Il-Ħamis, 17 ta’Ottubru 2013: Meta Nisrani jsir dixxiplu tal-ideoloġija, ikun tilef il-fidi u ma jkunx iktar dixxiplu ta’ Ġesù. U l-uniku antitodu kontra tali periklu huwa t-talb. Dan huwa l-messaġġ li l-Papa Franġisku silet mil-liturġija tal-Kelma tal-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, il-Ħamis 17 ta’ Ottubru 2013, fid-Dar Santa Marta.
Il-Papa ffoka l-omelija tiegħu fuq is-silta evanġelika ta’ Luqa (11, 47-54) li tirrapporta t-twissija ta’ Ġesù lid-dutturi tal-liġi: ‘Gwaj għalikom li ħadtu ċ-ċwievet tal-għarfien; intom ma dħaltux, u lil dawk li riedu jidħlu ma ħallejtuhomx,’ waqt li assoċja x-xbiha ta’ knisja magħluqa li fiha n-nies li tgħaddi quddiemha ma tistax tidħol u minn fejn il-Mulej li hemm ġewwa ma jistax joħroġ. Minn hawn is-sejħa lil dawk l-Insara li għandhom f’idejhom iċ-ċwievet, u jeħduhom u ma jiftħux il-bieb; jew agħar, jieqfu fil-bieb u ma jħallux lil min jidħol.
Imma x’inhi l-kawża ta’ dan kollu? Il-Qdusija Tiegħu sabha fin-nuqqas ta’ xiehda nisranija, li tidher b’mod iktar gravi kemm-il darba n-Nisrani in kwistjoni jkun qassis, isqof, Papa. Mill-bqija, Ġesù huwa tassew ċar meta jgħid: ‘Morru, oħorġu sat-truf tad-dinja. Għallmu dak li għallimt jien. Għammdu. Morru fi slaleb it-toroq u ġibu ġewwa lil kulħadd, tajbin u ħżiena.’ Hekk jgħid Ġesù. ‘Kulħadd ġewwa!’
Fin-Nisrani li jassumi dan l-atteġġjament ta’ ċavetta fil-but u bieb magħluq, hemm, skont il-Papa, proċess sħiħ spiritwali u mentali li jwassal għall-mogħdija tal-fidi bħala distillatur, li jbiddilha f’ideoloġija. Imma l-ideoloġija, huwa wissa, ma ssejjaħx. Fl-ideoloġiji m’hemmx Ġesù. Ġesù huwa tenerezza, imħabba, manswetudni, u l-ideoloġiji, ta’ kull sinjal, huma dejjem riġidi. Tant li jissugraw li jirrendu lin-Nisrani dixxiplu ta’ dan l-atteġġjament ta’ ħsieb pjuttost milli dixxiplu ta’ Ġesù.
Għalhekk hija mill-ġdid attwali ċ-ċanfira ta’ Kristu: ‘Intom sraqtu ċ-ċavetta tal-għarfien’, sabiex minn għarfien ta’ Ġesù ikun mibdul f’għarfien ideoloġiku kif ukoll moralista, skont l-istess imġiba tad-dutturi tal-liġi li kienu jagħlqu l-bieb b’tant preskrizzjoni. Minħabba f’hekk il-Papa fakkar twissija oħra ta’ Kristu – dik kontenuta fil-kapitolu 23 tal-Evanġelju ta’ Mattew – kontra l-iskribi u l-fariżej li jwaħħlu tagħbijiet tqal u jgħabbuhom fuq spallet in-nies. Huwa proprju minħabba dawn l-atteġġjamenti, infatti, li jieħu proċess li minħabba fih il-fidi ssir ideoloġija. U l-ideoloġija twerwer! L-ideoloġija tkeċċi n-nies u tbiegħed il-Knisja min-nies.
Il-Papa Franġisku ddefinixxa bħala marda gravi din tal-Insara ideoloġiċi; imma qal ukoll li jagħraf li din hi marda mhix ġdida. Diġà kien tkellem dwarha l-Appostlu Ġwanni fl-ewwel ittra tiegħu, meta ddreskriva l-Insara li jitilfu l-fidi u jippreferu l-ideoloġiji: l-atteġġjamenti tagħhom isiru riġidi, moralisti, etiċisti, imma mingħajr tjubija.
Allura hemm bżonn li nistaqsu x’inhu li jipprovoka fil-qalb ta’ dak in-Nisrani, ta’ dak il-qassis, ta’ dak l-isqof, jew ta’ dak il-Papa, atteġġjament ta’ dik ix-xorta. Għall-Papa Franġisku t-tweġiba hija sempliċi: dak in-Nisrani ma jitlobx. U jekk m’hemmx it-talb, jingħalaq il-bieb. Mela ċ-ċavetta li tiftaħ il-bieb lill-fidi hija t-talb. Għaliex meta Nisrani ma jitlobx, ix-xiehda tiegħu hija supperva. Huwa stess huwa supperv, imkabbar, huwa sikur minnu nnifsu, mhux umli. Ifittex il-promozzjoni tiegħu nnifsu. Għall-kuntrarju, meta Nisrani jitlob, ma jitbiegħedx mill-fidi: jitkellem ma’ Ġesù.
Il-Qdusija Tiegħu ppuntwalizza dwar li dan il-verb ‘talab’ ma jfissirx ‘tgħid it-talb’, għaliex id-dutturi tal-liġi wkoll kienu jgħidu bosta talb, imma biss biex jarawhom. Infatti hija ħaġa li titlob u ħaġ’oħra li tgħid it-talb. F’dan il-każ tal-aħħar tabbanduna l-fidi billi tittrasformaha appuntu f’ideoloġija moralista u mingħajr Ġesù.
Dawk li jitolbu bħad-dutturi tal-liġi, skont il-Papa, jirreaġixxu bl-istess mod meta profeta jew Nisrani tajjeb iċanfarhom, billi jużaw l-istess metodu li kien utilizzat kontra Ġesù. Meta kien ħareġ minn hemm, l-iskribi u l-fariżej bdew jittrattawh b’mod ostili u jġagħluh jitkellem dwar bosta argumenti, waqt li jkomplu jonsbuh biex jissorprenduh b’xi kelma maħruġa mill-istess fomm, qal Franġisku, waqt li rrepeta l-kliem tas-silta evanġelika, Għaliex, huwa kkummenta, dawn l-ideoloġiċi huma ostili u insidjużi! Mhumiex trasparenti! U msejknin, huma nies imħammġa bis-suppervja!
Hekk hi allura l-istedina konklussiva tal-Papa biex nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nieqfu qatt nitolbu biex ma nitilfux il-fidi u biex nibqgħu umli hekk li ma nsirux persuni magħluqa li jagħlqu t-triq lill-Mulej.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb