Il-Papa f’Santa Marta: L-imħabba t’Alla tirranġa l-iżbalji tagħna, l-istejjer tagħna l-midinbin

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 13 ta’ Jannar 2014: L-imħabba t’Alla tirranġa l-iżbalji tagħna, l-istejjer tagħna l-midinbin, għax qatt ma tabbandunana minkejja li aħna ma nifhmux din l-imħabba. Hekk afferma l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, illum l-ewwel Tnejn taż-żmien ordinarju tas-sena liturġika.

Ġesù jsejjaħ lil Pietru, Indrì, Ġakbu u Ġwanni li jkunu qed jistagħdu.  Huma mill-ewwel jitilqu x-xbiek biex imorru warajH.  Fil-kumment dwar l-Evanġelju tallum, il-Papa osserva li l-Mulej ried iħejji lid-dixxipli għall-missjoni ġdida tagħhom.  Huwa x-xogħol ta’ Alla, tal-imħabba t’Alla, afferma l-Papa, li jħejji t-triq… iħejji ħajjitna, il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.  Hu ma jagħmilniex Insara b’daqqa ta’ pinna: Hu jipprepara!  Jipprepara triqtna, ħajjitna, minn qabel.

Donnu jidher mis-silta tal-Evanġelju li Xmun, Indrì, Ġakbu u Ġwanni ntgħażlu definittivament, iva, qieshom ġew eletti.  Imma f’dal-ħin huma għadhom mhumiex fidili għal kollox!  Wara din l-għażla żbaljaw, lill-Mulej għamlulu proposti li ma kinux Insara, ċaħduh!  Pietru b’mod speċjali, u l-oħrajn, minħabba l-biża’, beżgħu u ħarbu.  Abbandunaw lill-Mulej. 

Imma l-Mulej iħejji u wara l-qawmien tiegħu kompla din it-triq ta’ preparazzjoni sal-jum tal-Pentekoste.  U wkoll wara l-Pentekoste, uħud minnhom, per eżempju Pietru, żbalja, u Pawlu kellu jikkoreġih.  Imma l-Mulej jipprepara.  B’hekk, kompla jgħid il-Papa Franġisku, il-Mulej ikun qed iħejji minn ġenerazzjonijiet qabel.

Meta l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb, Hu jidħol fl-istorja u jsewwi s-sitwazzjoni billi jibqa’ miexi magħna.  Naħsbu ftit fin-nisel ta’ Ġesù Kristu, dik il-lista li fiha nsibu li dak jiġġenera lil dak u dak jiġġenera lill-ieħor… F’dik il-lista hemm ukoll ħafna midinbin.  Imma x’għamel il-Mulej? Niżel, sewwa t-triq u qiegħed kollox f’postu.  Niftakru f’David, midneb kbir imma wara qaddis kbir.  Il-Mulej jaf. Meta jgħidilna: ‘Jien inħobbok bi mħabba eterna,’ għal dan ikun qed jirreferi.  Il-Mulej ikun ilu jaħseb fina, f’kull wieħed u waħda minna, minn tant ġenerazzjonijiet qabel.

Inħobb naħseb, afferma l-Papa, li l-Mulej għandu s-sentimenti tal-istennija tal-koppja li fi ħdanha jkun ġej wild.  Hu jistenniena dejjem fl-istorja tagħna u jakkumpanjana matul il-vjaġġ.  Din hi l-imħabba eterna tal-Mulej: eterna imma konkreta.

Hija wkoll imħabba artiġjanali għax Hu jibni l-istorja, iħejji t-triq għalina lkoll.  Din hi l-imħabba t’Alla li jħobbna dejjem u ma jabbandunana qatt.    Nitolbu lill-Mulej biex jgħinna nagħrfu t-tenerezza ta’ qalbu.  U dan hu, osserva l-Qdusija Tiegħu, att ta’ fidi għax mhux faċli li temmnu.

Infatti r-razzjonaliżmu tagħna jgħidilna: Kif, il-Mulej li għandu tant f’min jaħseb, se jaħseb fik?  Imma lili ħejjieli t-triq, permezz ta’ ommi, tan-nanniet, ta’ missirijietna, tal-bużnanniet…  Hekk jagħmel il-Mulej u din hi l-imħabba tiegħu: konkreta, eterna u anke artiġjanali.

Nitolbu biex naqilgħu din il-grazzja li nifhmu l-imħabba t’Alla minkejja li ma nistgħu nifhmuha qatt!  Inħossu, nibku, imma sakemm aħna fid-dinja dan ma nifhmuhx. Dan stess jurina kemm hi kbira din l-imħabba.  Il-Mulej ilu jħejjilna t-triq minn żmien.  Jimxi magħna billi jħejji lill-oħrajn, imma jibqa’ dejjem magħna.  Nitolbu l-grazzja li nifhmu b’qalbna din l-imħabba kbira.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d