It-Tlieta, 14 ta’ Jannar 2014: Erba’ mudelli ta’ nies li jemmnu, bħala riflessjoni fuq il-veru xhieda tan-Nisrani: fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta l-Papa Franġisku kien imnebbah minn erba’ figuri tal-qari tallum u fisser in-novità li ġab miegħu Kristu u l-imħabba t’Alla lejn kull wieħed u waħda minna. Imbagħad wissa dwar l-atteġġjamenti ipokriti u legalisti li jbiegħdu lin-nies mill-fidi.
Fl-omelija l-Papa Franġisku tkellem dwar erba’ mudelli ta’ nies li jemmnu: Ġesù, l-iskribi, is-saċerdot Eli u ż-żewġ uliedu, saċerdoti wkoll. L-Evanġelju jgħidilna x’kien l-atteġġjament ta’ Ġesù hu u jgħallem: kien jgħallem bħal bniedem li għandu l-awtorità u mhux bħall-iskribi. Dawn tal-aħħar, afferma l-Papa, kienu jgħallmu, jippritkaw, imma kienu jgħabbu fuq spallejn l-oħrajn tant affarijiet tqal, tant li l-imsejkna nies ma setgħux ilaħħqu magħhom.
U Ġesù stess jgħid lin-nies li dawn l-iskribi kienu ipokriti u jżid jgħidilhom, ‘Agħmlu dak li jgħidulkom imma tagħmlux bħalhom.’ Nies inkoerenti dejjem dawn l-iskribi u l-fariżej! U kemm kienu jsawtu n-nies, hux veru? Kienu jgħidulhom: ‘Tridu tagħmlu din u dik’ lill-povri nies, imma Ġesù jgħidilhom: ‘B’hekk intom tagħlqu l-bieb tas-Saltna tas-Sema. Ma tħallux lil ħaddieħor jidħol u lanqas tidħlu intom.’ Dan hu mod kif wieħed jipprietka, jgħallem u jagħti xiehda tal-fidi tiegħu… u kemm hemm min jaħseb li dik hija l-fidi!
Fl-ewwel qari meħud mill-Ktieb ta’ Samwel, kompla l-Papa, insibu l-figura ta’ Eli, saċerdot imsejken, dgħajjef, biered, li kien iħalli lil uliedu jagħmlu tant affarijiet koroh. Eli kien bilqiegħda quddiem it-Tempju tal-Mulej u jara lil Anna, mara li qed titlob kif tħoss hi, titlob biex ikollha iben.
Din il-mara kienet qed titlob kif jitolbu n-nies umli, b’mod sempliċi, imma mill-qalb, bl-ilfiq. Anna kienet qed iċċaqlaq xufftejha kif jagħmlu tant nisa twajba fil-knejjes u fis-santwarji tagħna. Kienet qed titlob b’dal-mod u tixtieq il-miraklu. Ix-xwejjaħ Eli kien iħares lejha u jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Din il-mara fis-sakra.’ B’hekk iddisprezzaha.
Eli, wissa l-Papa, kien ir-rappreżentant tal-fidi, il-mexxej tal-fidi, imma qalbu ma kinitx taf tħoss sew u għalhekk iddisprezza lil dik il-mara. Kemm-il darba l-poplu t’Alla ma ħassux milqugħ minn dawk li suppost jagħtu xhieda: mill-Insara, mill-Insara lajċi, mis-saċerdoti, mill-isqfijiet… Dawn huma msejknin li ma jifhmu xejn u għandhom bżonn jagħmlu kors tat-teoloġija biex jifhmu sew.
Imma, min-naħa l-oħra, għaliex inħoss ċertu simpatija lejn dan ir-raġel? Għax f’qalbu kien għad kellu d-dilka u għax meta l-mara spjegatlu s-sitwazzjoni, Eli jgħidilha: ‘Mur bis-sliem u Alla ta’ Iżrael itik dak li qed titolbu.’ Hemmhekk toħroġ id-dilka saċerdotali: miskin, kien ħbieha fih innifsu, fl-għażż tiegħu… hu bniedem biered. Wara jispiċċa ħażin, povru raġel!
Fis-silta tal-ewwel qari ma narawx lil uliedu, imma dawn kienu s-saċerdoti li kienu jmexxu t-Tempju u kienu briganti. Kienu saċerdoti imma saċerdoti briganti. Kien moħħhom fil-poter, fil-flus. Kienu jisfruttaw lin-nies, japprofittaw ruħhom mill-elemożina, mir-rigali, u l-Mulej jikkastigahom bl-aħrax. Din hi l-figura, qal il-Papa, tan-Nisrani korrott, tal-lajk korrott, tas-saċerdot korrott, tal-isqof korrott, li japprofitta ruħu mis-sitwazzjoni, mill-privileġġ li ttih il-fidi tiegħu, mill-fatt li hu nisrani. B’hekk qalbu tkun korrotta kif kienet ta’ Ġuda. Minn qalb korrotta, kompla jgħid Franġisku, joħroġ it-tradiment: Ġuda jittradixxi lil Ġesù. Għalhekk ulied Eli huma t-tielet mudell ta’ dawk li jemmnu.
Wara dawn it-tlieta negattivi hemm ir-raba’ wieħed: Ġesù. Dwaru n-nies tgħid: ‘Dan jgħallem bħal wieħed li għandu s-setgħa; dan hu tagħlim ġdid!’ Imma fejn hi n-novità?, staqsa l-Papa Franġisku. Din hi s-setgħa tal-qdusija. In-novità ta’ Ġesù hi dik li fih iġorr il-Kelma t’Alla, il-messaġġ t’Alla, jiġifieri l-imħabba t’Alla lejn kull wieħed u waħda minna.
Ġesù, tenna l-Papa, iressaq lil Alla lejn in-nies u biex jagħmel dan l-ewwel jersaq Hu: jersaq Hu qrib il-midinbin. Ġesù, fakkar il-Papa, jaħfer lill-adultera, jitkellem dwar it-teoloġija mas-Samaritana… li ma kinitx xi anġlu! Ġesù, kompla jispjega Franġisku, ifittex il-qlub tal-bnedmin, Ġesù jersaq lejn il-qalb feruta tal-bnedmin. L-interess ta’ Ġesù hu biss il-persuna u Alla. Ġesù jrid li n-nies tersaq qribu, tfittxu, u jħossu mqanqal meta jarahom qishom merħla mingħajr ragħaj. Dan l-atteġġjament kollu, hu dak li n-nies isejħulu tagħlim ġdid. Le, mhux hekk, osserva l-Papa, mhux it-tagħlim huwa ġdid. Dak li hu ġdid hu l-mod kif isir, hija t-trasparenza evanġelika.
Nitolbu lill-Mulej biex dawn iż-żewġ siltiet tallum jgħinuna fil-ħajja nisranija tagħna: lilna lkoll, kulħadd fir-roqgħa tiegħu. Biex ma nkunux purament legalisti, ipokriti bħall-iskribi u l-fariżej. Biex ma nkunux korrotti bħal ulied Eli. Biex ma nkunux bierda bħal Eli. Imma biex inkunu bħal Ġesù, biż-żelu li nfittxu lin-nies, li nfejquhom, li nħobbuhom, u b’hekk ngħidulhom: ‘Imma jekk jien qed nagħmel dan il-ftit, aħseb kemm iħobbok Alla, li hu Missierek!’ Dan hu t-tagħlim ġdid li Alla jitlob minna. Ejjew nitolbu dil-grazzja, temm il-Qdusija Tiegħu.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta