Il-Papa f’Santa Marta: Kliem miġnun

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 5 ta’ Diċembru 2013: Il-kliem nisrani mbattal mill-preżenza ta’ Kristu huwa kliem miġnun, mingħajr sens u qarrieq, li jifraħ fil-kburija u fil-kilba għall-poter. Hija stedina għal eżami tal-kuxjenza dwar il-koerenza bejn li tgħid u li tagħmel.  Din kienet il-proposta tal-Papa Franġisku fil-quddiesa ċcelebrata l-Ħamis, 5 ta’ Diċembru 2013 filgħodu, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Waqt li ħa spunt mil-liturġija tal-jum, il-Papa fakkar li bosta drabi l-Mulej tkellem dwar dan l-atteġġjament, dak li tagħraf il-Kelma iżda bla ma tpoġġiha fil-prattika. Bħal ma jgħid l-Evanġelju, Ġesù ċanfar ukoll lill-Fariżej rigward li kienu jagħrfu kollox, imma li ma kinux iwettquh. U hekk lin-nies kien jgħidilhom:  ‘Agħmlu dak kollu li jgħidu, imma mhux dak li jagħmlu, għax dak li jgħidu ma jagħmluhx!’  Din hija l-kwistjoni tal-kliem maqtugħin mill-prattika, kliem li minflok ma jiġux mgħejxa. Madankollu dawn il-kliem huma tajbin, wissa l-Papa, huma kliem sbieħ. Pereżempju, ukoll il-kmandamenti u l-beatitudnijiet jidħlu ma’ dawn il-kliem tajbin, hekk kif ukoll tant affarijiet li qal Ġesù. Aħna nistgħu ntennuhom, imma jekk ma jwassluniex għall-ħajja, mhux talli ma jiswewx, imma jagħmlulna ħażin, iqarrqu bina, iġegħluna nemmnu li aħna għandna dar sabiħa, imma mingħajr sisien.

Fis-silta evanġelika ta’ Mattew (7, 21, 24-27), kompla l-Papa, il-Mulej jgħid li proprju dak li jisma’ l-kelma u jpoġġiha fil-prattika jkun jixbah lil dak ir-raġel għaqli li bena daru fuq il-blat.  Fl-aħħar mill-aħħar, spjega l-Papa, din hija ekwazzjoni matematika: naf il-Kelma, inpoġgiha fil-prattika, jien mibni fuq il-blat. Il-kwistjoni essenzjali però, ippreċiża l-Qdusija Tiegħu, hija kif se npoġgiha fil-prattika.  U enfasizza li proprju hawn jinsab il-messaġġ ta’ Ġesù: tpoġgiha fil-prattika bħal ma tibni dar fuq il-blat. U din il-figura tal-blat tirreferi għall-Mulej.

Għal dan il-għan il-Papa Franġisku kkwota lill-profeta Iżaija li, fl-ewwel qari (26, 1-6) jgħid: ‘Afdaw dejjem fil-Mulej għaliex il-Mulej huwa blata eterna.’ Mela, spjega l-Papa, il-blata hija Ġesù Kristu, il-blata hija l-Mulej. Kelma hija qawwija, tagħti l-ħajja, tista’ tavvanza, tista’ tittollera l-attakki kollha la darba din il-kelma għandha għeruqha f’Ġesù Kristu. Mill-banda l-oħra, kelma nisranija li m’għandhiex għeruq vitali fil-ħajja ta’ persuna, f’Ġesù Kristu, hija kelma nisranija mingħajr Kristu. U l-kliem nisrani mingħajr Kristu jqarraq, jagħmel il-ħsara.

Il-Papa mbagħad fakkar lill-kittieb Ingliż Gilbert Keith Chesterton (1874-1936) li, meta tkellem dwar l-ereżiji, qal li ereżija hija verità, kelma, verità li ġġennet. Dan huwa fatt, enfasizza l-Papa, li meta l-kliem nisrani jkun mingħajr Kristu, jibda jmur fuq il-mixja tal-ġenn. Huwa kompla li Iżaija huwa ċar u jindikalna liema huwa dan il-ġenn. Infatti, naqraw fis-silta biblika: ‘Il-Mulej huwa blata eterna, għaliex huwa waqqa’ lil dawk li kienu jgħammru fil-għoli, qaleb il-belt sublimi’ – iva, lil dawk li kienu jgħammru fil-għoli. Kelma nisranija mingħajr Kristu, żied il-Papa, twasslek għall-vanità, għas-sikurezza tiegħek innifsek, għall-kburija, għall-kilba għall-poter. U l-Mulej iġarraf lil dawn il-persuni.

Din il-verità, spjega Franġisku, hija ħaġa kostanti fl-istorja tas-salvazzjoni. Dan tgħidu Anna, omm Samwel; tgħidu Marija fil-Magnificat: il-Mulej iġarraf il-vanità, il-kburija ta’ dawk il-persuni li jaħsbu li huma blat. Dawn huma persuni li jmorru biss wara kelma, mingħajr Ġesù Kristu. Jagħmlu proprju kelma li hija nisranija imma mingħajr Ġesù Kristu: mingħajr ir-rapport ma’ Ġesù Kristu; mingħajr it-talba ma’ Ġesù Kristu; mingħajr is-servizz lil Ġesù Kristu; mingħajr l-imħabba lil Ġesù Kristu.

Għall-Papa Franġisku, dak li l-Mulej jgħidilna llum, huwa stedina biex nibnu ħajjitna fuq din il-blata. U l-blata hija Hu. Jgħidhulna b’mod espliċitu Pawlu, ippreċiża l-Papa, meta jirreferi għal dak il-waqt li fih Mosè ta daqqa bil-bastun tiegħu fuq il-blata. U jgħid li l-blata kienet Kristu; Kristu huwa l-blata. Din il-meditazzjoni titlob, issuġġerixxa l-Papa, eżami tal-kuxjenza li jagħmlilna tajjeb. Eżami tal-kuxjenza li nistgħu nagħmluh billi nwieġbu għal sensiela ta’ mistoqsijiet essenzjali. Il-Papa nnifsu stqarrhom: Imma kif inhuma kliemna? Huma kliem suffiċjenti fihom infushom? Huma kliem li jaħsbu li huma potenti? Huma kliem li naħsbu wkoll li jagħtuna s-salvazzjoni? Huma kliem b’Ġesù Kristu? Dejjem huwa Ġesù Kristu meta ngħidu kelma nisranija?  Il-Papa ried mill-ġdid jippreċiża li kien qed jirreferi espressament għal kliem nisrani għaliex, meta m’hemmx Ġesù Kristu, dan ukoll jaqsamna bejnietna u jwassal għal qasma fil-Knisja.

Il-Papa Franġisku temm l-omelija billi talab lill-Mulej il-grazzja li tgħinna f’din l-umiltà li għandu jkollna: dejjem ngħidu kliem nisrani f’Ġesù Kristu, mhux mingħajr Ġesù Kristu. U talab lill-Mulej biex jgħinna wkoll f’din l-umiltà li nkunu dixxipli, salvati, biex navvanzaw mhux bi kliem li bih nemmnu li aħna potenti, nispiċċaw fil-ġenn tal-vanità u fil-ġenn tal-kburija. Il-Mulej jagħtina din il-grazzja tal-umiltà li ngħidu kliem b’Ġesù Kristu, imsejsa fuq Ġesù Kristu, temm jgħid il-Papa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading