Il-Papa f’Santa Marta: L-għajta li tagħti fastidju

Il-Ġimgħa, 6 ta’ Diċembru 2013: It-talb huwa għajta li ma tibżax li tagħti fastidju lil Alla, li tagħmel storbju, bħal meta tħabbat fuq bieb b’insistenza. Hekk hu, skont il-Papa Franġisku, is-sinifikat tat-talb li jsir lill-Mulej fi spirtu ta’ verità u bis-sikurezza li hu jista’ tassew jisimgħu.

Il-Papa tkellem dwar dan fl-omelija tal-quddiesa ċċelebrata l-Ġimgħa, 6 ta’ Diċembru 2013, filgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Waqt li rrefera għas-silta mill-kapitolu 9 ta’ Mattew (27-31), il-Papa qabel xejn ġibed l-attenzjoni fuq kelma li hemm fis-silta tal-Evanġelju li ġġegħilna naħsbu: l-għajta. L-għomja li kienu qegħdin isegwu lil Ġesù bdew jgħajtu biex ikunu mfejqa.  Ukoll dak l-għama fil-Bieb ta’ Ġeriko beda jgħajjat u l-ħbieb ta’ Ġesù riedu jġagħluh jiskot, fakkar il-Qdusija Tiegħu. Imma dak ir-raġel jitlob lill-Mulej grazzja u dan jagħmlu bl-għajjat, bħallikieku ried jgħid lil Ġesù: ‘Imma agħmlu! Jien għandi dritt li int tagħmel dan!’

Hawn l-għajta hija sinjal ta’ talb, spjega l-Papa. L-istess Ġesù, meta għallimna nitolbu, qalilna biex dan nagħmluh bħal ħabib fitt li, f’nofs ta’ lejl, mar jitlob biċċa ħobż u ftit għaġin għall-mistednin. Jew inkella li nagħmluh bħall-armla mal-imħallef korrott.  Fis-sustanza, kompla l-Papa, li nagħmluh billi nagħtu fastidju. Imbagħad kompla: Ma nafx, forsi dan jinstema’ ħażin, imma li titlob huwa ftit jew wisq li tagħti fastidju lil Alla biex jismagħna. U ppreċiża li huwa l-Mulej innifsu li jgħid dan, waqt li jissuġġerixxi li nitolbu bħall-ħabib f’nofs il-lejl, bħall-armla lill-imħallef. Mela li titlob huwa li tattira l-għajnejn, li tattira l-qalb ta’ Alla lejna. U huwa proprju dak li għamlu wkoll il-lebbrużi tal-Evanġelju, li resqu lejn Ġesù biex jgħidulu: ‘Imma jekk trid, int tista’ tfejjaqna!’ U dan jagħmluh b’ċerta sikurezza.

U hekk Ġesù, enfasizza l-Papa, jgħallimna nitolbu. Aħna soltu nippreżentaw lill-Mulej it-talba tagħna darba, tnejn jew tliet darbiet, imma mhux b’tant qawwa: u mbagħad negħjew nitolbuh. Għall-kuntrarju, l-għomja li dwarhom jitkellem Mattew fis-silta evanġelika, bdew jgħajtu u ma għejewx jgħajtu.  Infatti, reġà qal il-Papa, Ġesù jgħidilna: ‘Itolbu!’ Imma jgħidilna wkoll: ‘Ħabbtu fuq il-bieb!’ U min iħabbat fuq il-bieb jagħmel kjass, idejjaq, jagħti fastidju.

Proprju dawn huma l-kliem li Ġesù juża biex jgħidilna kif għandna nitolbu, żied jgħid il-Papa. Imma dan huwa wkoll il-mod, li aħna naraw fl-Evanġelju, tat-talb ta’ dawk fil-bżonn. Hekk l-għomja jħossuhom sikuri li jitolbu lill-Mulej is-saħħa, tant li l-Mulej jistaqsi: ‘Temmnu li jien nista’ nagħmel dan?’ U huma jweġbuh: ‘Iva, o Mulej! Nemmnu! Aħna ċerti!’

Hekk hu, kompla l-Qdusija Tiegħu, iż-żewġ atteġġjamenti tat-talb: huwa bżonnjuż u huwa sikur. It-talb huwa bżonnjuż dejjem. It-talb, meta nitolbu xi ħaġa, huwa bżonnjuż: ‘Għandi dan il-bżonn, ismagħni Mulej!’ Barra minn hekk, meta huwa veru huwa sikur: ‘Ismagħni, jien nemmen li inti tista’ tagħmlu, għaliex int wegħedtu!’ Infatti, spjega l-Papa, il-veru talb nisrani huwa msejjes fuq il-wegħda ta’ Alla. Dan wegħdu Hu.

Il-Papa mbagħad għamel riferiment għall-ewwel qari  (Iżaija 29, 17-21) tal-liturġija tal-jum, li fih hemm il-wegħda tas-salvazzjoni ta’ Alla lill-poplu tiegħu: ‘Jisimgħu f’dawk il-jiem it-torox kliem il-ktieb; meħlusin mid-dlam u mid-diqa, l-għajnejn tal-għomja jaraw.’ Dan il-pass, enfasizza l-Papa, huwa wegħda. Dan kollu huwa wegħda, il-wegħda tas-salvazzjoni: ‘Jien se nkun miegħek, jien intik is-salvazzjoni!’ U huwa b’din is-sikurezza li aħna ngħidu lill-Mulej il-bżonnijiet tagħna. Imma sikuri li hu dan jista’ jagħmlu.

Mill-bqija, meta nitolbu, huwa l-Mulej innifsu li jistaqsina: ‘Inti temmen li jien nista’ nagħmel dan?’ Interrogattiv li minnu toħroġ il-mistoqsija li kull wieħed minna għandu jagħmel lilu nnifsu: Jien ċert li dan hu jista’ jagħmlu? Jew nitlob ftit imma ma nafx jistax jagħmlu? It-tweġiba hi li huwa jista’ jagħmlu, ukoll jekk meta jagħmlu u kif jagħmlu ma nafux. Proprju din hija s-sikurezza tat-talb.

Fejn imbagħad jirrigwarda l-bżonn speċifiku li jimmotiva t-talb tagħna, hemm bżonn li nippreżentawh b’verità lill-Mulej: ‘Jien agħma, Mulej, għandi dan il-bżonn, għandi din il-marda, għandi dan id-dnub, għandi dan in-niket.’  Hekk, hu jisma’ l-bżonn, imma jisma’ dak li aħna qegħdin nitolbu, l-intervent tiegħu b’sikurezza.

Il-Papa Franġisku tenna, fil-konklużjoni, il-bżonn li dejjem naħsbu jekk talbna huwiex meħtieġ u huwiex sikur: huwa meħtieġ għaliex ngħidu l-verità lilna nfusna, u huwa  sikur għaliex nemmnu li l-Mulej jistà jagħmel dak li nitolbuh.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb