Il-Papa f’Santa Marta: Il-ferħ tat-tifkira nisranija

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 3 ta’ Ottubru 2013: Meta n-Nisrani jibdel it-tifkira tal-istorja tal-fidwa mwettqa minn Ġesù f’sempliċi tifkira, jitlef minn quddiem għajnejh il-valur ta’ wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-fidi nisranija: it-tifkira li tagħmel il-ferħ. U hekk jgħix l-Ewkaristija, jiġifieri t-tifkira li tagħmel il-Knisja, bħala ġrajja soċjali li ddejjaq. Dan qalu l-Papa Franġisku waqt li kkummenta l-ewwel qari tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ħamis 3 ta’ Ottubru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Fil-qari, meħud mill-ktieb ta’ Neħemija (8, 1-4, 5-6, 7-12), jiġi deskritt l-episodju tas-sejbien mill-ġdid tal-ktieb tal-liġi li kien intilef u li Esdra jaqra quddiem il-poplu ta’ Alla. Dak, innota l-Papa, li minħabba f’hekk kien imqanqal u jibki, kien jibki bil-ferħ, kien jibki bi mħabba, għaliex dak il-ktieb li kien intilef, kien reġa’ nstab. Dan ifisser li l- poplu ta’ Alla kellu t-tifkira tal-liġi, spjega l-Papa. Imma kienet tifkira mbiegħda.

Il-qari tal-ktieb iġib lura t-tifkira lill-poplu. U hekk, waqt li Esdra kien jaqra u l-leviti kienu jispjegaw kliem il-liġi, il-poplu kien jgħid: ‘Ammen, ammen.’ Dan tagħhom kien biki ta’ ferħ, ippreċiża l-Qdusija Tiegħu, mhux ta’ niket. Ta’ ferħ, għaliex kellhom l-esperjenza tal-viċinanza tat-tifkira tas-salvazzjoni. U dan huwa importanti mhux biss fil-waqtiet il-kbar tal-istorja, imma wkoll fil-waqtiet ta’ ħajjitna.

Ilkoll għandna t-tifkira tas-salvazzjoni, assigura l-Papa. Imma, staqsa, din it-tifkira hija qribna? Jew hija tifkira mbiegħda, ftit li xejn imxerrda, xi ftit arkajka, xi ftit tajba għall-mużew? Meta t-tifkira mhix qrib, meta ma nħossux iktar l-esperjenza tat-tifkira, bil-mod il-mod din tinbidel f’sempliċi rikordju. Għalhekk Mosè kien jgħid lill-poplu: ‘Kull sena morru fit-tempju, kull sena ppreżentaw frott l-art, imma kull sena ftakru minn fejn ħriġtu, kif ġejtu mifdija.’ Li nħossu qrib it-tifkira tal-fidwa tagħna jixgħel fina l-ferħ. U dan, speċifika l-Isqof ta’ Ruma, huwa l-ferħ tal-poplu. Huwa prinċipju tal-ħajja nisranija. Il-leviti kienu jikkalmaw lill-poplu kollu li kien jibki bl-emozzjoni u kienu jirrepetu: ‘La ddejqux qalbkom; la ddejqux qalbkom għaliex il-ferħ, dak li qegħdin tħossu bħalissa, huwa l-ferħ tal-Mulej u huwa qawwietkom.’

Meta t-tifkira toqrob, irrepeta l-Papa, tagħmel żewġ ħwejjeġ: issaħħan il-qalb u tagħti l-ferħ. Minflok, it-tifkira ddomestikata, li titbiegħed u ssir sempliċi rikordju, ma ssaħħanx il-qalb u ma tagħtix qawwa. Il-laqgħa mat-tifkira hija ġrajja ta’ fidwa, laqgħa mal-imħabba ta’ Alla li għamel l-istorja magħna u salvana. Huwa hekk sabiħ li tkun salvat, li hemm bżonn li nagħmlu festa. Mill-bqija, meta Alla jiġi, joqrob, dejjem ikun hemm festa, żied jgħid il-Papa.

Madankollu bosta drabi aħna l-Insara nibżgħu mill-festa u spiss il-ħajja ġġegħilna nitbiegħdu mit-tifkira tagħna; twassalna biss biex inżommu r-rikordju tal-fidwa, mhux it-tifkira li hija ħajja. Il-Knisja, enfasizza l-Papa Franġisku, iżżomm it-tifkira tagħha, dik li qegħdin nagħmlu issa, it-tifkira tal-Passjoni tal-Mulej. L-istess Mulej qalilna: ‘Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.’ Imma lilna wkoll jiġrilna li nbiegħdu din it-tifkira u nittrasformawha f’rikordju, ġrajja tas-soltu. Kull ġimgħa mmorru l-knisja, jew jekk miet xi ħadd nafuh immorru għall-funeral tiegħu, u din it-tifkira bosta drabi ddejjaqna għaliex mhijiex qrib.

Huwa ta’ dwejjaq: il-quddiesa bosta drabi tinbidel fi ġrajja soċjali.  Dan ifisser li ma nkunux viċini għat-tifkira tal-Knisja, li hija l-preżenza tal-Mulej quddiemna. Nimmaġinaw, kompla l-Papa, din ix-xena sabiħa tal-ktieb ta’ Neħemija: Esdra li jġorr il-ktieb tat-tifkira ta’ Iżrael u l-poplu li joqrob lejn it-tifkira tiegħu u jibki. Il-qalb issaħħnet, huwa ferħan, iħoss li l-ferħ tal-Mulej huwa l-qawwa tiegħu u jagħmel festa, bla biża’, sempliċement.

Nitolbu lill-Mulej, ikkonkluda l-Qdusija Tiegħu, il-grazzja li jkollna dejjem it-tifkira tiegħu qribna. Tifkira viċina u mhux iddomestikata bid-drawwa, bħal tant affarijiet, u mbiegħda bħal sempliċi rikordju.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb