Il-Papa f’Santa Marta: Kristjaneżmu mingħajr Salib ma jezistix


It-Tlieta, 8 ta’ April 2014: Kristjaneżmu mingħajr Salib ma jeżistix.  Hekk afferma l-Papa Franġisku fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Qdusija Tiegħu fakkar li mhux possibbli li noħorġu mid-dnub tagħna waħedna u tenna li s-Salib mhux dekorazzjoni biex titqiegħed fuq l-altar, imma l-misteru tal-imħabba t’Alla.Fil-mixja tiegħu fid-deżert, il-poplu kien jilmenta kontra Alla u kontra Mosè. Imma meta l-Mulej bagħat is-sriep, il-poplu ammetta d-dnub tiegħu u talab sinjal ta’ salvezza.  Il-Papa Franġisku ħa spunt mill-ewwel qari tal-liturġija tallum meħud mill-ktieb tan-Numri biex jirrifletti fuq il-mewt li jġib id-dnub.  Franġisku qal li fl-Evanġelju tallum Ġesù jwissi lill-fariżej u jgħidilhom: ‘Intom se tmutu fid-dnub tagħkom.’

Mhux possibbli li noħorġu mid-dnub tagħna waħedna.   Mhux possibbli. Dawn id-dutturi tal-liġi, dawn in-nies li kienu jgħallmu l-liġi, ma kellhomx moħħ ċar dwar dan.  Kienu jemmnu, iva, fil-maħfra ta’ Alla, imma kienu jħossu ruħhom qawwijin, suffiċjenti, kienu jafu kollox!  Fl-aħħar ir-reliġjon u l-qima lejn il-Mulej irrendewhom kultura bil-valuri, riflessjonijiet u ċerti kmandamenti u mġibiet biex ikunu edukati, u kienu jaħsbu, veru, li l-Mulej jaħfer, kienu jafuh dan, imma kienu bogħod wisq minn dan kollu.

Fid-deżert il-Mulej – fakkar Franġisku – jikkmanda lil Mosè biex jagħmel serp tal-bronż u jqiegħdu fuq arblu u kull min kien jingidem mis-sriep kien iħares lejh u jibqa’ ħaj.  Imma x’inhu s-serpent?, staqsa l-Papa.  Is-serp hu s-sinjal tad-dnub, kif naraw diġà fil-ktieb tal-Ġenesi meta s-serp ittanta lil Eva u ssuġġerielha d-dnub.

U Alla, żied jgħid il-Papa, jibgħat lil xi ħadd biex id-dnub idawru fi standard ta’ rebħa.  Dan, kompla Franġisku, ma nistgħux nifhmuh tajjeb jekk ma nifhmux dak li qal Ġesù fl-Evanġelju: ‘Meta Bin il-Bniedem jintrefa’ ‘l fuq, tkunu tafu min jien.’  Għalhekk fid-deżert gie mgħolli ‘l fuq id-dnub, imma hu dnub li jfittex is-salvazzjoni għax ifejjaq dak il-ħin.  Ġie mgħolli ‘l fuq, enfasizza l-Papa, Bin il-Bniedem, is-Salvatur veru, Ġesù Kristu.

Il-kristjaneżmu mhux duttrina filosofika, mhux programm ta’ ħajja biex iżommna għaddejjin, biex inkunu edukati, biex nagħmlu l-paċi.  Dawn huma kollha konsegwenzi.  Il-kristjaneżmu huwa persuna, persuna merfugħa fuq Salib, persuna li xxejnet biex issalva lilna.

Hekk kif fid-deżert kien merfugħ id-dnub, hawn kien merfugħ Alla magħmul bniedem u dnub għalina.  U d-dnubiet tagħna kienu kollha hemm.  Il-kristjaneżmu ma jistax jinftiehem mingħajr din l-umiljazzjoni profonda ta’ Iben Alla, li umilja lilu nnifsu u sar ubbidjenti sal-mewt, sal-mewt fuq Salib, biex ikun qaddej.

Għalhekk, l-Appostlu Pawlu, meta tkellem dwar dak li hu jiftaħar bih – anke aħna nistgħu ngħidu biex għandna niftaħru – jgħid: ‘Bi dnubieti.’  Aħna, osserva l-Papa, m’għandna xejn aktar biex niftaħru bih, din hi l-miżerja tagħna.  Imma, min-naħa tal-ħniena t’Alla, aħna niftaħru b’Ġesù Kurċifiss.

Għal din ir-raġuni, irrimarka Franġisku, ma jeżistix kristjaneżmu mingħajr Salib, u ma jeżistix Salib mingħajr Ġesù Kristu.  Il-qofol tas-salvazzjoni t’Alla huwa Ibnu, li tgħabba bid-dnubiet tagħna lkoll, bis-suppervja tagħna, biċ-ċertezzi tagħna, bil-vanità tagħna, bil-prużunzjoni tagħna li rridu nkunu bħal Alla.

B’hekk, wissa l-Papa, in-Nisrani li ma jafx jiftaħar fi Kristu msallab, għadu ma fehemx xi jfisser li tkun Nisrani.  Il-feriti tagħna, żied jgħid, dawk li jħalli fina d-dnub, jitfejqu bil-pjagi tal-Mulej, bil-pjagi ta’ Alla magħmul bniedem, umiljat, imxejjen.  Dan, afferma l-Papa, hu l-misteru tas-Salib.

Is-Salib mhux dekorazzjoni li rridu dejjem inqiegħdu fil-knejjes, fuq l-altari tagħna; mhux simbolu li jiddistingwina mill-oħrajn.  Is-Salib huwa l-misteru tal-imħabba t’Alla li jumilja ruħu u jsir ‘xejn’, isir dnub.

Fejn hu dnubek?  ‘Ma nafx, għandi tant hawn…’  Le, id-dnub tiegħek jinsab fuq is-Salib.  Mur fittxu hemm, fil-pjagi tal-Mulej, u dnubek jitfejjaqlek, il-feriti tiegħek jitfejqu, dnubek jinħafirlek.  Il-maħfra li jtina Alla mhix li jħassar kont li għandna miegħu: il-maħfra li jtina Alla huma l-pjagi ta’ Ibnu fuq is-Salib, merfugħ fuq is-Salib.  Jalla Hu jiġbidna lejh u jalla aħna nħalluh ifejjaqna, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta