Katekeżi Sagramenti, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Griżma tal-Isqof, Inħarsu lejha f’kontinwità mal-Magħmudija


3. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 29 ta’ Jannar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba,

F’din it-tielet katekeżi dwar is-Sagramenti, sa nieqfu nitkellmu fuq il-Konfirmazzjoni jew Griżma ta’ l-Isqof, li għandna nħarsu lejha f’kontinwità mal-Magħmudija, li magħha hi marbuta b’mod inseparabbli. Dawn iż-żewġ Sagramenti, flimkien ma’ l-Ewkaristija, jiffurmaw ġrajja waħda salvifika, li tissejjaħ l-“inizjazzjoni Kristjana”, li fiha aħna niġu inseriti f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta u nsiru ħlejjaq ġodda u membri tal-Knisja. Hu għalhekk li għall-bidu dawn it-tliet Sagramenti kienu jiġu ċċelebrati f’mument wieħed, fi tmiem il-mixja katekumenali, normalment fil-Velja ta’ l-Għid. Hekk kienet tiġi ssiġillata l-mixja ta’ formazzjoni u ta’ dħul gradwali fil-komunità Nisranija li setgħet ittul anki għal xi snin. Kien isir pass wara l-ieħor biex wieħed jasal għall-Magħmudija, imbagħad għall-Griżma u mbagħad għall-Ewkaristija.

Normalment nirriferu għal dan is-sagrament bħala l-“Griżma”, kelma li tfisser “dilka”. U fil-fatt, permezz taż-żejt imsejjaħ “Griżma mqaddsa”, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, insiru ħaġa waħda ma’ Ġesù Kristu, li hu l-“midluk” waħdieni u veru, il-“Messija”, il-Qaddis ta’ Alla. It-terminu “Konfirmazzjoni” imbagħad ifakkarna li dan is-Sagrament ikabbar fina l-grazzja tal-Magħmudija: jgħaqqadna b’qawwa ikbar ma’ Kristu; iwettaq ir-rabta tagħna mal-Knisja; jagħtina l-qawwa speċjali ta’ l-Ispirtu s-Santu biex nistgħu nxerrdu l-fidi u nħarsuha, biex nistqarru l-isem ta’ Kristu u biex qatt ma nistħu mis-salib tiegħu (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nru 1303).

Għalhekk hu importanti nieħdu ħsieb li t-tfal tagħna, l-adolexxenti tagħna, jirċievu dan is-Sagrament. Ilkoll naraw li jiġu mgħammda u din hi ħaġa tajba, imma forsi ma tantx nagħtu kas li jirċievu l-Griżma. Hekk jibqgħu f’nofs il-mixja tagħhom u ma jirċevux l-Ispirtu s-Santu, li hu tant importanti fil-ħajja Nisranija, għax jagħtina l-qawwa biex nibqgħu mexjin. Ejjew naħsbu ftit, kull wieħed u waħda minna: Veru li qed nieħdu ħsieb li t-tfal tagħna, l-adolexxenti tagħna jirċievu l-Griżma? Importanti dan, importanti! U jekk intom, id-dar tagħkom, għandkom tfal, subien u bniet, li għadhom ma rċivewhiex u għandhom biżżejjed età biex jirċevuha, agħmlu kull ma hu possibbli biex iwasslu fi tmiemha l-inizjazzjoni Kristjana u jirċievu l-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. Importanti!

Naturalment importanti noffru tħejjija tajba lil dawk li ħa jirċievu l-Griżma, li trid twassalhom biex jilqgħu b’mod personali l-fidi fi Kristu u terġa’ tqajjem fihom is-sens ta’ appartenenza għall-Knisja.

Il-Konfirmazzjoni, bħal kull Sagrament ieħor, m’hix opra ta’ jdejn il-bnedmin, imma ta’ Alla, li jieħu ħsieb ta’ ħajjitna hekk li jagħġinna fix-xbieha ta’ Ibnu, biex jagħmilna kapaċi nħobbu bħalU. Dan jagħmlu billi jsawwab fina l-Ispirtu s-Santu tiegħu, li l-azzjoni tiegħu tixtered fil-persuna u l-ħajja kollha, kif tidher ukoll fis-seba’ doni li t-Tradizzjoni, fid-dawl ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, dejjem għafset fuqhom. Dawn is-seba’ doni: Jien ma rridx nistaqsi lilkom jekk tiftakruhomx is-seba’ doni. Forsi tafuhom kollha… Imma sa ngħidhom f’isimkom. Liema huma s-seba’ doni? L-Għerf, il-Fehma, il-Kunsill, il-Qawwa, ix-Xjenza, il-Pjetà u l-Biża’ ta’ Alla. U dawn id-doni jingħatawlna propju bl-Ispirtu s-Santu fis-sagrament tal-Konfirmazzjoni. Għandi f’moħħi mbagħad li l-katekeżijiet li nagħmel wara dawk fuq is-Sagramenti niddedikahom lil dawn id-doni.

Meta nilqgħu lill-Ispirtu s-Santu f’qalbna u nħalluh jaħdem, Kristu stess jiġi fina u jissawwar f’ħajjitna; permezz tagħna, ikun Hu, l-istess Kristu, li jitlob, li jaħfer, li jxerred it-tama u l-faraġ, li jaqdi lill-aħwa, li joqgħod qrib min hu fil-bżonn u min iħossu mwarrab, li joħloq il-komunjoni, li jiżra’ l-paċi. Aħbsu ftit fuq kemm hu importanti dan: permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu, Kristu stess jiġi jagħmel dan kollu fostna u għalina. Għalhekk hu importanti li t-tfal u l-adolexxenti jirċievu s-Sagrament tal-Griżma.

Għeżież ħuti, niftakru li aħna rċivejna l-Konfirmazzjoni! Ilkoll kemm aħna! Niftakruh qabel xejn biex irroddu ħajr lill-Mulej ta’ dan id-don, u mbagħad biex nitolbuh jgħinna ngħixu ta’ veri Nsara, biex nimxu dejjem bil-ferħ skond l-Ispirtu s-Santu li ġie mogħti lilna.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s