Il-Ġimgħa, 22 ta’ Novembru 2013: It-tempju jeżisti biex tadura lil Alla. U proprju għalhekk huwa punt ta’ riferiment tal-komunità, magħmula minn persuni li huma huma stess tempju spiritwali fejn jgħammar l-Ispirtu s-Santu. Din hija meditazzjoni fuq il-veru sens tat-tempju, dik proposta mill-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Bħas-soltu r-riflessjoni tal-Papa ħadet spunt mil-liturġija tal-Kelma, b’mod partikolari mis-silta meħuda mill-ewwel Ktieb tal-Makkabej (4, 36-37; 52-59) – li titkellem dwar ir-rikonsagrazzjoni tat-tempju mwettqa minn Ġuda – u mis-silta evanġelika ta’ Luqa li tirrakkonta t-tkeċċija tal-bejjiegħa mit-tempju (19, 45-48).
Dik ta’ Ġuda l-Makkabew, spjega l-Papa, ma kinitx l-ewwel rikonsagrazzjoni u purifikazzjoni tat-tempju li, fil-viċissitudni tal-istorja, kien ukoll meqrud tul il-gwerer, tant li niftakru meta Neħemija jwettaq ir-rikostruzzjoni tat-tempju. U hekk Ġuda l-Makkabew, wara r-rebħa, jaħseb dwar it-tempju: ‘Hekk hu, ġew megħluba l-għedewwa tagħna: immorru nippurifikaw is-santwarju u nirrikonsagrawh.’ Purifikazzjoni u rikonsagrazzjoni meħtieġa għaliex il-pagani kienu wżaw it-tempju għall-kult tagħhom. Mela allura kien hemm bżonn li jippurifikawh, jirrikonsagrawh.
Għall-Papa Franġisku l-messaġġ huwa profond u huwa tant importanti: it-tempju bħala post ta’ riferiment tal-komunità, post ta’ riferiment tal-poplu ta’ Alla. U f’din il-prospettiva l-Papa reġa’ ta wkoll il-ħajja lir-rotta tat-tempju fl-istorja, li tibda bl-arka; imbagħad Salamun li jagħmel il-bini tiegħu; imbagħad isir tempju ħaj: Ġesù Kristu t-tempju. U jintemm fil-glorja, f’Ġerusalemm ċelesti.
Li tirrikonsagra t-tempju għaliex hemm tingħata glorja lil Alla huwa għalhekk is-sens essenzjali tal-ġest ta’ Ġuda l-Makkabew, proprju għaliex it-tempju huwa l-post fejn il-komunità tmur titlob, tfaħħar lill-Mulej, biex tiżżi ħajr, imma fuq kollox biex tadura. Infatti fit-tempju tadura lill-Mulej. Dan huwa l-iktar punt importanti, enfasizza l-Papa. U din il-verità tgħodd għal kull tempju u għal kull ċerimonja liturġika, fejn dak li huwa l-iktar importanti huwa l-adorazzjoni u mhux l-innijiet u r-riti, għalkemm huma sbieħ. Il-komunità kollha miġbura, huwa spjega, tħares lejn l-altar fejn jiġi ċċelebrat is-sagrifiċċju u tadura. Imma jiena nemmen, u umilment ngħidu, li aħna l-Insara jistà jkun li tlifna ftit mis-sens tal-adorazzjoni. U naħsbu: immorru fit-tempju, niltaqgħu bħal aħwa. U huwa tajjeb, huwa sabiħ. Imma ċ-ċentru huwa hemm fejn huwa Alla. U aħna naduraw lil Alla.
Il-Papa Franġisku allura stieden biex tinħataf l-okkażjoni biex nerġgħu naħsbu dwar l-atteġġjament li għandna nżommu: It-tempji tagħna, huwa staqsa, huma postijiet ta’ adorazzjoni? Jiffavorixxu l-adorazzjoni? Ġuda l-Makkabew u l-poplu kellhom iż-żelu għat-tempju ta’ Alla għaliex huwa d-dar ta’ Alla, l-għamara ta’ Alla. U huma kienu jmorru flimkien biex hemm isibu lil Alla, biex jaduraw.
Bħal ma jirrakkonta l-Evanġelista Luqa, Ġesù wkoll jippurifika t-tempju. Imma dan jagħmlu bil-frosta f’idu. Jerħilha jkeċċi l-atteġġjamenti pagani, f’dan il-każ tal-bejjiegħa u s-sarrafa li kienu jbigħu u kien bidlu t-tempju f’negozji żgħar biex ibigħu, biex isarrfu l-flus u l-muniti barranin. Ġesù jippurifika t-tempju waqt li jwissi: ‘Hemm miktub: dari għandha tkun dar it-talb u mhux ta’ xi ħaġ’oħra.’ It-tempju huwa post sagru. U aħna hemm bżonn li nidħlu hemm bil-qima u r-rispett li jwassluna għall-adorazzjoni. M’hemm ebda ħaġa oħra.
Barra minn dan, kompla l-Papa, San Pawl jgħidilna li aħna tempji tal-Ispirtu s-Santu: jien tempju, l-ispirtu ta’ Alla jinsab fija. U wkoll jgħidilna: ‘La tnikktux l-ispirtu tal-Mulej li jinsab fina.’ F’dan il-każ, huwa ppreċiża, nistgħu nitkellmu dwar speċi ta’ adorazzjoni, li hija l-qalb li tfittex l-ispirtu tal-Mulej ġewwa fik. U taf li Alla jinsab fik, li l-Ispirtu s-Santu huwa fik u jisma’ u jsegwik. Aħna wkoll, saħaq il-Papa, hemm bżonn li nippurifikaw lilna nfusna bit-talb, bis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, bl-Ewkaristija.
U hekk, spjega l-Qdusija Tiegħu, f’dawn iż-żewġ tempji – it-tempju materjali, post ta’ adorazzjoni, u t-tempju spiritwali ġewwa fija, fejn jabita l-Ispirtu s-Santu – l-atteġġjament tagħna għandu jkun il-ħniena li tadura u tisma’; li titlob u titlob maħfra; li tfaħħar lill-Mulej. U meta nitkellmu dwar il-ferħ tat-tempju, nitkellmu dwar dan: il-komunità kollha fl-adorazzjoni, fit-talb, fir-rendiment tal-grazzi, fit-tifħir; jien fit-talb mal-Mulej li jinsab ġo fija, għaliex jiena tempju, fis-smigħ, fid-disponibiltà.
Il-Papa Franġisku kkonkluda l-omelija billi stieden għat-talb għaliex il-Mulej jippermetti dan is-sens veru tat-tempju biex ikun jista’ javvanza f’ħajjitna l-adorazzjoni u s-smigħ tal-kelma ta’ Alla.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb