Katekeżi Sagramenti, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Magħmudija , Biha insiru membri tal-Ġisem ta’ Kristu


2. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 15 ta’ Jannar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

L-Erbgħa li għaddiet tajna bidu għal serje qasira ta’ katekeżi fuq is-Sagramenti, ibda mill-Magħmudija. U fuq il-Magħmudija nixtieq nieqaf anki l-lum, biex nagħfas fuq frott importanti ħafna ta’ dan is-Sagrament: hu jagħmilna membri tal-Ġisem ta’ Kristu u tal-Poplu ta’ Alla. San Tumas ta’ Aquino jafferma li min jirċievi l-Magħmudija jiġi inkorporat fi Kristu kważi bħala membru ta’ l-istess ġismu u jingħaqad mal-komunità tal-fidili (ara Summa Theologiæ, III, q. 69, art. 5; q. 70, art. 1), jiġifieri mal-Poplu ta’ Alla. Skond it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, il-lum aħna ngħidu li l-Magħmudija ddaħħalna fil-Poplu ta’ Alla, tagħmilna membri ta’ Poplu f’mixja, Poplu pellegrin fl-istorja.

Fil-fatt, kif il-ħajja tgħaddi minn nisel għal nisel, hekk ukoll minn nisel għal nisel, permezz tat-twelid ġdid mill-Fonti tal-Magħmudija, tgħaddi l-grazzja, u b’din il-grazzja l-Poplu Nisrani jimxi fiż-żmien, bħal xmara li ssaqqi l-art u xxerred fid-dinja l-barka ta’ Alla. Sa minn dak il-mument li fih Ġesù tenna dak li smajna fil-Vanġelu, id-dixxipli marru jgħammdu; u minn dak iż-żmien sal-lum issawret katina fit-trasmissjoni tal-fidi permezz tal-Magħmudija. U kull wieħed u waħda minna hu ħolqa f’dik il-katina: pass ieħor ’il quddiem, dejjem; bħal xmara li ssaqqi. Hekk hi l-grazzja ta’ Alla u hekk il-fidi tagħna, li rridu ngħadduha lil uliedna, ngħadduha lit-tfal, biex huma, ladarba jsiru adulti, ikunu jistgħu jgħadduha lil uliedhom. Hekk hi l-Magħmudija. Għaliex? Għaliex il-Magħmudija ddaħħalna f’dan il-Poplu ta’ Alla li jittrasmetti l-fidi. Dan hu importanti ħafna. Poplu ta’ Alla li jimxi u jittrasmetti l-fidi.

Grazzi għall-Magħmudija aħna nsiru dixxipli missjunarji, imsejħa biex inwasslu l-Vanġelu fid-dinja (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 120). “Kull mgħammed, hi x’inhi l-funzjoni tiegħu fil-Knisja u l-livell ta’ tagħlim li ħa fil-fidi, hu suġġett attiv ta’ evanġelizzazzjoni… L-evanġelizzazzjoni ġdida trid tissarraf fi protagoniżmu ġdid” (ibid.) ta’ kulħadd, tal-poplu kollu ta’ Alla, protagoniżmu ġdid ta’ kull wieħed u waħda mill-imgħammdin. Il-Poplu ta’ Alla hu Poplu dixxiplu – għax jirċievi l-fidi – u missjunarju – għax jittrasmetti l-fidi. U dan il-Magħmudija twettqu fina. Tagħtina l-Grazzja u tittrasmetti l-fidi. Fil-Knisja lkoll aħna dixxipli, u dejjem aħna dixxipli, għal ħajjitna kollha; u lkoll aħna missjunarji, kull wieħed u waħda fil-post li tah il-Mulej. Kollha: l-iżgħar wieħed ukoll hu missjunarju; u dak li jidher l-ikbar hu dixxiplu. Imma hawn fostkom min jgħidli: “L-Isqfijiet m’humiex dixxipli, l-Isqfijiet kollox jafu; il-Papa jaf kollox, m’hux dixxiplu”. Le, anki l-Isqfijiet u l-Papa jeħtieġ ikunu dixxipli, għax jekk ma jkunux dixxipli, ma jagħmlux il-ġid, ma jistgħux ikunu missjunarji, ma jistgħux jittrasmettu l-fidi. Ilkoll kemm aħna dixxipli u missjunarji.

Hemm rabta li ma tinħallx bejn id-dimensjoni mistika u dik missjunarja tas-sejħa Nisranija, it-tnejn li huma b’għeruqhom fil-Magħmudija. “Meta nirċievu l-fidi u l-Magħmudija, aħna l-Insara nilqgħu fina l-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu li twassalna nistqarru lil Ġesù Kristu bħala l-Iben ta’ Alla u nsejħu lil Alla ‘Abbà’, Missier. L-imgħammdin kollha… imsejħin ngħixu u nittrasmettu l-komunjoni mat-Trinità, għax l-evanġelizzazzjoni hi sejħa għall-partiċipazzjoni fil-komunjoni Trinitarja” (Dokument finali ta’ Aparecida, nru 157).

Ħadd ma jsalva waħdu. Aħna komunità ta’ bnedmin li jemmnu, aħna Poplu ta’ Alla u f’din il-komunità aħna nduqu l-ġmiel li naqsmu ma’ xulxin l-esperjenza ta’ mħabba li ġiet qabilna lkoll, imma li fl-istess ħin titlobna nkunu “kanali” tal-grazzja għal xulxin, minkejja l-limiti tagħna u d-dnubiet tagħna. Id-dimensjoni komunitarja m’hix biss xi “gwarniċ”, xi “kontorn”, imma hi parti integrali tal-ħajja Nisranija, tax-xhieda u ta’ l-evanġelizzazzjoni. Il-fidi Nisranija tinbet u tgħix fil-Knisja, u fil-Magħmudija l-familji u l-parroċċi jiċċelebraw l-inkorporazzjoni ta’ membru ġdid ta’ Kristu u tal-ġisem tiegħu li hu l-Knisja (ara ibid., nru 175b).

Dwar l-importanza tal-Magħmudija għall-Poplu ta’ Alla, hi ta’ eżempju kbir l-istorja tal-komunità Nisranija fil-Ġappun. Hi ġarrbet persekuzzjoni ħarxa fil-bidu tas-seklu sbatax. Kien hemm għadd ta’ martri, il-membri tal-kleru tkeċċew u eluf ta’ fidili sfaw maqtula. Fil-Ġappun ma kien fadal l-ebda saċerdot, kollha ġew imkeċċija. Allura l-komunità rtirat fil-klandestinità, u fil-moħbi żammet ħajja l-fidi u t-talb. U meta kienet titwieled tarbija, missierha jew ommha kienu jgħammduha, għax f’ċirkustanzi partikulari l-fidili kollha jistgħu jgħammdu. Meta, wara żewġ sekli u nofs, mitejn u ħamsin sena wara, il-missjunarji reġgħu lura fil-Ġappun, eluf ta’ Nsara ħarġu fid-dieher u l-Knisja setgħet twarrad mill-ġdid. Kienu baqgħu sħaħ bil-grazzja tal-Magħmudija tagħhom! Din xi ħaġa kbira: il-Poplu ta’ Alla jittrasmetti l-fidi, jgħammed lil uliedu u jibqa’ miexi. U kienu żammew ħaj, anki jekk fis-sigriet, spirtu qawwi komunitarju, għax il-Magħmudija kienet għamlithom ġisem wieħed fi Kristu: kienu iżolati u moħbija, imma dejjem baqgħu membri tal-Poplu ta’ Alla, membri tal-Knisja. Għandna ħafna x’nitgħallmu minn din l-istorja!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s