Il-Papa f’Santa Marta: Il-poter tal-flus

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru 2013: Hemm bżonn li noqogħdu attenti miċ-ċediment għat-tentazzjoni tal-adorazzjoni tal-flus. Dan ifisser li niddebbolixxu l-fidi tagħna u hekk nissugraw li naċċettaw il-qerq ta’ xewqat bla sens u perikolużi, tali li jwasslu l-bniedem fil-punt li jifga fir-rovina u fit-telfien. Minn dan il-periklu l-Papa Franġisku talab li ngħassu lilna nfusna waqt l-omelija tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ġimgħa 20 ta’ Settembru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Waqt li kkummenta l-qari, il-Qdusija Tiegħu qal li Ġesù qalilna bl-iktar mod ċar u definittiv li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: ma nistgħux naqdu lil Alla u lill-flus. Hemm xi ħaġa li mhix f’postha bejn dawn it-tnejn. Hemm xi ħaġa fl-atteġġjament tal-imħabba lejn il-flus li tbegħidna minn Alla. U waqt li kkwota l-ewwel ittra ta’ San Pawl lil Timotju (6, 2-12), il-Papa qal li dawk li jridu jsiru sinjuri jaqgħu fit-tentazzjoni tal-qerq ta’ bosta xewqat bla sens u perikolużi, li jġiegħlu lill-bnedmin jifgaw fir-rovina u fit-telfien.

Huwa kompla li infatti r-regħba hija l-għerq ta’ kull ħażen. Maħkuma minn din ix-xewqa, uħud iddevjaw mill-fidi u ġabu fuqhom bosta turmenti. Huwa hekk kbir il-poter tal-flus li jġiegħlek tiddevja mill-fidi pura. Ineħħulek il-fidi, idgħajfuha u inti titlifha.    U, waqt li dejjem baqa’ fuq l-ittra Pawlina, il-Papa nnota li iktar ’il quddiem l-Appostlu jsostni li jekk xi ħadd jgħallem mod differenti u ma jsegwix il-kliem san tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu u d-duttrina li taqbel mal-vera reliġjożità, dan huwa mogħmi mill-kburija, ma jifhem xejn, u huwa fanatiku ta’ kwistjonijiet bla sens u diskussjonijiet inutli.  Il-Papa kompla li imma San Pawl imur iktar minn hekk, u jikteb li huwa proprju minn dan li jinbtu l-għira, il-ġlied, it-tqasqis, is-suspetti ħżiena, il-konflitti ta’ bnedmin korrotti fil-moħħ u neqsin mill-verità li jikkonsidraw lir-reliġjon bħala fonti ta’ qligħ.

L-Isqof ta’ Ruma mbagħad irrefera għal dawk li jgħidu li huma kattoliċi għaliex imorru l-quddies, għal dawk li jifhmu l-fatt li huma kattoliċi bħala status, u li minn taħt il-taħt jagħmlu dak li jfettlilhom. Għal dan il-għan il-Papa jfakkar li Pawlu juża terminu partikolari li nsibu tant u tant frekwenti fil-ġurnali: bnedmin korrotti f’moħħhom! Il-flus jikkorrompu, m’hemmx minn fejn wieħed jaħrab. Kemm-il darba tagħżel it-triq tal-flus, fl-aħħar mill-aħħar issir korrott. Il-flus għandhom din is-soluzzjoni, li jġegħluk tiżloq bil-mod il-mod fit-telfien tiegħek. U għal dan Ġesù huwa tant deċiż: ma tistax taqdi lil Alla u lill-flus, ma tistax: jew lil wieħed jew lill-ieħor. U dan mhux komuniżmu; dan huwa l-Evanġelju pur. Dawn l-affarijiet huma kliem Ġesù.

Il-Papa staqsa: Imma mela x’jiġri bil-flus? U t-tweġiba tiegħu kienet li l-flus joffrulek ċertu ġid: tmur tajjeb, tħossok xi ftit importanti u mbagħad tidħol il-vanità. Dan qrajnieh fis Salm [48]: taqbdek din il-vanità; din il-vanità li m’hemmx bżonnha, imma tħossok persuna importanti. Vanità, kburija, għana: huwa dan li jiftaħru bih il-bnedmin deskritti fis-salm, dawk li jafdaw f’qawwiethom, li jiftaħru bil-għana kbira tagħhom. Mela allura x’inhi l-verità? Il-verità, spjega l-Papa, hija li ħadd ma jista’ jifdi lilu nnifsu, lanqas iħallas lil Alla l-prezz proprju. Għolja wisq tkun il-fidwa ta’ ħajja waħda. Ħadd ma jista’ jsalva lilu nnifsu bil-flus, ukoll jekk qawwija hija t-tentazzjoni li ssegwi l-għana biex tħossok sodisfatt, il-vanità biex tħossok importanti u, fl-aħharnett, il-kburija u s-suppervja.

Il-Papa mbagħad daħħal id-dnub marbut mal-kilba tal-flus, b’dak kollu li jiġi wara, fl-ewwel mill-għaxar kmandamenti.  Tidneb bl-idolatrija, huwa qal.  Infatti, spjega Franġisku, il-flus isiru idolu u int tadurahom. U minħabba f’hekk Ġesù jgħidilna li ma tistax taqdi lill-idolu flus u lil Alla l-ħaj: jew wieħed jew l-ieħor. L-ewwel Missirijiet tal-Knisja jgħidu kelma qawwija: il-flus huma d-demel tax-xitan. Huwa hekk, għaliex jagħmluna idolatri u jmarrdulna moħħna bil-kburija, u jagħmluna fanatiċi ta’ kwistjonijiet għażżiena u jbegħduna mill-fidi. Jikkorrompuna.

L-Appostlu Pawlu mill-banda l-oħra jgħidilna biex inżommu mal-ġustizzja, mal-ħniena, mal-fidi, mal-karità, mas-sabar. Kontra l-vanità, kontra l-kburija, tinħtieġ il-manswetudni. Anzi, din hija t-triq ta’ Alla, mhux dik tal-poter idolatriku li jistgħu jtuna l-flus. Hija t-triq tal-umiltà ta’ Kristu Ġesù li, għalkemm għani, sar fqajjar biex jistagħna proprju bil-faqar. Din hija t-triq biex naqdu lil Alla. U jalla l-Mulej jgħinna lkoll biex ma naqgħux fin-nassa tal-idolatrija tal-flus.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: