17. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Franġisku. 2 t’Ottubru 2013
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-Kredu, wara li nkunu stqarrejna: “Nemmen fi Knisja waħda”, inżidu l-aġġettiv “qaddisa”; b’hekk nistqarru l-qdusija tal-Knisja, u din hi karatteristika li kienet preżenti sa mill-bidu fl-għarfien ta’ l-ewwel Insara, li kienu jissejħu sempliċement “il-qaddisin” (ara Atti 9:13,32,41; Rum 8:27; 1 Kor 6:1), għax kienu ċerti li hi l-azzjoni ta’ Alla, hu l-Ispirtu s-Santu li jqaddes il-Knisja.
Imma f’liema sens il-Knisja hi qaddisa, jekk min-naħa l-oħra naraw li l-Knisja storika, fil-mixja tagħha tul is-sekli, kellha tant diffikultajiet, problemi, mumenti mudlama? Kif tista’ tkun qaddisa Knisja magħmula mill-bnedmin, mill-midinbin? Irġiel midinba, nisa midinba, saċerdoti midinba, sorijiet midinba, Isqfijiet midinba, Kardinali midinba, Papa midneb? Kollha. Kif tista’ Knisja hekk tkun qaddisa?
1. Biex inwieġeb għal din il-mistoqsija nixtieq inħalli ddawwalni Ittra ta’ San Pawl lill-Insara ta’ Efesu. L-Appostlu jieħu bħala eżempju r-relazzjonijiet f’familja biex jistqarr li “Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha, biex iqaddisha” (5:25-26). Kristu ħabb il-Knisja, ta lilu nnifsu kollu kemm hu għaliha fuq is-salib. U dan ifisser li l-Knisja hi qaddisa għax ġejja minn Alla li hu qaddis, hu fidil lejha u ma jitlaqhiex f’ħalq il-mewt u l-ħażen (ara Mt 16:18). Hi qaddisa għax Ġesù Kristu, il-Qaddis ta’ Alla (ara Mk 1:24), hu magħqud magħha għal dejjem b’rabta li ma tinħallx (ara Mt 28:20); hi qaddisa għax hi mmexxija mill-Ispirtu s-Santu li jsaffi, jibdel, iġedded. M’hix qaddisa b’xi merti tagħna, imma għax Alla jagħmilha qaddisa, hi frott ta’ l-Ispirtu s-Santu u tad-doni tiegħu. M’aħniex aħna li nagħmluha qaddisa. Hu Alla, l-Ispirtu s-Santu, li fi mħabbtu jagħmel il-Knisja qaddisa.
2. Intom tistgħu tgħiduli: Imma l-Knisja hi magħmula mill-midinbin, dan narawh kuljum. U dan hu minnu: aħna Knisja tal-midinbin; u aħna l-midinbin ġejna msejħa nħallu lil Alla jibdilna, iġeddidna, iqaddisna. Tul l-istorja għolliet rasha t-tentazzjoni ta’ xi wħud li kienu jgħidu: il-Knisja hi biss il-Knisja tal-puri, ta’ dawk li huma għal kollox koerenti, u l-oħrajn għandna nitbiegħdu minnhom. Dan m’hux veru! Din ereżija! Il-Knisja, li hi qaddisa, ma tista’ qatt tirrifjuta l-midinbin; ma tistax tirrifjuta lilna lkoll; ma tirrifjutax, għax hi ssejjaħ lil kulħadd, tilaqgħhom, hi miftuħa anki għal dawk l-iżjed imbiegħda, u ssejjaħ lill-bnedmin kollha biex iħallu l-Missier idawwarhom bl-imħabba, il-ħlewwa u l-maħfra tiegħu, toffri lil kulħadd il-possibbiltà li jiltaqa’ miegħu, li jimxi lejn il-qdusija. “Imma, Dun, jiena midneb, għandi ħafna dnubiet, kif nista’ nħossni parti mill-Knisja?”. Għażiż ħija, għażiża oħti, hu propju dan li jixtieq minnek il-Mulej; li int tgħidlu: “Mulej, jien ninsab hawn, bid-dnubiet tiegħi”. Hawn xi ħadd minnkom hawn mingħajr ma ġab miegħu d-dnubiet tiegħu? Hawn xi ħadd minnkom? Ħadd, ħadd minna. Kollha nġorru magħna d-dnubiet tagħna. Imma l-Mulej irid jismagħna ngħidulu: “Aħfirli, għinni nimxi, ibdilli qalbi!”. U l-Mulej jaf kif jibdel il-qalb. Dak Alla li niltaqgħu miegħu fil-Knisja m’hux xi mħallef ta’ qalb xierfa, imma hu bħall-Missier tal-parabbola tal-Vanġelu. Taf tkun bħall-iben li ħalla d-dar, li mess il-qiegħ tant kemm tbiegħed minn Alla. Meta ssib il-qawwa ġo fik biex tgħid “irrid nerġa’ mmur id-dar”, sa ssib il-bieb miftuħ, u lil Alla li jiġi jiltaqa’ miegħek fit-triq għax dejjem ikun qed jistenniek, Alla jistenniek dejjem, Alla jgħannqek miegħu, ibusek u jagħmel festa. Dan hu l-Mulej, din hi l-ħlewwa ta’ Missierna tas-Sema. Il-Mulej iridna parti minn Knisja li taf tiftaħ dirgħajha biex tilqa’ lil kulħadd, li m’hix id-dar tal-ftit, imma d-dar ta’ kulħadd, fejn kulħadd jista’ jiġġedded, jinbidel, jitqaddes minn imħabbtu, dawk l-iżjed b’saħħithom u dawk l-iżjed dgħajfa, il-midinbin, l-indifferenti, dawk li jħossuhom qalbhom maqtugħa jew mitlufa. Il-Knisja lil kulħadd toffri l-possibbiltà li jimxi fit-triq tal-qdusija, li hi t-triq tan-Nisrani: tlaqqagħna ma’ Ġesù Kristu fis-Sagramenti, speċjalment fil-Qrar u fl-Ewkaristija; ixxandrilna l-Kelma ta’ Alla, tgħajjixna fl-imħabba, fl-imħabba ta’ Alla lejn kulħadd. Mela nistaqsu: Qed inħalluh iqaddisna? Qed inkunu Knisja li ssejjaħ u tilqa’ b’dirgħajha miftuħa lill-midinbin, li tagħti kuraġġ, tama, jew aħna Knisja magħluqa fiha nfisha? Aħna Knisja li fiha tgħammar l-imħabba ta’ Alla, li fiha aħna attenti għal xulxin, fejn nitolbu wieħed għall-ieħor?
3. Mistoqsija ta’ l-aħħar: X’nista’ nagħmel jien li nħossni tant dgħajjef, fraġli, midneb? Alla qed jgħidlek: Tibżax mill-qdusija, tibżax timmira fl-għoli, tibżax tħalli lil Alla jħobbok u jsaffik, tibżax tħalli l-Ispirtu s-Santu jmexxik hu. Ħa nittieħdu mill-qdusija ta’ Alla. Kull Nisrani hu msejjaħ għall-qdusija (ara Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium, 39-42); u l-qdusija qabel xejn ma tfissirx li nagħmlu ħwejjeġ staordinarji, imma li nħallu lil Alla jaħdem. Hi l-laqgħa tad-dgħufija tagħna mal-qawwa tal-grazzja tiegħu, u li jkollna fiduċja fl-azzjoni tiegħu li biha nistgħu ngħixu fl-imħabba, nagħmlu kollox bil-ferħ u l-umiltà, għall-glorja ta’ Alla u għall-qadi tal-proxxmu. Hemm frażi famuża tal-kittieb Franċiż Léon Bloy; fl-aħħar waqtiet ta’ ħajtu lissen: “Niket wieħed hemm fil-ħajja, dik li ma nkunux qaddisin”. Ejjew ma nitilfux it-tama fil-qdusija, nimxuha din it-triq. Irridu nkunu qaddisin? Il-Mulej qed jistenniena kollha kemm aħna, b’dirgħajh miftuħa; qed jistenniena biex jimxi magħna f’din it-triq tal-qdusija. Ngħixu l-fidi tagħna bil-ferħ, inħallu lill-Mulej iħobbna… nitolbuh dan id-don waqt it-talb lil Alla, għalina u għall-oħrajn.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard