Il-Papa f’Santa Marta: Ir-regola tad-deheb tal-umiltà

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 8 ta’ April 2013: L-umiltà hija r-regola tad-deheb: għan-Nisrani li jagħmel progress ifisser li jitbaxxa. U huwa proprju fuq it-triq tal-umiltà, magħżula minn Alla stess, li jgħaddu l-imħabba u l-karità. Dan fakkru l-Papa Franġisku fl-omelija waqt il-quddiesa li ċċelebra fl-għodwa tat-Tnejn 8 ta’ April 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

L-istorja kollha tal-fidi, qal il-Papa, hija magħmula minn umiltà u tkellem lilna lkoll dwar l-umiltà. Huwa hekk ukoll minħabba l-fatt storiku tat-twelid ta’ Ġesù. Jidher li Alla ried li kull ġrajja ssir bil-moħbi, li ma ssirx pubblika, li tkun bħallikieku miksija bid-dell tal-Ispirtu s-Santu. Hekk hu għaliex, żied il-Papa, kollox isir fit-triq tal-umiltà. Alla umli, jitbaxxa: jiġi għandna u jitbaxxa. U jkompli jitbaxxa sas-salib.

Il-Papa Franġisku sostna li fil-waqt tal-annunzjazzjoni Marija wkoll titbaxxa. Ma tifhimx sewwa, imma hija libera, tifhem biss l-essenzjali u tgħid ‘iva’. Hija umli: ‘Issir ir-rieda ta’ Alla.’ Titlaq ruħha għar-rieda ta’ Alla. U Ġużeppi, l-għarus tagħha – kien għadhom mhumiex miżżewġin – hu wkoll jitbaxxa u jġorr fuqu nnifsu din ir-responsabbiltà hekk kbira. Ġużeppi, kompla l-Papa, ukoll jgħid ‘iva’ lill-anġlu meta, waqt li kien rieqed, qallu dik il-verità.

Proprju l-istil ta’ Marija u ta’ Ġużeppi juri l-imħabba kollha ta’ Alla li, biex jasal għalina, jaqbad it-triq tal-umiltà. Alla umli li ried jimxi mal-poplu tiegħu. Il-Papa rrefera għall-ktieb tad-Dewteronomju meta qal: ‘Jien ħriġtkom fid-deżert bħal ma missier joħroġ lil ibnu.’ Alla umli u tant tajjeb. Alla paċenzjuż. Dan huwa differenti mill-atteġġjament tal-idoli. L-idoli huma qawwija, jinstemgħu: ‘Hawn nikkmanda jien!’

Alla tagħna, għaliex huwa veru – għaliex mhux Alla taparsi, huwa veru; mhux Alla tal-injam, magħmul mill-bnedmin, huwa veru – jippreferixxi jmur hekk, għal għonq it-triq tal-umiltà, kompla l-Qdusija Tiegħu, waqt li spjega li din l-imħabba kollha hi fuq din it-triq tal-umiltà. Li tkun umli ma jfissirx li tmur hekk fit-triq, b’għajnejk baxxi: le, le. L-umiltà hija dik ta’ Alla li jgħallimna dik ta’ Marija, dik ta’ Ġużeppi. U l-umiltà, żied Franġisku, hija dik ta’ Ġesù, li jispiċċa fuq is-salib. U din hija r-regola tad-deheb għan-Nisrani: timxi ’l quddiem, tavvanza u titbaxxa. Ma tistax tmur fi triq oħra. Jekk jien ma nitbaxxiex, jekk int ma titbaxxiex, m’intix Nisrani. Imma għaliex għandi nitbaxxa? Biex tħalli li l-karità kollha ta’ Alla tiġi f’din it-triq – hija l-unika li huwa għażel, ma għażilx triq oħra – li tispiċċa fuq is-salib. U mbagħad fit-trijonf tar-Riżurrezzjoni.

It-trijonf tan-Nisrani, ikkonkluda l-Papa, jieħu din it-triq tat-tbaxxija. Jiena nemmen li jgħid hekk: jitbaxxa. Inħarsu lejn Ġesù li jibda jitbaxxa f’dan il-misteru hekk sabiħ. Inħarsu lejn Marija, inħarsu lejn Ġużeppi. U nitolbu l-grazzja tal-umiltà. Imma din l-umiltà hija t-triq li minnha, bla ebda dubju, tgħaddi l-karità. Pawlu jgħidilna: ‘Aħsbu li l-oħrajn huma aħjar minnkom.’ Kultant huwa diffiċli li taħsbu dan. Imma Pawlu jaħseb dwar dan il-misteru, dwar din it-triq, għaliex hu, fl-iktar qiegħ ta’ qalbu, jaf li l-imħabba biss tgħaddi minn din it-triq tal-umiltà. Infatti, jekk m’hemmx umiltà, l-imħabba tibqa’ mblukkata. Ma tkunx tista’ tkompli timxi. Nitolbu, mela, il-grazzja tal-umiltà lill-Madonna, lil San Ġużepp u lil Ġesù, temm l-omelija tiegħu l-Papa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: