Il-Ħamis, 6 ta’ Marzu 2014: Umiltà, mitezza, ġenerożità: dan hu l-istil nisrani, triq li tgħaddi mis-salib, kif għamel Ġesù, li hija triq li twassal għall-hena. Dan hu fi ftit kliem il-ħsieb tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.
Fl-Evanġelju li l-liturġija tipproponilna fil-jum ta’ wara Ras ir-Randan, Ġesù jgħid lid-dixxipli: ‘Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jiġi warajja.’ Dan hu, enfasizza l-Papa, l-istil nisrani, il-mixja li Ġesù, l-ewwel wieħed, għadda minnha.
Aħna ma nistgħux naħsbu f’ħajja nisranija ‘l barra minn dit-triq. Dejjem hemm din il-mixja li Hu għamilha qabilna, l-ewwel wieħed: it-triq tal-umiltà, it-triq ukoll tal-umiljazzjoni, li xxejjen biex wara jqum. Imma din hi t-triq. L-istil nisrani mingħajr is-salib mhux nisrani, u jekk is-salib hu wieħed mingħajr Ġesù, mhux nisrani lanqas. L-istil nisrani jieħu fuq spallejh is-salib ta’ Ġesù u jibqa’ miexi. Mhux mingħajr Ġesù, mhux mingħajr salib.
Ġesù ta l-eżempju, kompla jgħid il-Papa, u minkejja li kien daqs Alla, xejjen lilu nnifsu, sar qaddej għalina lkoll. Dan hu l-istil li jsalvana, li jtina l-hena u jagħmilna għammiela, għax dil-mixja, li fiha niċħdu lilna nfusna biex nagħtu l-ħajja, hija mixja kontra dik tal-egoiżmu, li nkun marbut mal-ġid għalija waħdi biss… Din it-triq hi miftuħa għall-oħrajn, għax it-triq li għamel Ġesù, li xxejjen, dik it-triq għamilha biex jagħti l-ħajja. L-istil nisrani hu proprju dan l-istil tal-umiltà, tal-mitezza u l-manswetudni.
Ġesù jtenni: min irid isalva ħajtu jitlifha, għax jekk il-qamħa ma tmutx, ma tistax tagħti frott. Dan isir bil-ferħ, afferma l-Papa, għax il-ferħ itihulna Hu stess. Il-mixja wara Ġesù hi mixja ta’ ferħ, imma mixja bl-istil ta’ Ġesù mhux bl-istil tad-dinja. Issegwi l-istil nisrani jfisser li timxi t-triq tal-Mulej, kulħadd kif jista’, biex jagħti l-ħajja lill-oħrajn, mhux biex jagħti l-ħajja lilu nnifsu. Dan hu l-ispirtu tal-ġenerożità.
L-egoiżmu tagħna jimbuttana biex nidhru aħjar quddiem l-oħrajn. Iżda, l-ktieb tal-Imitazzjoni ta’ Kristu, osserva Franġisku, jagħtina parir mill-isbaħ: Ħobb mingħajr ma tidher ħalli tkun iġġudikat li m’int xejn. Din hi l-umiltà nisranija, dak li għamel Ġesù l-ewwel wieħed.
U din hi l-hena tagħna, dan hu dak li jagħmilna għammiela: li nimxu ma’ Ġesù. Ferħ xort’oħra ma jagħtix frott għax ħafna jaħsbu, kif qal Ġesù, li se jirbħu d-dinja kollha imma jispiċċaw biex jirvinaw ħajjithom. Fil-bidu ta’ dan ir-Randan nitolbu lill-Mulej jgħallimna ftit dan l-istil ta’ ħajja nisranija, ta’ servizz, ta’ ferħ, li nxejnu lilna nfusna u nkunu għammiela miegħu, kif iridna Hu, temm il-Papa Franġisku.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta