lilkom, u lill-familji u l-ħbieb tagħkom, il-Barka Appostolika tiegħi.

Grazzi ħafna.

Ħajr lis-Ms Maria Pia Gauci li għamlet din it-traduzzjoni ta’ dan id-diskors.

Ħajr lill-Catholic Press Photo ta’ Ruma għar-ritratti.

One thought on “Is-soċjetà tagħna għandha bżonnkom.”

  1. L-aktar li laqtitni kienet il-link fuq id-diskors tal-Papa Benedittu, li jixtieq li z-zgahzagh jaghrfu il-verita’, l-imhabba t’Alla. Illum specjalment fl-Ewropa l-affarijiet materiali u certu affarijet li m’humiex favur il-hajja nisranija (fil-Media, fl-internet, etc.), sfortunatament jixbdu iktar l-attenzjoni taz-zghazagh, iktar mil-kelma t’Alla.

    Ghalhekk nahseb li ghamel sewwa li ta importanza l-Papa liz-zghazagh billi jaghmel avvenimenti bhal dawn indirizati liz-zghazagh. Nemmen ukoll li peress li llum fil-hajja moderna, fejn hawn hafna uzu ta’ l-internet specjalment maz-zghazagh, tajjeb li inxerdu il-kelma ta’ Alla billi nuzaw dawn l-istrumenti bhal websites, facebook, youtube, etc.

    Sfortunatament illum hafna zghazagh iddumu sieghat twal quddiem il-monitor!! Ghalhekk nemmen li l-kelma t’Alla tista’ tasal ghandhom via l-internet, specjalment il-facebook. Kieku tajjeb forsi nigbdu l-attenzjoni taghhom b’xi short videos bhal youtube fejn jwaslu l-kelma t’Alla….. sempliciment naqra worship song, tista’ tghin u tressaq lin-nies lejn Alla, specjalment meta dawn in-nies jkunu ghaddejin min xi diffikulta.

    Fuq kollox nemmen li bis-semplicita’, kif kien jimxi Gesu’ nistghu nressqu iktar nies lejn il-Knisja; lejn Alla….dejjem nahseb kieku Kristu x’kien jaghmel b’din is-sitwazzjoni….jersaq vicin iz-zghazagh, l-istess kif qieghed jaghmel il-Papa.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading