Il-Papa f’Santa Marta: Il-ferħ tal-paternità pastorali

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 26 ta’ Ġunju 2013: Il-grazzja tal-paternità. Kienet iċċentrata dwar dan ir-riflessjoni tal-Papa Franġisku tal-Erbgħa 26 ta’ Ġunju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Il-Papa sostna b’mod partikolari li lkoll kemm aħna, biex inkunu maturi, hemm bżonn li nħossu l-ferħ tal-paternità.  Huwa  żied minnufih li dan huwa diskors li jiswa wkoll fil-każ taċ-ċelibat saċerdotali għaliex il-paternità hija li tagħti l-ħajja lill-oħrajn.  Għall-qassisin mela tkun tagħti l-paternità spiritwali li hija dejjem u fi kwalunkwè każ għoti ta’ ħajja, insiru missirijiet.

Flimkien mal-qdusija tiegħu kkonċelebra, fost l-oħrajn, il-Kardinal Salvatore De Giorgi, akkumpanjat minn ħbieb u minn madwar tmenin saċerdot marbutin miegħu li riedu jiffesteġġjaw is-sittin anniversarju tal-ordinazzjoni tiegħu, li seħħet fit-28 ta’ Ġunju 1953.

Waqt l-omelija l-Papa Bergoglio għamel riferiment għall-qari tal-jum, waqt li waqaf speċjalment fuq l-ewwel qari, meħud mill-ktieb tal-Ġenesi (15, 1-12, 17-18), li jitkellem dwar l-alleanza ta’ Abram mal-Mulej. Huwa spjega li missierna fil-fidi ħass li l-Mulej kien jixtieqlu tant ġid, li kien wegħdu tant affarijiet, imma kien iħoss il-bżonn ta’ iben; kien iħoss ġo fih dik l-għajta proprju tan-natura: ‘Jien irrid li jkolli iben.’ Allura, fakkar il-Papa, jitkellem mal-Mulej dwar xewqtu li jsir missier. Għaliex, sostna l-Qdusija Tiegħu, meta raġel ma jkollux din ix-xewqa, hemm xi ħaġa nieqsa ġewwa fih, xi ħaġa ma tkunx f’postha.

U l-paternità ta’ Abram terġa’ tidher, fakkar il-Papa, f’waqt ieħor: dak hekk sabiħ, li fih iħejji s-sagrifiċċju: jaqbad l-annimali, jaqsamhom, imma jiġu l-għasafar tal-priża. Il-Papa stqarr li lilu tassew iqanqlu jara lil dan ix-xiħ ta’ disgħin sena, bil-bastun f’idu, li jiddefendi s-sagrifiċċju, jiddefendi dak li huwa tiegħu. Hija immaġni li l-Papa Franġisku jassoċja ma’ dik ta’ missier li jiddefendi l-familja tiegħu, ta’ missier li jaf xi jfisser tiddefendi lil uliedek. Huwa qal li din hija grazzja li l-qassisin hemm bżonn li jitolbu: il-grazzja tal-paternità pastorali, tal-paternità spiritwali.   Imbagħad kompla li, infatti, għalkemm ilkoll jista’ jkollna xi dnubiet, ukoll bosta, li ma jkollniex ulied spiritwali, il-fatt li ma nsirux rgħajja, huwa ekwivalenti għal għajxien ta’ ħajja li ma tasalx sat-tmiem, li tieqaf f’nofs il-mixja.

Il-Qdusija Tiegħu mbagħad rabat it-tema tal-omelija mal-preżenza tal-Kardinal De Giorgi u tal-ħbieb li kienu miegħu.  Huwa qal li llum il-Mulej jagħtina wkoll il-grazzja ta’ dan it-test tal-Bibbja f’din il-quddiesa li fiha qed nagħmlu festa lil missier. Jien ma nafx x’għamel l-għażiż Salvatore; imma jien ċert li kien missier; u l-parteċipazzjoni ta’ tant saċerdoti fil-ferħ tiegħu żgur li hija sinjal. Dwar dan fada li, qabel il-quddiesa, mit-tieqa tar-residenza tiegħu kien ra l-wasla tal-grupp ta’ saċerdoti bir-rigali, b’tant affarijiet, u kien ħaseb: ‘Dawn ġejjin biex isellmu lil missier.’ Għaliex, spjega l-Papa, hemm ġesti li huma ċari. Huma ġesti ta’ wlied li jmorru għand missierhom. U l-Kardinal De Giorgi min-naħa tiegħu jista’ jiżżi ħajr lill-Mulej għal din il-grazzja li tah.  ‘Ħajja sabiħa’ ddefiniha l-Papa, waqt li rrefera għall-ministeru tal-porporat f’diversi djoċesi tal-Puglia u fl-arċidjoċesi ta’ Palermo; ħajja li fiha l-isbaħ ħaġa hija li huwa missier. Huwa missier:   lagħab fuq il-paternità u rebaħ.

Imbagħad il-Qdusija Tiegħu dar b’mod dirett fuq is-saċerdoti preżenti. Huwa qalilhom, waqt li rrikorra għal metafora kalċistika, li l-ballun kien jinsab fil-grawnd tagħhom, għaliex il-Mulej jgħid li kull siġra tagħti l-frott tagħha u jekk hi tkun tajba, il-frott ukoll ikun tajjeb. Għaldaqstant ħeġġiġhom biex huma wkoll imexxu ’l quddiem il-paternità tas-saċerdoti, dik li kienu raw f’dak il-bniedem.

Fl-aħħar il-Papa ried proprju jissintetizza r-riflessjoni tiegħu billi rrikorra għal tliet immaġni. Tnejn joħorġu dritt mill-ewwel qari: l-ikona ta’ Abram li jitlob iben u l-ikona ta’ Abram bil-bastun f’idu, li jiddefendi l-familja. It-tielet hija dik tax-xwejjaħ Xmun fit-tempju li, temm il-Papa, meta jirċievi l-ħajja l-ġdida, jagħmel liturġija spontanja, liturġija ta’ ferħ.Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading