Is-Sibt, 23 ta’ Marzu 2013: Anke dalgħodu, is-Sibt 23 ta’ Marzu 2013, il-Papa Franġisku stieden għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ta’ filgħodu fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ diversi kategoriji ta’ ħaddiema tal-Belt tal-Vatikan. Hekk kienu preżenti grupp ieħor ta’ ġardinara u ħaddiema oħra li jieħdu ħsieb it-tindif tal-Governat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan li ma setgħux jattendu flimkien ma’ sħabhom tax-xogħol għall-quddiesa tal-Papa fil-għodwa tal-ġurnata ta’ qabel, il-Ġimgħa 22 ta’ Marzu 2013. Flimkien magħhom kien hemm ukoll diversi impjegati oħra u madwar ħmistax-il soru tas-sorijiet Pie Discepoli del Divin Maestro li jwettqu servizz fiċ-ċentrali telefonika tal-Belt tal-Vatikan.
Fl-omelija l-Qdusija Tiegħu ppropona riflessjoni qasira dwar il-qari liturġiku tal-jum u, b’mod partikolari, fuq is-silta tal-Evanġelju ta’ Ġwanni (11, 45-56) fejn jinqraw il-kliem tal-qassis il-kbir Kajfa lill-mexxejja tas-saċerdoti u lill-fariżej miġburin fis-Sinedriju u l-kumment tal-evanġelista: ‘Ġesù kellu jmut għan-nazzjon, u mhux għan-nazzjon biss, imma biex jerġa’ jgħaqqad flimkien lil ulied Alla li kienu mferrxin.’ Ġesù miet għall-poplu tiegħu u miet għal kulħadd. Imma dan, innota l-Papa, m’għandux jiftiehem fis-sens tal-globalità, imma jiġifieri li Ġesù miet għal kull bniedem singolarment. Kull Nisrani mela għandu jgħid: ‘Kristu miet għalija.’
Din hija l-espressjoni massima tal-imħabba ta’ Ġesù għal kull bniedem. U minn dan l-għarfien ta’ din l-imħabba, saħaq il-Papa Franġisku, għandha titwieled grazzja hekk profonda u appassjonata li tista’ anke tasal biex tinbidel fi dmugħ ta’ ferħ fuq il-wiċċ ta’ kull fidil.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb