Il-Papa f’Santa Marta: Mosé, Ġwanni l-Battista u San Pawl

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 18 ta’ Ottubru 2013: Il-Papa Franġisku dalgħodu bena l-omelija li għamel fid-Dar Santa Marta madwar dawn it-tliet figuri u osserva li t-tlieta li huma għaddew minn waqtiet ta’ qtigħ il-qalb imma l-Mulej qatt ma abbandunahom.  Il-Papa ħaseb ukoll fis-saċerdoti u s-sorijiet li jgħixu fid-djar tal-anzjani u stieden lill-fidili biex imorru jżuruhom għax dawn id-djar huma veri santwarji ta’ qdusija u appostoliċità.

Il-bidu tal-ħajja appostolika u t-tmiem tal-Appostlu Pawlu: il-Papa ħa spunt mill-qari tal-ġurnata biex jitkellem dwar dawn iż-żewġ estremi tal-eżistenza tan-Nisrani.  Fil-kumment dwar l-Evanġelju, Franġisku osserva li fil-bidu tal-ħajja appostolika d-dixxipli kienu żgħażagħ u godlin u anke x-xjaten kienu  jaħarbu quddiem il-predikazzjoni tagħhom.  L-ewwel ittra, kompla jgħid, turina lil San Pawl fi tmiem ħajtu.  L-Appostlu jinsab fl-għabex ta’ ħajtu.  L-Appostlu kellu bidu hieni, entużjast- entużjast għax kellu lil Alla fih, mhux hekk – imma xorta waħda ħajtu waslet lejn tmiemha.

Lili jagħmilli tajjeb naħseb fl-għabex tal-Appostlu…  jiġuni f’moħħi tliet ikoni:  Mosé, Ġwanni l-Battista u Pawlu.  Mosé hu dak li jmexxi l-poplu t’Alla, kuraġġuż, jiġġieled kontra l-għadu, u jitqabad saħansitra ma’ Alla biex isalva lill-poplu: qawwi!  Iżda fl-aħħar baqa’ waħdu fuq il-muntanja Nebo, iħares lejn l-art imwiegħda bla ma jista’ jidħol fiha.  Ma setax jidħol fl-art imwiegħda.

Lanqas Ġwanni l-Battista ma kien meħlus mill-qtigħ il-qalb fl-aħħar żminijiet tiegħu. Ġwanni l-Battista, kompla jgħid il-Papa, ikollu jħabbat wiċċu ma’ biċċa nkwiet li kienet ittertaqlu qalbu u spiċċa taħt is-setgħa ta’ gvernatur debboli, fis-sakra u korrott, immexxi minn adultera u minn kapriċċ ta’ ballerina. 

Anke l-Appostlu Pawlu, fl-ewwel ittra jkellimna dwar dawk li abbandunawh, dwar min għamillu d-deni għax ħadha kontra l-predikazzjoni tiegħu.  Jirrakkonta li fil-qorti ħadd ma assistieh.  Telquh  ilkoll.  Imma San Pawl jgħid: ‘Il-Mulej kien qrib tiegħi.  Tani l-qawwa biex jien inkun nista’ ntemm it-tħabbir tal-Evanġelju.’ Dan hu l-Appostlu l-kbir li b’ħajtu jagħmel dak li kien jgħid il-Battista:  ‘meħtieġ li jikber Hu biex niċċekken jien.’  L-Appostlu hu dak li jagħti ħajtu biex jitkabbar il-Mulej.  Fl-aħħar hu jintemm hekk…  Anke Pietru bil-wegħda: ‘Meta tixjieħ l-oħrajn jeħduk fejn ma tkunx trid tmur.’ 

Meta naħseb dwar it-tmiem tal-Appostlu jiġuni f’moħħi dawk is-santwarji tal-appostoliċità u tal-qdusija: id-djar tas-saċerdoti u s-sorijiet anzjani, saċerdoti u sorijiet bravi li xjaħu, iġorru l-piż tas-solitudni, jistennew li jiġi l-Mulej iħabbat fuq qalbhom.  Dawn huma veri santwarji ta’ appostoliċità u qdusija li għandna fil-Knisja.  Ma ninsewhomx, irrakkomanda l-Papa.

Jekk inħarsu aktar fil-fond, żied jgħid Franġisku, dawn il-postijiet huma sbieħ ħafna.  Nisma’ spiss li jkunu organizzati pellegrinaġġi għas-santwarji tal-Madonna, ta’ San Franġisk, ta’ San Benedittu, tant pellegrinaġġi.  Imma, nistaqsi lili nnifsi, jekk aħna l-Insara jkollniex ix-xewqa li nagħmlu żjara – li jkun pellegrinaġġ veru – lil dawn is-santwarji ta’ appostoliċità u qdusija, id-djar tas-saċerdoti u s-sorijiet anzjani.  

Ġranet ilu, wieħed minnkom kien qed jgħidli li meta kien imur f’xi pajjiż tal-missjoni, kien imur iċ-ċimiterju biex iżur l-oqbra tal-missjunarji, saċerdoti u sorijiet, li kienu hemm qablu 50, 100, 200 sena qabel, nies mhux magħrufin.  U żied jgħidli:  ‘Imma dawn ilkoll jistgħu jiġu kanonizzati, għax fl-aħħar mill-aħħar l-aktar li jgħodd hu din il-qdusija fil-ħajja sempliċi ta’ kuljum.’

Fid-djar tal-anzjani, dawn is-saċerdoti u s-sorijiet jistennew lill-Mulej ftit jew wisq bħal Pawlu: ftit qalbhom sewda, imma wkoll b’ċerta paċi u b’wiċċ daħkan.  Jagħmlilna tajjeb lilna lkoll, temm il-Papa, li naħsbu dwar dan il-waqt ta’ ħajjitna, l-għabex tal-Appostlu, u nitolbu lill-Mulej: Ħarishom lil dawk li jinsabu qrib it-tmiem, biex jgħidu għal darb’oħra: ‘Iva Mulej, irrid nimxi warajk!’

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb