Il-Papa f’Santa Marta: L-Insara lluppjati ma jagħmlux ġid lill-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 1 ta’ April 2014: L-Insara lluppjati ma jagħmlux ġid lill-Knisja.  Hekk osserva l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Papa saħaq li m’għandniex neħlu mal-formaliżmi imma ‘nitħalltu’, negħelbu l-għażż spiritwali u nirriskjaw personalment biex inħabbru l-Evanġelju.

Il-Papa Franġisku għamel omelija dwar is-silta tal-Evanġelju li tirrakkonta l-laqgħa ta’ Ġesù mal-paralitiku li kien ilu marid 38 sena, taħt il-portiku qrib il-menqgħa jistenna l-fejqan.  Dar-raġel kien qed jilmenta li ma setax jinżel fl-ilma tal-menqgħa għax dejjem kien isib min jinżel qablu.  Imma Ġesù jibdel ix-xefaq u jordnalu ‘jqum’, imur.  Miraklu li qanqal il-kritika tal-fariżej għax kien is-Sibt u f’dak il-jum, kienu jgħidu huma, kien ipprojbit li jsir dan.

F’dar-rakkont, osserva l-Papa, insibu żewġ mardiet koroh, mardiet spiritwali.  Żewġ mardiet li jagħmlilna tajjeb nirriflettu fuqhom.  L-ewwel waħda kienet ir-rassenjazzjoni tal-marid li kien mgħaddab u jilmenta.

Naħseb f’tant Insara, qal il-Papa, tant Kattoliċi li, veru, huma Kattoliċi, imma mingħajr entużjażmu, anke forsi mgħaddbin!  ‘Iva, hekk hi l-ħajja, imma l-Knisja…’  ‘Jien immur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd, imma aħjar ma nitħallatx…’  ‘Jiena għandi l-fidi għas-saħħa tiegħi, m’għandix bżonn ngħaddiha lil ħaddieħor….!’ ‘Kulħadd miġbur f’daru għall-kwiet tal-ħajja… imbagħad int tagħmel xi ħaġa u jċanfruk.  Le, aħjar hekk, aħjar ma nirriskjax!’  Din hi l-marda tal-għażż… tal-għażż tal-Insara.

Dan l-atteġġjament jipparalizza ż-żelu appostoliku tal-Insara.  Lill-Kristjani jagħmilhom bnedmin statiċi, kalmi – mhux fis-sens pożittiv tal-kelma, imma fis-sens li ma jħabblux rashom biex jagħtu l-aħbar tal-Evanġelju!  Persuni lluppjati, ikkummenta l-Papa.

Il-loppju, żied jgħid Franġisku, hu esperjenza negattiva.  Dik li ma nitħallatx issir għażż spiritwali.  U l-għażż hu diqa.  Dawk l-Insara huma mdejqin, huma persuni mingħajr dawl, persuni negattivi.  Din hi marda tagħna l-Insara.  Immorru l-quddies kull nhar ta’ Ħadd, imma ngħidu: ‘Jekk jogħġbok, tiddisturbanix!’  Dawn l-Insara neqsin mill-ħeġġa appostolika, wissa l-Papa, ma jiswewx, mhumiex tajbin għall-Knisja.  Kemm hemm Insara bħal dawn – afferma b’dispjaċir il-Papa – egoisti, għalihom waħedhom.  Dan hu d-dnub tal-għażż li hu l-oppost taż-żelu appostoliku, kontra r-rieda li nwasslu n-novità ta’ Ġesù lill-oħrajn, din in-novità li ġiet mogħtija lili b’xejn.

Imma f’dal-pass tal-Evanġelju, qal il-Papa, insibu dnub ieħor, meta naraw li Ġesù ġie kkritikat għax fejjaq lill-marid fil-jum tas-Sibt.   Id-dnub tal-formaliżmu:  Insara li ma jħallux lok għall-grazzja t’Alla.  U l-ħajja nisranija, il-ħajja ta’ dawn in-nies, hi li jkollhom id-dokumenti kollha f’posthom u jkollhom iċ-ċertifikati sewwa. Insara ipokriti bħal dawn tinteressahom biss il-formalità.  Kien is-Sibt? Le, ma jistgħux isiru mirakli s-Sibt, il-grazzja t’Alla ma tistax taħdem is-Sibt.  Jagħlqu l-bieb għall-grazzja t’Alla.  Għandna tant minnhom fil-Knisja, tant u tant!  Dan hu dnub ieħor.

L-ewwel, dawk li għandhom id-dnub tal-għażż, li m’għandhomx ħila jimxu biż-żelu appostoliku – għax qatgħuha li jingħalqu fihom infushom, fid-dwejjaq tagħhom, fis-sens ta’ fastidju tagħhom, f’dak kollu – dawn m’għandhomx ħila jwasslu s-salvazzjoni għax għalqulha l-bieb.  Għalihom tgħodd biss il-formalità.  L-aktar kelma li tiġi f’moħħhom hi, ‘ma jistax ikun’.  Dawn in-nies niltaqgħu magħhom aħna wkoll, żied il-Papa; tant drabi ltqajna mal-għażż u tant drabi konna ipokriti bħall-fariżej.

Dawn, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu, huma tentazzjonijiet li jkollna, imma jeħtieġ nagħrfuhom biex niġġildulhom.  U quddiem dawn iż-żewġ tentazzjonijiet, quddiem dak ‘l-isptar tal-kamp tal-battalja’, li hu s-simbolu tal-Knisja, quddiem tant bnedmin miġrugħa, Ġesù jersaq lejhom u jitlob biss:  ‘Trid tfiq?’  U jtihom il-grazzja.  Il-grazzja tagħmel kollox.  U meta jiltaqa’ mill-ġdid mal-paralitiku, jgħidlu: ‘Tidnibx aktar.’

Iż-żewġ kelmiet kristjani: ‘trid tfiq?’ u ‘tidnibx aktar’.  Imma l-ewwel ifejqu.  L-ewwel fejqu u wara qallu, ‘Tidnibx aktar.’  Kliem li jingħad bit-tenerezza, bl-imħabba.  Din hi t-triq nisranija, it-triq taż-żelu appostoliku: li nersqu lejn ħafna bnedmin feruti f’dan l-isptar tal-kamp tal-battalja u tant drabi bnedmin imweġġgħin minn irġiel u nisa tal-Knisja!

Hija kelma tal-aħwa: ‘Trid tfiq?’  U meta dak li jkun ikun fieq: ‘Tidnibx aktar għax ma jagħmillekx tajjeb!’  Dan hu ferm aħjar: iż-żewġ kelmiet ta’ Ġesù huma isbaħ mill-atteġġjament tal-għażż jew l-atteġġjament tal-ipokrisija, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading