Katekeżi Kredu, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Knisja hi d-dar ta’ Alla, il-post tal-preżenza tiegħu


13. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 26 ta’ Ġunju 2013

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum nixtieq nirriferi fil-qosor għal xbieha oħra li tgħinna biex infissru l-misteru tal-Knisja: dik tat-Tempju (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 6).

Fiex tfakkarna l-kelma tempju? Tfakkarna f’binja. B’mod partikulari l-ħsieb ta’ ħafna minna jmur lejn l-istorja tal-poplu ta’ Israel irrakkuntata fit-Testment il-Qadim. F’Ġerusalemm, it-Tempju l-kbir ta’ Salamun kien il-post tal-laqgħa ma’ Alla fit-talb; fit-Tempju kien hemm l-Arka tal-Patt, sinjal tal-preżenza ta’ Alla qalb il-poplu; u fl-Arka kien hemm it-Twavel tal-Liġi, il-manna u l-ħatar ta’ Aron: biex ifakkru li Alla sa minn dejjem kien fl-istorja tal-poplu tiegħu, kien sieħbu fil-mixja tiegħu, mexxa l-passi tiegħu. It-tempju jfakkarna f’din l-istorja: anki aħna, meta mmorru fit-tempju, jeħtieġ niftakru f’din l-istorja, kull wieħed u waħda minna fl-istorja tiegħu jew tagħha, kif Ġesù ltaqa’ miegħi, kif Ġesù mexa miegħi, kif Ġesù jħobbni u jberikni.

Araw kif dak li ġie mħabbar sa minn qabel fit-Tempju l-antik, issa, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, jitwettaq fil-Knisja: il-Knisja hi d-“dar ta’ Alla”, il-post tal-preżenza tiegħu, fejn nistgħu nsibu lill-Mulej u niltaqgħu miegħu; il-Knisja hi t-Tempju fejn jgħammar l-Ispirtu s-Santu li jagħtiha l-ħajja, imexxiha u jżommha wieqfa. Jekk nistaqsu: Fejn nistgħu niltaqgħu ma’ Alla? Fejn nistgħu nidħlu f’komunjoni miegħU permezz ta’ Kristu? Fejn nistgħu nsibu d-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu li jdawwal lil ħajjitna? It-tweġiba hi: Fil-poplu ta’ Alla, fina u fostna, li aħna Knisja. Hawn niltaqgħu ma’ Ġesù, l-Ispirtu s-Santu u l-Missier.

It-Tempju l-antik kien mibni minn idejn il-bnedmin: riedu “jibnu dar” lil Alla, biex ikollhom sinjal li jidher tal-preżenza tiegħu qalb il-poplu. Bl-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla titwettaq il-profezija ta’ Natan lis-Sultan David (ara 2 Sam 7:1-29): m’huwiex is-sultan, mhux aħna li sa “nagħtu dar lil Alla”, imma hu Alla nnifsu li “jibni d-dar tiegħu” biex jiġi u joqgħod magħna, kif jikteb San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu (ara 1:14). Kristu hu t-Tempju ħaj tal-Missier, u Kristu nnifsu jibnu d-“dar spiritwali” tiegħu, il-Knisja, magħmula mhux minn ġebel materjali, imma minn “ġebel ħaj”, li huwa aħna. L-Appostlu Pawlu jgħidilhom hekk lill-Insara ta’ Efesu: Intom ġejtu “mibnija lkoll fuq is-sisien ta’ l-Appostli u tal-Profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka. Fih il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom ukoll fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn jgħammar Alla” (Efes 2:20-22). Din ħaġa tassew sabiħa! Aħna l-ġebel ħaj tad-dar ta’ Alla, magħquda profondament ma’ Kristu, li hu l-ġebla tax-xewka, u jżomm wieqfa anki lilna lkoll bejnietna. Dan xi jfisser? Ifisser li t-Tempju huwa aħna, aħna l-Knisja ħajja, it-tempju ħaj, u meta nkunu magħquda flimkien bejnietna jkun hemm ukoll l-Ispirtu s-Santu, li jgħinna biex nikbru bħala Knisja. Aħna m’aħniex iżolati, imma aħna poplu ta’ Alla: din hi l-Knisja!

U huwa l-Ispirtu s-Santu, bid-doni tiegħu, li jfassal il-varjetà. Dan importanti: Xi jwettaq fostna l-Ispirtu s-Santu? Hu jfassal il-varjetà li hi għana fil-Knisja u tiġbor flimkien kollox u lil kulħadd, hekk li tibni tempju spiritwali, li fiha aħna ma noffrux sagrifiċċji materjali, imma lilna nfusna, ħajjitna (ara 1 Piet 2:4-5). Il-Knisja m’hix nisġa ta’ affarijiet u interessi differenti, imma hi t-Tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu, it-Tempju li fih Alla jaħdem, it-Tempju li fih kull wieħed u waħda minna bir-rigal tal-Magħmudija jsir ġebla ħajja. Dan ifisser li m’hemm ħadd fil-Knisja li ma jiswa għal xejn, u jekk xi ħadd xi darba jgħid lill-ieħor: “Mur id-dar, għax għal xejn ma tiswa”, dan m’hux minnu, għax m’hemm ħadd li ma jiswa għal xejn fil-Knisja, kollha aħna meħtieġa biex jinbena dan it-Tempju! Ħadd m’hu sekondarju. M’hemm ħadd fil-Knisja li hu l-iżjed importanti, kollha aħna ndaqs f’għajnejn Alla. Xi ħadd minnkom jaf jgħidli: “Isma’, Sur Papa, int m’intix ugwali għalina”. Iva, jien bħal kull wieħed u waħda minnkom, kollha aħna bħal xulxin, aħna aħwa! Ħadd m’hu anonimu: ilkoll niffurmaw u nibnu l-Knisja. Dan jistedinna nirriflettu wkoll fuq il-fatt li jekk tonqos imqar ġebla ċkejkna mill-ħajja Nisranija tagħna, hemm xi ħaġa nieqsa mill-ġmiel tal-Knisja. Xi wħud jgħidu: “Jien mal-Knisja ma rridx li jkolli x’naqsam”, imma hekk tkun naqset ġebla ta’ ħajja waħda minn dan it-Tempju sabiħ. Ħadd m’għandu jwarrab, ilkoll jeħtieġ li nagħtu lill-Knisja l-ħajja tagħna, qalbna, imħabbitna, ħsiebna, ħidmietna: ilkoll flimkien.

Allura nixtieq li nistaqsu lilna nfusna: Kif qed ngħixu l-fatt li aħna Knisja? Aħna ġebel ħaj jew, biex ngħidu hekk, ġebliet għajjiena, imxebbgħa, indifferenti? Rajtu kemm hu ikrah tara Nisrani għajjien, imdejjaq, indifferenti? M’hux sew li jkollna Nisrani hekk; in-Nisrani jrid ikun ħaj, ferħan li hu Nisrani; jeħtieġ jgħix dan il-ġmiel li jagħmel parti mill-poplu ta’ Alla li hu l-Knisja. Aħna qegħdin ninfetħu għall-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu biex inkunu parti attiva mill-komunitajiet tagħna, jew qed ningħalqu fina nfusna u ngħidu: “Għandi wisq x’nagħmel, dan m’hux xogħli”?

Il-Mulej jagħtina lkoll il-grazzja tiegħu, il-qawwa tiegħu, biex nistgħu nkunu magħquda profondament ma’ Kristu, li hu l-ġebla tax-xewka, il-pedament sod, il-ġebla li fuqha jistrieħ il-bini kollu ta’ ħajjitna u tal-ħajja kollha tal-Knisja. Nitolbu biex, imdawlin mill-Ispirtu tiegħu, inkunu dejjem ġebel ħaj tal-Knisja tiegħu.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s