Il-Papa f’Santa Marta: Is-salvazzjoni skont Papa Franġisku

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 10 ta’ April 2013: Il-Mulej ma jsalvaniex b’ittra, b’digriet, imma salvana u jkompli jsalvana bi mħabbtu billi jagħti lura lill-bnedmin dinjità u tama. Fis-solita quddiesa ta’ filgħodu, iċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, l-Erbgħa 10 ta’ April 2013, il-Papa Franġisku tkellem dwar is-salvazzjoni nisranija, waqt li wera s-sinifikat l-iktar awtentiku: dik l-imħabba ta’ Alla li permezz tal-Iben uniġenitu tiegħu sar wieħed minna, mexa magħna.

Waqt li kkummenta t-talba kolletta, il-Papa saħaq li fl-ewwel talba tal-quddiesa fil-fatt ingħad lill-Mulej: ‘Inti fl-Għid għamilt żewġ ħwejjeġ: erġajt irristabbilejt il-bniedem lura fid-dinjità mitlufa tiegħu. U, bħala konsegwenza, tajtu t-tama.’  Din, spjega l-Papa, hija l-fidwa. Il-Mulej jagħtina d-dinjità li tlifna: dik id-dinjità ta’ wlied. Jirristabbilixxi d-dinjità, kif ukoll jagħtina t-tama. Dinjità li tkompli għaddejja sal-aħħar laqgħa definittiva tagħna miegħu. Din hija t-triq tal-fidwa, u dan huwa sabiħ. Tagħmlu biss l-imħabba. Aħna denji, aħna nisa u rġiel ta’ tama.

Madankollu jiġri li kultant aħna rridu nsalvaw lilna nfusna u nemmnu li dan nistgħu nagħmluh. Jien insalva lili nnifsi! Ma ngħidux hekk imma hekk nagħmlu fil-ħajja. Per eżempju meta naħsbu: ‘Jien insalva bil-flus, mhux problema… Għandi dinjità: id-dinjità ta’ bniedem għani.’ Iżda, wissa l-Papa Franġisku, dan kollu mhux biżżejjed. Naħsbu fil-parabbola tal-Evanġelju, ta’ dak ir-raġel li kellu l-maħżen tal-qamħ mimli sa fuq u jgħid: ‘Nibni ieħor, biex ikolli iktar u hekk norqod trankwill.’ U l-Mulej iwieġbu: ‘Iblah! Il-lejla stess se tmut.’ Dik il-fidwa ma tiswiex. Dik fidwa proviżorja, fidwa li tidher biss, bħal dawk id-drabi li fihom nilludu lilna nfusna li ninfdew bil-vanità, bil-kburija;  nemmnu li aħna qawwija, waqt li nimmaskraw il-faqar tagħna, id-dnubiet tagħna bil-vanità, bil-kburija. Kollha ħwejjeġ li jintemmu, waqt li l-vera fidwa għandha x’taqsam mad-dinjità u t-tama rċevuti grazzi għall-imħabba ta’ Alla li bagħat lil Ibnu biex jifdina,  żied jgħid il-Papa, waqt li għamel referenza għas-silta tal-Evanġelju ta’ Ġwanni (3, 16-21) ipproklamata ftit qabel.

Minn hawn l-istedina tal-Papa biex nagħmlu att ta’ fidi: ‘Mulej, jiena nemmen. Nemmen fi mħabbtek. Nemmen li mħabbtek salvatni. Nemmen li mħabbtek tatni dik id-dinjità li ma kellix. Nemmen li mħabbtek tagħtini t-tama.’ Allura hekk hu li ssir ħaġa sabiħa li temmen fl-imħabba, għaliex dik hija l-verità, hija l-verità ta’ ħajjitna.

Fi tmiem l-omelija, il-Papa tenna mill-ġdid l-istedina biex nemmnu fl-imħabba ta’ Alla bl-eżortazzjoni konklussiva biex niftħu qalbna biex din l-imħabba tiġi, timliena u timbuttana ħalli nħobbu lill-oħrajn.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: