Il-Papa f’Santa Marta: Sieħeb tal-vjaġġ

Print Friendly, PDF & Email

Il-Tlieta, 24 ta’ Settembru 2013: Is-sagrament mhuwiex rit maġiku imma l-istrument li Alla għażel biex ikompli jimxi maġenb il-bniedem bħala sieħbu fil-vjaġġ tal-ħajja, biex jibni l-istorja flimkien mal-bniedem, waqt li jekk ikun hemm bżonn jistennieh. U quddiem din l-umiltà ta’ Alla hemm bzonn li jkollna l-kuraġġ inħalluh jikteb l-istorja, li b’dan il-mod issir sikura. Iċ-ċertezza tal-preżenza divina kontinwa fil-ġrajjiet umani kienet iċ-ċentru tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu, it-Tlieta 24 ta’ Settembru 2013, waqt il-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-Papa tenna qabel xejn l-invokazzjoni tas-Salm 121 ipproklamat waqt il-liturġija: ‘Immorru ferħana fid-dar tal-Mulej.’ Huwa spjega li dan għamilnieh għaliex l-ewwel qari jfakkarna waqt ta’ ferħ tal-poplu ta’ Alla. Waqt tant sabiħ: dak li fih sultan pagan jgħin lill-poplu ta’ Alla biex jerga’ lura lejn artu u jibni t-tempju mill-ġdid. Ir-riferiment jinsab f’pass mill-ktieb ta’ Esdra (6, 7-8, 12, 14-20).

Fl-istorja tal-poplu ta’ Alla, kompla l-Papa Franġisku, hemm waqtiet sbieħ bħal dan, li tant iferrħu, u hemm ukoll waqtiet koroh, ta’ niket, ta’ martirju, ta’ dnub. Kemm fil-waqtiet koroh kif ukoll fil-waqtiet sbieħ, ħaġa waħda hija dejjem l-istess: il-Mulej qiegħed hemm. Qatt ma jabbanduna lill-poplu tiegħu għaliex il-Mulej, dakinhar tad-dnub, tal-ewwel dnub, ħa deċiżjoni, għamel għażla: li jagħmel l-istorja flimkien mal-poplu tiegħu.

Il-Qdusija Tiegħu żied li Alla, li m’għandux storja għaliex huwa etern, ried jagħmel l-istorja billi jimxi qrib il-poplu tiegħu. Imma iktar: isir wieħed minna u bħal wieħed minna jimxi magħna f’Ġesù. U dan ikellimna, jgħidilna dwar l-umiltà ta’ Alla, illi huwa hekk kbir u qawwi proprju fl-umiltà tiegħu. Huwa ried jimxi flimkien mal-poplu tiegħu. U meta l-poplu tiegħu kien jitbiegħed minnu bid-dnub, bl-idolatrija, b’tant affarijiet li naraw fil-Bibbja, Huwa kien hemm.

Atteġġjament ta’ umiltà li nagħrfu wkoll f’Ġesù, spjega l-Papa: jimxi mal-poplu ta’ Alla, jimxi mal-midinbin, jimxi wkoll mas-suppervi.  Dan hu dak li għamel il-Mulej biex jgħin lil dawk il-qlub suppervi tal-fariżej. Ried jimxi. Umiltà. Alla dejjem jistenniena, Alla jinsab maġenbna. Alla jimxi magħna. Huwa umli. Jistenniena dejjem. Ġesù jistenniena dejjem. Din hija l-umiltà ta’ Alla. Hekk, kompla jgħid il-Papa, il-Knisja tkanta bil-ferħ din l-umiltà ta’ Alla li jakkumpanjana kif għamilna bis-Salm: ‘Immorru bil-ferħ fid-dar tal-Mulej.’ Immorru bil-ferħ, imbagħad hu jakkumpanjana, hu flimkien magħna.

Il-Papa Franġisku mbagħad kompla jenfasizza li l-Mulej Ġesù jakkumpanjana wkoll bis-sagramenti f’ħajjitna personali. Is-sagrament mhuwiex rit maġiku.  Is-sagrament huwa laqgħa ma’ Ġesù Kristu: fih niltaqgħu mal-Mulej. Huwa jinsab maġenbna u jakkumpanjana: seħibna tal-mixi. U l-Ispirtu s-Santu wkoll jakkumpanjana u jgħallimna fil-qalb dak kollu li aħna ma nafux. Ifakkarna dak kollu li Ġesù għallimna u jġegħilna nagħrfu s-sbuħija tat-triq it-tajba. U hekk, Alla Missier, Iben u Spirtu s-Santu huma sħabna tal-mixi; jagħmlu l-istorja flimkien magħna.

Il-Knisja, kompla l-Papa Franġisku, tiċċelebra dan b’tant ferħ ukoll fl-Ewkaristija. Huwa fakkar dik it-talba ewkaristika sabiħa li kienu se jitolbu dakinhar, fejn titkanta dik l-imħabba hekk kbira ta’ Alla li ried ikun umli, li ried isir seħibna tal-mixi ta’ lkoll kemm aħna, li ried huwa wkoll jagħmel l-istorja flimkien magħna. U jekk hu, ikkonkluda l-Papa, daħal fl-istorja tagħna, nidħlu aħna wkoll xi ftit fl-istorja tiegħu jew tal-inqas nitolbuh il-grazzja li nħalluh jikteb l-istorja tagħna hu. Li hu jiktbilna l-istorja tagħna, hija ħaġa sikura.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading