Artiklu RM2000 – Il-Fehma tal-Papa għal Settembru 2013: Biex in-nies tal-lum jerġgħu jiskopru l-valur tas-silenzju u b’hekk jisimgħu l-vuċi ta’ Alla u ta’ ħuthom il-bnedmin
Is-silenzju jagħmel ħoss? Minn Maria Theresa Portelli
Lanqas qatt ma basru li esperjenza ta’ tmint ijiem setgħet tbiddlilhom ħajjithom! Kif setgħu jgħaddu ġranet sħaħ fis-silenzju f’din il-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum? Iżda din kienet l-esperjenza ta’ ħames voluntiera fl-Ingilterra li kienu mistiedna biex għal ftit żmien iħallu kollox warajhom u jidħlu għal esperjenza ta’ silenzju.
Għaddew tmint ijiem f’ċentru tal-irtiri mmexxi mill-Ġiżwiti f’North Wales. Daħlu għal irtir fis-silenzju li matulu kull wieħed u waħda minnhom kellhom gwida personali biex j/tgħinhom f’din l-esperjenza. Carrie, David, Helen, Jon u Trish li jaħdmu f’oqsma differenti – min fin-negozju, fit-tagħlim, fir-relazzjonijiet pubbliċi u l-media u min fl-industrija tal-ospitalità – għall-ewwel kienu xettiċi minn din l-esperjenza. Il-grupp kien magħmul minn varjetà ta’ twemmin reliġjuż u spiritwali. Kien hemm minnhom li kellhom ħajja ta’ fidi, oħrajn ma kellhomx. Kienet din id-diversità fil-grupp li kienet affaxxinanti għal din l-esperjenza fis-silenzju.
L-idea li dawn il-voluntiera jagħmlu irtir fis-silenzju kienet tal-Benedittin Fr Christopher Jamison li hu konvint li kulħadd jista’ jibbenefika minn perjodi regolari ta’ silenzju. Jgħid li “meta noqogħdu fis-silenzju, nibdew naraw l-affarijiet b’aktar ċarezza. Insiru nafu lilna nfusna, u ninżlu fl-iktar parti profonda tagħna nfusna. Din hi r-ruħ tagħna”.
Minkejja l-isforz li kellhom jagħmlu biex jidraw fis-silenzju, għal xi wħud din kienet esperjenza li biddlitilhom ħajjithom. David jistqarr li beda jagħraf aktar x’iġifieri titlob fis-skiet. “Is-silenzju m’huwiex daqshekk tal-biża’ daqskemm kont naħseb li hu, għaliex il-biża’ tkun ġewwa fik u mhux fis-silenzju nnifsu”, jispjega John.
Fi tmiem l-esperjenza Trish qalet li “kienet xi ħaġa inkredibbli li tħossok magħquda ma’ kulħadd minkejja li ma konniex nitkellmu ma’ xulxin”. Meta waslet lura d-dar, lil żewġha li kien ateu qaltlu, “temminni jekk ngħidlek li sibt ‘l Alla?”.
Din il-mistoqsija ta’ Trish turi kemm meta reġgħu lura għall-ħajja ta’ kuljum, il-parteċipanti bdew jaffrontaw l-esperjenzi b’mod ġdid tant li kien hemm minnhom li wasslu biex jagħmlu bidliet radikali fil-ħajja tagħhom. Dan kollu ġara fi tmint ijiem ta’ silenzju!
L-esperjenza ta’ dawn il-ħames voluntiera hi miġbura f’dokumentarju li ttella’ għall-BBC2 li jista’ jinstab fuq il-You Tube f’episodji ta’ kwarta-il wieħed taħt l-isem ‘The Big Silence’. Li ngħaddu ftit ħin fis-skiet tinvolvi sfida … li nwarrbu l-ħsejjes tal-iPads, iPhones, kompjuters u televixins għal ftit tal-ħin kuljum, forsi kwarta kollox, iżda dan jista’ jkun l-ewwel pass biex naraw x’ħoss kapaċi jkollu s-silenzju.
Tista’ tara dawn il-filmati qosra billi tikklikkja hawn ► http://www.laikos.org/BigSilence.htm
Wara napprezzaw jekk tħallilna l-kummenti tiegħek dwar din l-esperjenza.
‘Kienet din id-diversità fil-grupp li kienet affaxxinanti għal din l-esperjenza fis-silenzju’. Din l-Istqarrija tfakkarna fl-esperjenza tal-għaxart irġiel morda bil-lebbra, li se naqraw nhar il-Ħadd li ġej. Dawn kienu FLIMKIEN; ġrew FLIMKIEN; u għajjtu FLIMKIEN biex jismgħahom Kristu. Interessanti li kienu FLIMKIEN, għax ma kenitx ħaġa normali li Lhud jitħalltu ma’ Samaritani. Iżda l-Liġi, il-bżonn tan-natura ġabithom FLIMKIEN, u qasmu l-esperjenza FLIMKIEN. U nafu wkoll li s-Samaritan spiċċa fil-‘limelight’ ta’ Kristu għax kien l-uniku wieħed li wera l-gratitudni lejn min fejjqu.
Din l-esperjenza li qrajna, kienu nies ta’ twemmin differenti u forsi wkoll kien hemm nies bla twemmin, għexu FLIMKIEN, għamlu esperjenza biex jiltaqgħu m’Alla FLIMKIEN, is-riżultat kien dak li kien. Interessanti fosthom ma kienx hemm Samaritani, iżda kien hemm Ateu, u hu stqarr li kien sab ‘l Alla.
Kemm jaħdem b’mod misterjuż Alla, tagħna, kemm għandu sorpriżi għal min jinfetaħ u jintelaq totalment fiH. Nżommu f’moħħna li dawn l-individwi kienu FLIMKIEN biex jiskopra ‘l Alla, kienu f’atmosfera ta’ komunita, f’arja ta’mħabba, kienu fis-skiet. Għalkemm kienu separati minn xulxin, iżda għexu din l-esperjenza FLIMKIEN.
Din hija tagħlima għalina, biex ma ninqatgħux għal rasna, infittxu ‘l ħutna, huma min huma, u Alla żgur jitgħaxxaq jara ‘l uliedu FLIMKIEN.