Il-Ħamis, 26 ta’ Ġunju 2014: Għaliex in-nies jimxu wara Ġesù? Għax jagħrfu li hu r-Ragħaj it-Tajjeb u kienu jistagħġbu bit-tagħlim tiegħu. Dan kien il-messaġġ tal-Papa Franġisku waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Hu widdeb lil min il-fidi jirriduċiha f’moraliżmu, lil min jipprova jikseb il-libertà politikament jew ifittex li jinnegozja mal-poter.
Il-folol kienu jmorru wara Ġesù għax kliemu kien jgħaġġeb lil qlubhom. Kienu jistagħġbu għax fi kliemu kienu jsibu xi ħaġa tajba, kbira. L-oħrajn kienu jlabalbu imma ma kinux jaslu għand il-poplu.
Il-Papa elenka l-erba’ gruppi li kienu jintilfu fil-kliem fi żmien Ġesù: l-ewwel il-fariżej. Dawn, qal il-Papa, kienu jagħmlu l-kult ta’ Alla, ir-reliġjon, sensiela ta’ kmandamenti… U mill-għaxra li huma, għamlu minnhom aktar minn tliet mija… U għabbew dan il-piż fuq spallejn il-poplu. Din kienet riduzzjoni tal-fidi f’Alla l-ħaj, qal il-Papa, saret serje ta’ regoli skont il-każ.
Per eżempju: int għandek tosserva r-raba’ kmandament. Iva, iva! Trid titma’ lil missierek anzjan, lil ommok anzjana. Iva, iva! Imma tafx… ma nistax… għax flusi tajthom kollha lit-tempju! U l-ġenituri jmutu bil-ġuħ! Dawn il-kontradizzjonijiet irriduċew il-kmandamenti f’każistika krudili. Il-poplu kien iħarishom għax il-poplu kien jaf jirrispetta. Kien iħares ir-regoli imma ma kienx jibqa’ jisma’ kliem il-fariżej… kien jitlaq lil hemm.
Grupp ieħor ta’ lablaba kienu s-saduċej. Dawn, osserva Franġisku, ma kellhomx fidi, kienu tilfuha! Il-mestjier reliġjuż tagħhom kienu jagħmluh fit-triq bil-kompromessi u l-ftehim mal-poter: il-poter politiku, il-poter ekonomiku. Kienu nies ta’ poter.
It-tielet grupp kienu r-rivoluzzjonarji, jew aħjar iż-żeloti li riedu jagħmlu rivoluzzjoni biex jeħilsu lill-poplu ta’ Iżrael mill-ħakma ta’ Ruma. Imma l-poplu, innota l-Papa, għandu moħħ u jaf jagħraf meta l-frotta tkun misjura u meta mhix hemm! U ma kienx imur magħhom!
Ir-raba’ grupp kienu nies twajba, l-Esseni. Kienu monaċi li kienu jikkonsagraw ħajjithom lil Alla. Madankollu, wissa l-Papa, huma kienu bogħod mill-poplu u għalhekk il-poplu ma setax isegwihom.
Dawn kienu l-ilħna li kienu jaslu għand il-poplu, qal il-Qdusija Tiegħu Franġisku, imma ebda wieħed minnhom ma kellu l-qawwa li jkebbes il-qalb tal-poplu. Ġesù, iva! Il-folol, spjega l-Papa, kienu jibqgħu mistagħġbin: kienu jisimgħu lil Ġesù u qalbhom kienet titħeġġeġ; il-messaġġ ta’ Ġesù kien jasal fi qlubhom.
Ġesù kien jersaq qrib il-poplu, kien iffejjaqlu qalbu, kien jifhem id-diffikultajiet tiegħu. Ġesù ma kienx jistħi jitkellem mal-midinbin, anzi kien imur ifittixhom. Ġesù kien iħoss il-ferħ u kien iħobb imur għand il-poplu tiegħu. Dan għaliex Ġesù huwa r-Ragħaj it-Tajjeb: in-nagħaġ kienu jisimgħu leħnu u jmorru warajH.
Kien għalhekk li l-poplu kien imur wara Ġesù; għax Hu r-Ragħaj it-Tajjeb. Ma kienx fariżew li jippontifika l-każistika morali, ma kienx saduċew li kien jindiehes mal-politiċi u man-nies tas-setgħa, ma kienx gwerrier li kien qed ifittex il-ħelsien politiku tal-poplu tiegħu, u lanqas kien kontemplattiv magħluq ġo monasteru.
Kien Ragħaj, ragħaj li jitkellem il-lingwa tal-poplu tiegħu, jinftiehem, jgħid il-verità, l-affarijiet ta’ Alla. Qatt ma kien jinnegozja l-affarijiet ta’ Alla! Imma kien jgħidhom b’tali mod li l-poplu kien iħobb l-affarijiet ta’ Alla. Għalhekk kien imur warajH.
Ġesù, żied il-Papa, qatt ma tbiegħed mill-poplu u qatt ma tbiegħed minn Missieru. Ġesù, afferma mill-ġdid il-Papa, kien magħqud ħaġa waħda mal-Missier u għalhekk kien tant qrib tal-poplu tiegħu. Hu kellu din l-awtorità u għal din ir-raġuni l-poplu kien jimxi warajH. Il-Papa stieden lill-fidili biex jikkontemplaw lil Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb. Jagħmlilna tajjeb naħsbu f’dan biex inħossu l-ferħ li nimxu warajH, qal il-Papa.
U kompla jistaqsi: Jien inħobb nimxi wara xi ħadd: wara dawk li jkellmuni dwar ħwejjeġ astratti jew dwar każistika morali; dawk li jgħidu li huma l-poplu t’Alla imma neqsin mill-fidi u jinnegozjaw mal-poter politiku u ekonomiku; dawk li dejjem iridu jagħmlu affarijiet strambi, distruttivi u jagħmlu gwerer biex mingħalihom inisslu l-ħelsien imma li fl-aħħar mill-aħħar mhumiex it-toroq tal-Mulej; jew inkella wara l-kontemplattivi mbegħdin? Lil min inħobb insegwi?
Jalla din il-mistoqsija, temm il-Papa Franġisku, twassalna biex nitolbu lil Alla l-Missier iressaqna qrib Ġesù, biex nimxu wara Ġesù, biex nistagħġbu b’dak li jgħidilna Ġesù.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta