Il-Papa f’Santa Marta: It-theddida tat-tqasqis

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 2 ta’ Settembru 2013: L-ilsien, is-seksik, it-tqasqis huma armi li ta’ kuljum jheddu lill-komunità umana, waqt li jiżirgħu għira, ġelożija u regħba għall-poter. Bihom nistgħu naslu biex noqtlu bniedem. Għalhekk li titkellem dwar il-paċi jfisser ukoll li taħseb dwar id-deni li huwa possibbli li jsir bl-ilsien.  Din kienet ir-riflessjoni profonda proposta mill-Papa Franġisku fil-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, drawwa mibdija mill-ġdid dalgħodu, it-Tnejn 2 ta’ Settembru 2013.

Il-Papa ħa spunt mir-rakkont tar-ritorn ta’ Ġesù ġewwa Nazaret hekk kif propost minn Luqa (4, 16-30) f’wieħed mill-iktar episodji drammatiċi  tal-Evanġelju li fih, qal il-Papa, wieħed jista’ jara kif inhi qalbna u kif ir-riħ jista’ jdawwarha minn naħa għall-oħra. Ġo Nazaret, spjega l-Papa, kulħadd kien qed jistenna lil Ġesù. Riedu jsibuh. U hu mar biex jiltaqa’ ma’ niesu. Reġa’ lura lejn pajjiżu għall-ewwel darba. U huma kienu qegħdin jistennewh għaliex kienu semgħu dak kollu li kien għamel ġewwa Kafarnahum – il-mirakli. U meta tibda ċ-ċerimonja, kif kienet id-drawwa, jitolbu lill-mistieden biex jaqra l-ktieb. Ġesù hekk jagħmel u jaqra l-ktieb tal-Profeta Iżaija, li ftit jew wisq kienet il-profezija dwaru, u hekk ikkonkluda l-qari billi qalilhom, ‘Illum qiegħda titwettaq din l-iskrittura li għadkom kemm smajtu.’

L-ewwel reazzjoni, spjega l-Papa, kienet tassew sabiħa, ilkoll apprezzawh. Imma mbagħad fir-ruħ ta’ xi ħadd beda jinbet id-dudu tal-għira u beda jgħid: ‘Imma dan fejn studja? Dan mhux bin Ġużeppi? U aħna nafu r-razza u r-radika kollha. Imma f’liema università studja?’ U bdew jippretendu li jagħmlilhom miraklu. Huma, ippreċiża l-Papa, riedu l-ispettaklu: ‘Agħmel miraklu u lkoll nemmnu fik.’ Imma Ġesù mhux xi artist.

Gesù m’għamilx mirakli ġo Nazaret. Anzi saħaq fuq il-ftit fidi ta’ min talab ‘l-ispettaklu’. Dawn, innota l-Papa Franġisku, irrabjaw, tant li qamu u mbuttaw lil Ġesù sa fuq il-muntanja sabiex jitfgħuh għal isfel u joqtluh. Dak li kien beda fuq ton ferrieħi, hedded li jintemm b’delitt – il-qtil ta’ Ġesù – minħabba l-ġelożija, minħabba l-għira.

Imma dan mhux biss episodju ta’ elfejn sena ilu, sostna l-Isqof ta’ Ruma.  Huwa qal li dan iseħħ kuljum ġewwa qalbna, fil-komunitajiet tagħna, kull darba li nilqgħu lil xi ħadd li fl-ewwel jum jitkellem sabiħ u mbagħad kull ma jmur jibda jnaqqas sakemm jasal għat-tqasqis, hekk li donnu jrid ‘jintef’ lil dak li jkun. Dak li f’komunità jqasqas kontra ħuh, jispiċċa biex ikun irid joqtlu, saħaq il-Papa. Huwa fakkar li l-Appostlu Ġwanni, fl-ewwel ittra, kapitlu 3, fil-vers 15 jgħidilna dan:  ‘Dak li jobgħod f’qalbu lil ħuh huwa qattiel.’ U l-Papa dlonk żied li aħna mdorrijin bit-tqasqis u s-seksik u spiss nibdlu l-komunitajiet tagħna u wkoll il-familja tagħna f’infern fejn timmanifesta ruħha din il-forma ta’ kriminalità li twassal għall-qtil tal-aħwa subien u bniet b’ilsienna.

Il-Bibbja, kompla l-Papa, tgħid li x-xitan daħal fid-dinja bl-għira. Komunità, familja tinqered minn din l-għira li jgħallem ix-xitan fil-qalb u li twassal biex wieħed jitkellem kontra l-ieħor. U waqt li rrefera għal dak li qed iseħħ f’dawn il-jiem, sostna li hemm bżonn naħsbu wkoll dwar l-armi tagħna ta’ kuljum: l-ilsien, is-seksik u t-tqasqis.

Kif immela nibnu komunità?, staqsa l-Papa. Hekk kif inhu s-sema, wieġeb; hekk kif tħabbar il-Kelma ta’ Alla: ‘Waslet il-vuċi tal-arkanġlu, id-daqq tat-tromba ta’ Alla, il-jum tal-qawmien.’ U wara dan jgħid: ‘u hekk għal dejjem inkunu mal-Mulej.’ Mela sabiex ikun hemm il-paċi f’komunità, f’familja, f’pajjiż, fid-dinja, hemm bżonn li nibdew inkunu mal-Mulej. U fejn hemm il-Mulej m’hemmx għira, m’hemmx kriminalità, ma jkunx hemm ġelożija:   ikun hemm il-fratellanza. Nitolbu dan lill-Mulej: li qatt ma noqtlu lill-proxxmu bi lsienna u nkunu mal-Mulej kif ilkoll għad inkunu fis-sema.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: