Il-Papa f’Santa Marta: Is-sawm li jrid il-Mulej hu dak li jagħti kas u jippreokkupa ruħu mill-ħajja ta’ ħuh

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 7 ta’ Marzu 2014: Jien nistħi mil-laħam ta’ ħija, ta’ oħti?  Hija waħda mill-mistoqsijiet li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu, waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa wera li l-ħajja tal-fidi hi marbuta strettament ma’ ħajja ta’ karità lejn il-foqra, li mingħajrha kull ma nistqarru jkun biss ipokrisija.

Il-kristjaneżmu mhux regola mingħajr ruħ, xi ktieb ta’ regoli li jgħid x’inhuma l-osservanzi formali għal nies li jidhru bil-wiċċ formali tal-ipokrisija biex jaħbu qalb vojta mill-karità.  Il-kristjaneżmu hu l-istess ‘laħam’ ta’ Kristu li jmil mingħajr mistħija fuq min qed isofri.

Biex jispjega din il-kontrapożizzjoni l-Papa Franġisku kkwota d-djalogu li nsibu fl-Evanġelju tallum bejn Ġesù u d-dutturi tal-liġi li kkritikaw lid-dixxipli għax ma kinux qed isumu bħalhom u bħall-fariżej, li fil-fatt kienu jsumu spiss ħafna.   Il-fatt hu, osserva l-Papa, li d-dutturi kienu bidlu l-osservanza tal-kmandamenti u rrendewha formalità biex b’hekk bidlu l-ħajja reliġjuża f’waħda etika u nsew l-għeruq, jiġifieri l-istorja tas-salvazzjoni, tas-sejħa u tal-alleanza.

Kienu rċevew mingħand il-Mulej l-imħabba ta’ Missier, irċevew mingħand il-Mulej l-identità ta’ poplu u mbagħad ittrasformawha f’etika u rrifjutaw ir-rigal ta’ mħabba.  Dawn in-nies ipokriti huma persuni tajbin, jagħmlu dak kollu li għandhom jagħmlu.  Jidhru tajbin!  Jimxu mal-etika, imma b’etika mingħajr tjubija għax tilfu s-sens ta’ appartenenza mal-poplu!  Is-salvazzjoni l-Mulej jagħtiha fi ħdan poplu, fl-appartenenza ma’ poplu.

Madankollu, osserva l-Papa, diġà l-Profeta Iżaija – fil-pass li rajna fl-ewwel qari – kien iddeskriva ċar x’għandu jkun is-sawm skont il-viżjoni ta’ Alla: li ninħallu mill-irbit mal-ħażen, li neħilsu lill-imjassrin, imma wkoll li naqsmu l-ħobż ma’ min hu mġewwaħ, nilqgħu f’darna lil min m’għandux saqaf, inlibbsu li min hu għeri. Dan hu s-sawm li jrid il-Mulej!  Sawm li jagħti kas u jippreokkupa ruħu mill-ħajja ta’ ħuh, li ma jistħix – jgħidha Iżaija stess – mil-laħam ta’ ħuh.  Il-perfezzjoni tagħna, il-qdusija tagħna timxi flimkien mal-poplu tagħna, li fih aħna lkoll imsejħin u li nagħmlu parti minnu.

L-akbar att ta’ qdusija tagħna jinsab proprju fil-laħam ta’ ħuna u fil-laħam ta’ Ġesù Kristu.  L-att ta’ qdusija tagħna llum, hawnhekk fuq l-altar, mhux is-sawm ipokrita: hu li ma nistħux mil-laħam ta’ Kristu li jiġi hawn illum!  Hu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu.  Hu li mmorru naqsmu l-ħobż mal-imġewwaħ, li nikkuraw lill-morda, lill-anzjani, lil dawk li ma jistgħu jagħtuna xejn lura: dak ifisser li ma nistħux mil-laħam tal-oħrajn!

Dan ifisser, afferma l-Papa Franġisku, li s-sawm l-aktar diffiċli hu s-sawm tat-tjubija, is-sawm bħal dak tas-Samaritan it-Tajjeb li jmil fuq il-bniedem miġrugħ, u mhux dak tas-saċerdot li jħares lejn l-istess imsejken imma jibqa’ għaddej, forsi minħabba l-biża’ li jitniġġes.  Għalhekk, din hija l-proposta tal-Knisja llum: jien nistħi mil-laħam ta’ ħija, ta’ oħti?

Meta nagħti l-elemożina, nitfa’ l-munita biex ma mmissx id il-fqir?  U fil-każ li mmissha, niġbed idi lura mill-ewwel? Meta jien nagħti l-elemożina nħares f’għajnejn ħija, oħti? Meta naf li persuna hi marida mmur naraha?  Insellmilha bit-tenerezza?  Hemm sinjal li forsi jista’ jgħinna – hija mistoqsija:  naf inżiegħel bil-morda, bl-anzjani, bit-tfal, jew forsi tlift is-sens tat-tgħanniq?  Dawn l-ipokriti ma kinux jafu jgħannqu!  Kienu nsewh dan…

M’għandniex nistħu, temm il-Papa, mil-laħam ta’ ħutna: hu l-istess laħam tagħna!  Aħna għad irridu nkunu ġġudikati fuq dak li nagħmlu ma’ dan ħuna, ma’ din oħtna!

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d