Il-Papa f’Santa Marta: Bħal nifs fuq il-ħatab

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 21 ta’ Settembru 2013: Ħarsa li twasslek biex tikber, biex tmur ’il quddiem, li tinkoraġġik, għaliex iġġiegħlek tħoss li hu jridlek il-ġid; li ttik il-kuraġġ meħtieġ biex timxi warajh. Il-meditazzjoni tal-Papa Franġisku waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta ta’ dalgħodu, is-Sibt 21 ta’ Settembru 2013, kienet iċcentrata fuq il-ħarsa ta’ Ġesù. Din hija data fundamentali fil-bijografija ta’ Jorge Mario Bergoglio, għaliex fil-jum tal-festa liturġika ta’ San Mattew ta’ sittin sena ilu – kien il-21 ta’ Settembru 1953 – huwa jqis li dak kien il-jum li fih wasal biex għamel l-għażla ta’ ħajtu.  Jista’ jkun li minħabba dan ukoll, waqt li kkummenta r-rakkont tal-konverżjoni tal-Evanġelista (Mattew 9, 9-13), il-Papa enfasizza l-qawwa tal-ħarsa ta’ Kristu, li huwa kapaċi jbiddel għal dejjem il-ħajja ta’ dawk li fuqhom taqa’.

Il-Papa stqarr li proprju bħal ma seħħ lill-ġabbar tat-taxxi li sar dixxiplu tiegħu, għalih kien ftit diffiċli jifhem kif Mattew seta’ jisma’ l-leħen ta’ Ġesù li f’nofs dawk in-nies kollha jgħidlu: ‘Imxi warajja.’ Anzi, l-Isqof ta’ Ruma mhuwiex ċert li l-imsejjaħ kien sema’ l-leħen tan-Nazzarenu, imma huwa ċert li hu kien ħass f’qalbu l-ħarsa ta’ Ġesù li kien qed iħares lejh. U dik il-ħarsa hija wkoll wiċċ li biddillu ħajtu. Aħna ngħidu kkonvertieh.

Hemm imbagħad azzjoni oħra deskritta fix-xena: hekk kif ħass f’qalbu dik il-ħarsa, huwa qam u mar warajh. Għal dan il-Papa nnota li l-ħarsa ta’ Ġesù tqajjimna dejjem, tgħollina ’l fuq, tqanqalna.  Qatt ma tħallina hemm, fejn konna qabel ma ltqajna miegħu. Tant inqas tneħħi xi ħaġa. Qatt ma tbaxxik, qatt ma tumiljak; tistiednek biex tqum, u waqt li ġġiegħlek tħoss imħabbtu, tagħtik il-kuraġġ meħtieġ biex tkun tista’ ssegwih.

Hekk hi allura l-mistoqsija tal-Papa: Imma kif kienet din il-ħarsa ta’ Ġesù? It-tweġiba hija li ma kinitx ħarsa maġika ġaladarba Kristu ma kienx speċjalista tal-ipnosi, imma xi ħaġa aħjar. Biżżejjed naħsbu kif kien iħares lejn il-morda u jfejjaqhom jew kif kien iħares lejn il-folla, li kienet tqanqlu għaliex kien iħossha bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. U fuq kollox, skont il-Qdusija Tiegħu, biex ikollok tweġiba għall-mistoqsija inizjali hemm bżonn li tirrifletti mhux biss għal kif kien iħares Ġesù imma wkoll fuq kif kienu jħossuhom l-imħarsa, id-destinatarji ta’ dak il-ħars. Għaliex, spega l-Papa, Ġesù kien iħares lejn kull wieħed u kull wieħed kien iħossu mħares minn Ġesù bħallikieku hu kien isejjaħ lil kull wieħed b’ismu proprju.

Għalhekk il-ħarsa ta’ Ġesù tbiddel il-ħajja. Lil kulħadd u f’kull sitwazzjoni. Ukoll, żied il-Papa Franġisku, fil-waqtiet ta’ diffikultà u ta’ sfiduċja. Bħal meta jistaqsi lid-dixxipli tiegħu: ‘Tridux tmorru intom ukoll?’ Dan jagħmlu waqt li jħarsilhom f’għajnejhom u huma jkunu inkoraġġiti jgħidulu: ‘Le, se niġu miegħek.’  Jew kif  Pietru, wara li kien ċaħdu, iltaqa’ mill-ġdid mal-ħarsa ta’ Ġesù, li bidlitlu qalbu u wasslitu għal biki b’tant dispjaċir.  Ħarsa li kienet tbiddel kollox. U fl-aħħarnett, hemm l-aħhar ħarsa ta’ Ġesù, dik li biha, mill-għoli tas-salib, ħares lejn ommu, ħares lejn id-dixxiplu.  B’dik il-ħarsa qalilna li l-omm kienet tagħna: u l-Knisja hija omm. Għal dan il-motiv iġegħilna naħsbu sewwa, nitolbu għal din il-ħarsa ta’ Ġesù u wkoll inħallu lilna nfusna niġu mħarsa minnu.

Il-Papa Franġisku allura dar fuq ix-xena evanġelika li tkompli b’Ġesù bilqiegħda mal-pubblikani u l-midinbin. Iva, ġriet il-kelma u s-soċjetà kollha – mhux is-soċjetà ‘pulita’ – ħassitha mistiedna għal dak il-pranzu, ikkummenta l-Papa Franġisku, għaliex Gesù kien ħares lejhom u dik il-ħarsa fuqhom kienet nifs fuq il-ħatab, ħassew li ġo fihom kien hemm nar.  U sperimentaw ukoll li Ġesù kien qiegħed itellagħhom, kien qed jgħollihom, kien qed ireġġagħhom lura lejn id-dinjità.  Għaliex il-ħarsa ta’ Ġesù dejjem tagħmilna denji, ittina dinjità.

Fl-aħħar il-Papa identifika l-aħħar karatteristika fil-ħarsa ta’ Ġesù: il-ġenerożità. Huwa mgħallem li jippranza mal-ħmieġ tal-belt, imma li jaf ukoll li taħt dak il-ħmieġ kien hemm il-ħatab tax-xewqa ta’ Alla, ix-xewqa li xi ħadd jgħinhom iħeġġu n-nar. U dan huwa dak li proprjament tagħmel il-ħarsa ta’ Ġesù: dakinhar kif ukoll illum.

Imbagħad Franġisku kompla li hu kien jemmen li aħna lkoll fil-ħajja ħassejna din il-ħarsa u mhux darba, imma tant drabi. Jista’ jkun li fil-persuna ta’ saċerdot li kien jgħallimna d-duttrina jew li kien jaħfrilna dnubietna, jista’ jkun li fl-għajnuna ta’ persuni ħbieb. U fuq kollox ilkoll kemm aħna nsibu ruħna quddiem dik il-ħarsa, dik il-ħarsa meraviljuża. Għal dan nibqgħu mexjin ’il quddiem fil-ħajja, fiċ-ċertezza li hu qed iħares lejna u li qed jistenniena biex iħarsilna definittivament. U dik l-aħħar ħarsa ta’ Ġesù fuq ħajjitna tkun għal dejjem, tkun eterna. Biex dan nagħmluh nistgħu nitolbu l-għajnuna fit-talb lill-qaddisin kollha li lkoll kienu mħarsa minn Ġesù, sabiex dawn iħejjuna biex inħallu li nkunu mħarsa f’ħajjitna u biex iħejjuna wkoll għal dik l-aħħar ħarsa ta’ Ġesù.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: