It-Tlieta, 3 ta’ Settembru 2013: L-umiltà, il-moderazzjoni, l-imħabba, l-esperjenza tas-salib huma mezzi li permezz tagħhom il-Mulej jegħleb il-ħażen. U d-dawl ta’ Ġesù jegħleb l-għama tal-bniedem, spiss imgħammex mid-dawl falz tad-dinja, iktar qawwi imma qarrieq. Imiss lilna li nkunu kapaċi nagħrfu liema dawl jiġi minn Alla. Dan huwa s-sens tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tlieta 3 ta’ Settembru 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.
Waqt li kkummenta l-ewwel qari, il-Qdusija Tiegħu insista fuq il-kelma sabiħa li San Pawl jgħid lit-Tessalonkin: ‘Intom ħuti m’intomx fid-dlam… intom ilkoll ulied id-dawl u ulied il-jum, mhux il-lejl. Aħna m’aħna la tal-lejl u lanqas tad-dlam’ (1 Ts 5, 1-6, 9-11). Huwa ċar, spjega l-Papa, dak li jrid jgħid l-Appostlu, jiġifieri li l-identità nisranija hija identità tad-dawl, mhux tad-dlam. U Ġesù ġab dan id-dawl fid-dinja. San Ġwann, ippreċiża l-Papa Franġisku, fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju tiegħu jgħidilna li d-dawl, li hu Ġesù, ġie fid-dinja. Huwa dawl li ma ntlaqax tajjeb mid-dinja, imma li madankollu jsalvana mid-dlam – mid-dlam tad-dnub.
Illum, kompla l-Papa, naħsbu li huwa possibbli li niksbu dan id-dawl li jikser id-dlamijiet permezz ta’ ħafna sejbiet xjentifiċi u invenzjonijiet oħra tal-bniedem, grazzi għal liema tista’ tkun taf kollox, tista’ jkollok għarfien ta’ kollox. Imma d-dawl ta’ Ġesù, wissa l-Papa Franġisku, huwa ħaġ’oħra. Mhuwiex dawl tal-injoranza, le! Huwa dawl ta’ għerf, ta’ għaqal; imma huwa ħaġ’oħra. Id-dawl li toffrilna d-dinja huwa dawl artifiċjali. Jista’ jkun qawwi, iktar qawwi minn dak ta’ Ġesù; qawwi bħal dawl ta’ murtal, bħal berqa tar-ritratti. Għall-kuntrarju d-dawl ta’ Ġesù huwa dawl moderat, huwa dawl trankwill, huwa dawl ta’ paċi. Huwa bħad-dawl tal-lejl tal-Milied, mingħajr pretensjonijiet. Huwa hekk: joffri u jagħti l-paċi. Id-dawl ta’ Ġesù ma joħloqx spettaklu; huwa dawl li jiġi mill-qalb. Huwa minnu li x-xitan – u dan jgħidulna San Pawl – bosta drabi jiġi liebes ta’ anġlu tad-dawl. Hu jieħu gost jimita d-dawl ta’ Ġesù. Jagħmilha tat-tajjeb u jitkellem ukoll hekk, b’mod trankwill, bħal ma kellem lil Ġesù wara s-sawm fid-deżert: ‘Jekk inti bin Alla, agħmel dan il-miraklu, aqbeż minn fuq it-tempju.’ Oħloq spettaklu! U dan jgħidu b’mod trankwill u għalhekk qarrieq.
Għal dan il-Papa Franġisku rrakkomanda li nitolbu ferm lill-Mulej l-għaqal tad-dixxerniment biex nagħrfu meta jkun Ġesù li jagħtina d-dawl u meta jkun proprju x-xitan liebes ta’ anġlu tad-dawl. Kemm huma dawk li jemmnu li qegħdin jgħixu fid-dawl iżda jinsabu fid-dlamijiet u ma jindunawx!
Imma kif inhu d-dawl li joffrilna Ġesù? Nistgħu nagħrfuh, spjega l-Qdusija Tiegħu, għaliex huwa dawl umli. Mhuwiex dawl li jimponi; huwa umli. Huwa dawl moderat, bil-qawwa tal-moderazzjoni; huwa dawl li jkellem il-qalb u huwa wkoll dawl li joffri s-salib. Jekk aħna, fid-dawl intern tagħna, aħna bnedmin mansweti, nisimgħu l-leħen ta’ Ġesù f’qalbna u nħarsu bla biżà lejn is-salib fid-dawl ta’ Ġesù. Imma jekk, għall-kuntrarju, inħalluna nitgħammxu minn dawl li jġegħilna nħossuna sikuri, mimlijin bina nfusna, u jġibna nħarsu lejn l-oħrajn mill-għoli u nwarrbuhom b’suppervja, bla dubju ta’ xejn ma ninsabux fil-preżenza tad-dawl ta’ Ġesù. Huwa, minflok, dawl tax-xitan liebes ta’ Ġesù, ta’ anġlu tad-dawl, qal l-Isqof ta’ Ruma.
Hemm bżonn li dejjem niddistingwu: fejn hemm Ġesù hemm dejjem l-umiltà, il-manswetudni, l-imħabba u s-salib. Qatt, infatti, ma nsibu lil Ġesù mingħajr umiltà, mingħajr manswetudni, mingħajr imħabba u mingħajr salib. Kien hu l-ewwel li mexa għal għonq din it-triq tad-dawl. Hemm bżonn li mmorru warajh bla biżà, għaliex Ġesù għandu l-qawwa u l-awtorità li jtina dan id-dawl. Qawwa deskritta fis-silta tal-Evanġelju tal-liturġija tallum, li fiha Luqa jirrakkonta l-episodju tat-tkeċcija tax-xitan mir-raġel ippossedut ġewwa Karafnaum (cfr. Lq. 4, 16-30). In-nies, saħaq il-Papa, inħakmet mill-biżà, u l-Evanġelju jgħid li staqsew lilhom infushom: ‘Xi kliem huwa dan, li jikkmanda b’awtorità u qawwa lill-ispirti maħmuġa u huma jitilqu?’ Ġesù m’għandux bżonn eżerċtu biex ikeċċi x-xjaten, m’għandux bżonn is-suppervja, m’għandux bżonn tal-qawwa u tal-kburija. Liema hija din il-kelma li tamar b’awtorità u qawwa lill-ispirti ħżiena u huma jitilqu?, staqsa l-Papa. Hija kelma – kienet it-tweġiba tiegħu – umli, mansweta, b’tant imħabba. Hija kelma li takkumpanjana fil-waqtiet tat-tbatija, li jressquna lejn is-salib ta’ Ġesù.
Nitolbu lill-Mulej, kienet l-eżortazzjoni finali tal-Papa Franġisku, li llum jagħtina l-grazzja tad-dawl tiegħu u jgħallimna niddistingwu meta d-dawl ikun tiegħu u meta d-dawl ikun artifiċjali magħmul mill-għadu biex iqarraq bina.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb