Il-Papa f’Santa Marta: Eloġju lill-manswetudni

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 9 ta’ April 2013: It-tentazzjoni li nqasqsu dwar l-oħrajn u nsawtuhom bil-paroli tinsab dejjem wara l-kantuniera. Ukoll fil-familja, bejn il-ħbieb fil-parroċċa, fejn in-nisa tal-katekeżi jiġgieldu ma’ dawk tal-Caritas. Dawn huma tentazzjonijiet ta’ kuljum, għedewwa tal-manswetudni u tal-għaqda bejn in-nies u fil-komunità nisranija.  Huma tentazzjonijiet li jiġru lil kulħadd, ukoll lili. U proprju minn dan l-atteġġjament il-Papa Franġisku talab biex noqogħdu attenti waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tat-Tlieta 9 ta’ April 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Il-Papa wera t-triq tal-manswetudni evanġelika biex iħalli lill-Ispirtu l-possibiltà li jaħdem u jirriġenera għal ħajja ġdida magħmula minn għaqda u minn imħabba. Huwa rrakkomandalna nitolbu l-grazzja li ma niġġudikaw lil ħadd u li nitgħallmu ma nqasqsux minn wara dahar l-oħrajn – dan ikun pass kbir u sabiħ ’il quddiem – waqt li nfittxu li nkunu karitatevoli wieħed mal-ieħor, rispettużi, waqt li b’manswetudni nħallu l-post lill-ieħor.

Il-Papa fakkar li fit-talba tal-bidu tal-quddiesa tlabna lill-Mulej li, permezz tal-qawwa ta’ Ġesù rxuxtat, juri lid-dinja l-milja tal-ħajja l-ġdida. Wara l-qawmien ta’ Ġesù, tibda ħajja ġdida: huwa dan li jgħid Ġesù lil Nikodemu. Hemm bżonn ‘li titwieled mill-għoli’, terġa’ tibda. Nikodemu, spjega l-Papa Franġisku b’referenza għas-silta tal-Evanġelju ta’ Ġwanni (3, 7-15), huwa raġel studjuż. Ftit qabel, fl-Evanġelju, kien wieġeb lil Ġesù: ‘Imma kif jista’ bniedem jitwieled mill-ġdid, jerġa’ lura f’ġuf ommu u jitwieled mill-ġdid?’ Ġesù kien qed jitkellem dwar dimensjoni oħra: ‘titwieled mill-għoli’, titwieled mill-Ispirtu. Huwa twelid ġdid; hija dik il-ħajja ġdida, dik is- sbuħija tal-ħajja ġdida li tlabna fit-talba. Hija l-ħajja ġdida li aħna rċevejna fil-Magħmudija, imma li rridu niżviluppaw.

Mill-ġdid il-Papa saħaq li hemm bżonn li nagħmlu minn kollox sabiex dik il-ħajja tiżviluppa fil-ħajja l-ġdida. U kif se tkun din il-ħajja l-ġdida? Mhux li llum ngħidu: ‘Iva, illum jien twelidt, jien spiċċajt, nibda mill-ġdid.’ Hija mixja, hija mixja iebsa, irridu naħdmu biex nagħmluha. Imma hija wkoll mixja li ma tiddependix minna biss: prinċipalment tiddependi mill-Ispirtu, u aħna rridu ninfetħu għall-Ispirtu sabiex huwa jagħmel fina din il-ħajja ġdida.

Fl-ewwel qari, qal il-Papa Franġisku waqt li kkummenta s-silta mill-Atti tal-Appostli(4, 31-37) tal-liturġija tallum, għandna bħal antiċipazzjoni, prologu ta’ dak li se jkun, il-ħajja l-ġdida, dak li suppost tkun il-ħajja l-ġdida. Il-moltitudni ta’ dawk li kienu saru kredenti kellha qalb waħda u ruħ waħda. Ruħ waħda, qalb waħda: l-għaqda, dik l-għaqda, dik l-unanimità, dik l-armonija tas-sentimenti fl-imħabba, l-imħabba mutwa. Dak il-ħsieb li l-oħrajn huma aħjar minni. U dan huwa sabiħ, le?

Imma r-realtà, spjega l-Papa, tgħidilna li dan, wara l-Magħmudija, ma jiġix b’mod awtomatiku. Dan huwa xogħol li nagħmluh tul il-mixja tal-ħajja, huwa xogħol li jsir mill-Ispirtu fina u huwa fedeltà għall-Ispirtu min-naħa tagħna. U din il-manswetudni fil-komunità hija virtù daqsxejn waħda minsija. Inkunu mansweti, inħallu postna għal ħaddieħor. Hemm tant għedewwa tal-manswetudni! Nibdew mit-tqasqis – le? – meta nippreferi nqasqas, inqasqas dwar l-ieħor, insawwat ftit lill-ieħor. Huma ħwejjeg ta’ kuljum li jiġru lil kulħadd, inkluż lili. 

Imbagħad il-Papa kompla jgħid li dawn huma tentazzjonijiet tal-Ħażin, li ma jridx li l-Ispirtu jiġi għandna u jagħmel din il-paċi, din il-manswetudni fil-komunitajiet insara. Immorru fil-parroċċa u n-nisa tal-katekeżi jissieltu kontra dawk tal-Caritas. U dejjem ikun hemm dan il-ġlied. Ukoll fil-familja u fil-kwartier. Imma wkoll fost il-ħbieb. U din mhix il-ħajja l-ġdida. Meta jiġi l-Ispirtu u jwellidna f’ħajja ġdida, jagħmilna mansweti, karitatevoli. La tiġġudikaw lil ħadd: l-uniku mħallef huwa l-Mulej. Allura hekk hu s-suġġeriment biex nibqgħu siekta. U jekk għandi ngħid xi ħaġa, ngħidha lilu, lilha: mhux lill-kwartier kollu, imma biss lil min jista’ jirrimedja s-sitwazzjoni.

Il-Papa Franġisku għalaq billi qal li dan huwa biss pass fil-ħajja l-ġdida, imma huwa pass ta’ kuljum. Kemm-il darba, bil-grazzja tal-Ispirtu, jirnexxielna ma nqasqsu qatt, ikun pass kbir u sabiħ ’il quddiem. U jagħmlilna tajjeb ilkoll. Nitolbu lill-Mulej li juri lilna u lid-dinja s-sbuħija u l-milja ta’ din il-ħajja l-ġdida, ta’ dan it-twelid tal-Ispirtu li jiġi fil-komunità tal-fidili u jwassalna li nkunu mansweti, li nkunu karitatevoli u rispettużi wieħed mal-ieħor. Nitolbu din il-grazzja għalina lkoll.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: