Il-Ġimgħa, 22 ta’ Marzu 2013: Meta qalbna tkun tal-ġebel, jiġri li naqbdu f’idejna ġebel veru u nħaġġru lil Ġesù Kristu fil-persuna ta’ ħutna, speċjalment dawk l-iktar debboli. Għalhekk hemm bżonn li niftħu qalbna għall-imħabba. Dan qalu l-Papa Franġisku waqt li kien qed jikkummenta dwar il-qari tal-jum waqt il-quddiesa ċċelebrata l-Ġimgħa 22 ta’ Marzu 2013 filgħodu, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.
Din kienet ċelebrazzjoni sempliċi li għaliha l-Papa stieden lill-membri tal-istaff fis-servizz tal-ġonna u lil dawk inkarigati mit-tindif tal-Governat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, waqt li ħin bla waqt għamel omelija qasira marbuta b’mod partikolari mas-silta tal-Evanġelju ta’ Ġwanni li tirrakkonta l-episodju tal-Lhud li riedu jħaġġru lil Ġesù.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb