Katekeżi Kredu, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

It-tifsira salvifika tal-Qawmien ta’ Kristu u għaliex mingħajru l-fidi tagħna tkun fiergħa


5. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 10 ta’ April 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-Katekeżi tal-ġimgħa l-oħra waqafna nitkellmu fuq il-ġrajja tal-Qawmien ta’ Ġesù, li fiha n-nisa kellhom rwol partikulari. Il-lum nixtieq nirrifletti fuq it-tifsira salvifika tagħha. U għaliex mingħajru l-fidi tagħna tkun fiergħa? Il-fidi tagħna hi mibnija fuq il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu, l-istess kif dar tistrieħ fuq il-pedamenti: jekk dawn iċedu, tikkrolla d-dar kollha.

Fuq is-salib, Ġesù offra lilu nnifsu meta ħa fuqu d-dnubiet tagħna u niżel fl-abbiss tal-mewt, u fil-Qawmien jirbaħhom, ineħħihom u jiftħilna t-triq biex nitwieldu mill-ġdid għal ħajja ġdida. San Pietru dan jiġbru fil-qosor u jesprimih fil-ftuħ ta’ l-Ewwel Ittra tiegħu, kif għadna kemm smajna: “Ikun imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħu reġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawmien ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet u għal wirt li la jitħassar, la jittabba’, u lanqas jinxef” (1:3-4).

L-Appostlu jgħidilna li bil-Qawmien ta’ Ġesù sseħħ xi ħaġa għal kollox ġdida: niġu meħlusin mill-jasar tad-dnub u nsiru wlied ta’ Alla, jiġifieri niġu mnisslin għal ħajja ġdida. Dan għalina meta jseħħ? Fis-Sagrament tal-Magħmudija. Fl-antik, dan normalment kien jingħata bit-tagħdis. Dak li kellu jiġi mgħammed kien jinżel fil-fonti kbir tal-Battisteru, u jħalli l-ilbies tiegħu warajh, u l-Isqof jew il-Presbiteru kien isawwab għal tliet darbiet l-ilma fuq rasu, u jgħammdu fl-isem tal-Missier, ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Imbagħad l-imgħammed kien jitla’ mill-fonti u jxidd fuqu l-libsa l-ġdida, dik bajda: jiġifieri hu twieled għal ħajja ġdida, billi ġie mgħaddas fil-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu. Sar iben ta’ Alla. San Pawl fl-Ittra lir-Rumani jikteb: Intom “irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abbà! Missier!’” (Rum 8:15). Hu propju l-Ispirtu li rċivejna fil-Magħmudija li jgħallimna, iwassalna biex lil Alla nsejħulu “Missier”, jew aħjar, “Abbà!”, li tfisser “pa”. Dan hu Alla tagħna: għalina hu pa. L-Ispirtu s-Santu jwettaq fina din il-kundizzjoni ġdida ta’ wlied Alla. U dan hu l-akbar don li nirċievu fil-Misteru ta’ l-Għid ta’ Ġesù. U Alla jittrattana bħala wlied, jifhimna, jaħfrilna, jgħannaqna miegħu, iħobbna anki meta niżbaljaw. Diġà fit-Testment il-Qadim, il-profeta Isaija stqarr li anki jekk omm tinsa lil binha, Alla ma jinsiena qatt, fl-ebda waqt (ara 49:15). U dan hu s-sabiħ!

Madankollu, din ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla bħala wlied m’hix bħal xi teżor li nsorru f’xi rokna ta’ ħajjitna, imma hemm bżonn li tikber, hemm bżonn li nitimgħuha kuljum bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, bit-talb, bis-sehem tagħna fis-Sagramenti, spejċalment tal-Penitenza u ta’ l-Ewkaristija, u bil-karità. Aħna nistgħu ngħixu ta’ wlied! U din hi d-dinjità tagħna – aħna għandna d-dinjità ta’ wlied – li nġibu ruħna ta’ wlied tassew! Dan ifisser li kull jum irridu nħallu lil Kristu jibdilna u jagħmilna bħalU; dan ifisser li nfittxu li ngħixu ta’ Nsara, li nfittxu li nimxu warajh, anki jekk naraw kemm huma kbar il-limiti tagħna u d-dgħufijiet tagħna. Għandna dejjem tiġri warajna t-tentazzjoni li nwarrbu lil Alla għall-ġenb biex inqiegħdu lilna nfusna fiċ-ċentru, u l-esperjenza tad-dnub iġġerraħ il-ħajja Nisranija tagħna, il-fatt li aħna wlied Alla. Hu għalhekk li jrid ikollna l-kuraġġ tal-fidi u ma nħallux tmexxina dik il-mentalità li tgħidilna: “Alla ma jiswiex, m’hux importanti għalik”, u kliem bħal dan. Hu propju bil-kontra: ħajjitna tista’ tkun ġdida u mmexxija mis-serenità u mill-ferħ biss jekk inġibu ruħna ta’ wlied Alla, mingħajr ma nħallu jaqtgħulna qalbna l-waqgħat tagħna, id-dnubiet tagħna, u billi nħossuna maħbubin minnU. Alla hu l-qawwa tagħna! Alla hu t-tama tagħna!

Għeżież ħuti, l-ewwel irid ikollna aħna din it-tama soda u rridu nsiru sinjal viżibbli u ċar tagħha li jdawwal lil kulħadd. Il-Mulej Rxoxt hu t-tama li qatt ma tonqos, li ma tqarraqx bina (ara Rum 5:5). It-tama ma tqarraqx bina. Dik li tiġi mill-Mulej! Kemm drabi f’ħajjitna tgħib kull tama, kemm drabi x-xewqat li nġorru f’qalbna jibqgħu ma jseħħux! It-tama tagħna l-Insara hi b’saħħitha, żgura, konkreta f’din id-dinja, fejn Alla sejħilna biex nimxu, u fl-istess ħin hi miftuħa għall-eternità, għax isserraħ fuq Alla, li hu dejjem fidil. Ma rridux ninsew: Alla hu dejjem fidil; Alla hu dejjem fidil magħna. La permezz tal-Magħmudija qomna ma’ Kristu, bid-don tal-fidi, għal wirt li ma jitħassarx, dan iwassalna biex infittxu aktar il-ħwejjeġ ta’ Alla, biex naħsbu iżjed dwarU, biex nitolbuh iżjed. Li aħna Nsara ma jfissirx sempliċement li nobdu l-ordinijiet, imma jfisser li nkunu fi Kristu, naħsbu bħalU, naġixxu bħalU, inħobbu bħalU; u nħalluH jieħu f’idejh ir-riedni tal-ħajja tagħna u jibdilha, jittrasformaha, jeħlisha mid-dlamijiet tal-ħażen u tad-dnub.

Għeżież ħuti, lil dawk li jitolbuna nagħtuhom tweġiba ta’ l-għala tat-tama li għandna fina (ara 1 Piet 3:15), ejjew nuruhom lil Kristu Rxoxt. Nuruhulhom bit-tħabbira tal-Kelma, imma fuq kollox bl-istess ħajja tagħna li qamet miegħU. Nuruhom kemm aħna ferħana li aħna wlied Alla, u l-libertà li għandna għax qed ngħixu fi Kristu, li hi l-libertà vera, dik li ssalvana mill-jasar tal-ħażin, tad-dnub, tal-mewt! Indawru ħarsitna lejn Pajjiżna tas-Sema, u hekk ikollna dawl u qawwa ġdida anki fl-impenn tagħna u fil-ħidmiet tagħna ta’ kuljum. Hu servizz prezzjuż li jeħtieġ nagħtu lil din id-dinja tagħna, li spiss m’għadhiex kapaċi tgħolli ħarsitha ’l fuq, m’għadhiex kapaċi tgħolli ħarsitha lejn Alla.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s