Il-Papa f’Santa Marta: Insara ta’ azzjoni u ta’ verità

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 27 ta’ Ġunju 2013: Hemm bżonn ta’ Nsara ta’ azzjoni u ta’ verità li ħajjithom hija msejsa fuq il-blata ta’ Ġesù, u mhux Insara tal-paroli, superfiċjali bħall-anjostiċi, jew riġidi bħall-pelaġjani. Dan qalu l-Papa Franġisku meta reġa’ tkellem dwar tema tant għażiża għalih fil-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ħamis 27 ta’ Ġunju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Ikkonċelebra miegħu, fost oħrajn, il-Kardinal Raymundo Damasceno Assis, Arċisqof ta’ Aparecida u President tal-Konferenza Episkopali Brażiljana. Fost dawk preżenti kien hemm il-personnel tad-Direzzjoni tas-Sanità u Iġjene tal-Governatorat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, immexxi mid-Direttur Patrizio Polisca.

Ir-riflessjoni tal-Papa, ispirata bħas-soltu mill-qari tal-jum, bdiet b’mod partikolari mis-silta tal-Evanġelju ta’ San Mattew (7, 21-29) li fiha, spjega l-Papa, il-Mulej ikellimna dwar il-pedament tagħna, il-pedament ta’ ħajjitna nisranija, u jgħidilna li dan il-pedament huwa l-blata. Dan ifisser li hemm bżonn li nibnu d-dar, jew aħjar ħajjitna, fuq il-blata li hija Kristu. Meta San Pawl jitkellem dwar il-blata fid-deżert jirreferi għal Kristu, sostna l-Papa. Hu huwa l-unika blata li tista’ tagħtina sikurezza, tant li aħna mistiedna biex nibnu ħajjitna fuq din il-blata ta’ Kristu, mhux fuq oħra.

Fis-silta evanġelika, fakkar il-Qdusija Tiegħu, Ġesù jagħmel aċċenn ukoll għal tant li jemmnu li jistgħu jibnu ħajjithom biss fuq il-kliem: ‘Mhux kull min jgħid ‘Sinjur, Sinjur’ jidħol fir-renju tas-smewwiet.’ Imma, wissa l-Papa, Ġesù jipproponi minnufih li nibnu d-dar tagħna fuq il-blat. Biex jitlaq minn dan it-tagħlim, il-Papa Franġisku identifika żewġ klassijiet ta’ Nsara fl-istorja tal-Knisja.  Tal-ewwel, li minnhom irridu noqogħdu attenti, huma l-Insara tal-kliem, jiġifieri dawk li jillimitaw ruħhom li jirrepetu: ‘Sinjur, Sinjur, Sinjur!’; tat-tieni, dawk awtentiċi, huma Nsara ta’ azzjoni, ta’ verità. Għal din ir-raġuni huwa saħaq li minn dejjem kien hemm it-tentazzjoni li ngħixu l-Kristjaneżmu tagħna ’l barra mill-blata li hija Kristu: l-uniku li jagħtina l-libertà li ngħidu ‘Missier’ lil Alla; l-uniku li jsostnina fil-mumenti diffiċli. Dan jgħidu Ġesù stess b’eżempji konkreti: ‘Tinżel ix-xita, ifuru x-xmajjar, jonfħu l-irjieħ,’ imma meta hemm il-blata, hemm is-sikurezza. Għall-kuntrarju, meta hemm biss kliem, il-kliem itiru, ma jiswew għal xejn. Prattikament nispiċċaw fit-tentazzjoni ta’ dawn l-Insara tal-kliem: Kristjaneżmu bla Ġesù, Kristjaneżmu bla Kristu. U sfortunatament dan seħħ u qed iseħħ fil-Knisja llum.

Din hija tentazzjoni li fl-istorja tal-Knisja hija preżenti b’mod ferm diversifikat u wasslet għal kategoriji varji ta’ ‘Nsara bla Kristu’ li fosthom il-Papa Franġisku approfondixxa tnejn b’mod partikolari.  L-ewwel kategorija hija  dik tan-‘Nisrani ħafif’ li, flok iħobb il-blata, iħobb il-kliem ħelu, l-affarijiet ħelwin, u jdur lejn ‘Alla spray’, ‘Alla personali’,  b’atteġġjamenti ta’ superfiċjalità u ta’ leġġerezza. Din it-tentazzjoni tinsab hemm illum ukoll: Insara superfiċjali li iva, jemmnu f’Alla, imma mhux f’Ġesù Kristu, dak li jagħtik pedament. Il-Papa ddefinihom bħala l-anjostiċi moderni, dawk li jċedu għat-tentazzjoni ta’ Kristjaneżmu fluwidu.

Mill-banda l-oħra, fit-tieni kategorija jidħlu dawk li jemmnu li l-ħajja nisranija hemm bżonn li neħduha tant bis-serjetà li nispiċċaw biex nikkonfondu solidità u fermezza ma’ riġidità. Lil dawn il-Qdusija Tiegħu ddefinihom bħala ‘Nsara riġidi’ li jaħsbu li biex ikunu Nsara hemm bżonn li jagħmlu l-viżtu, waqt li jieħdu  dejjem kollox bis-serjetà, attenti għall-formaliżmi, kif kienu jagħmlu l-iskribi u l-fariżej ta’ żmien Ġesù. Dawn, għall-Papa, huma Nsara li għalihom kollox huwa serju. Dawn huma l-pelaġjani tallum, dawk li jemmnu fil-fermezza tal-fidi u huma konvinti li s-salvazzjoni hija fil-mod kif nagħmlu l-affarijiet: hemm bżonn li nagħmluhom bis-serjetà, mingħajr ferħ. Il-Papa kkummenta li hemm tant mhumiex Insara li jimmaskraw lilhom infushom ta’ Nsara!

Finalment dawn iż-żewġ kategoriji ta’ kredenti – anjostiċi u pelaġjani – ma jafux lil Ġesù, ma jafux min hu l-Mulej, ma jafux x’inhi l-blata, m’għandhomx il-libertà tal-Insara u, bħala konsegwenza, m’għandhomx il-ferħ. Tal-ewwel għandhom ċerta allegrija superfiċjali; tat-tieni jgħixu f’għassa funebri, imma ma jafux x’inhu l-ferħ nisrani, ma jafux igawdu l-ħajja li Ġesù jagħtina, għaliex ma jafux jitkellmu miegħu. Għalhekk ma jsibux f’Ġesù dik il-fermezza li tagħti l-preżenza tiegħu. U barra li m’għandhomx ferħ, lanqas ma għandhom libertà. Tal-ewwel, kompla l-Papa, huma skjavi tas-superfiċjalità; tat-tieni huma skjavi tar-riġidità u mhumiex liberi, għaliex f’ħajjithom l-Ispirtu s-Santu ma jsibx post. Mill-bqija, huwa l-Ispirtu s-Santu li jtina l-libertà.

Hekk hu mela t-tagħlim tal-lum skont il-Papa Franġisku: stedina biex nibnu ħajjitna nisranija fuq il-blata li ttina l-libertà u li ġġegħilna mmorru ’l quddiem bil-ferħ fil-mixja tiegħu, fil-proposti tiegħu. Hawn l-eżortazzjoni doppja biex nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nsirux Insara tal-paroli, kemm bis-superfiċjalità anjostika, kemm bir-riġidità pelaġjana, biex inkunu nistgħu, għall-kuntrarju, immorru ’l quddiem fil-ħajja bħala Nsara sodi fuq il-blata li huwa Ġesù Kristu u bil-libertà li jtina l-Ispirtu s-Santu. Din hija grazzja li għandna nitolbu b’mod speċjali lill-Madonna. Hija taf xi jfisser inkunu mibnija fuq il-blata, temm jgħid il-Papa Franġisku.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: