Il-Ġimgħa, 27 ta’ Ġunju 2014: Biex juri l-imħabba tenera ta’ Missier lejn il-bniedem, Alla għandu bżonn li l-bniedem jiċċekken. Dan il-ħsieb żviluppah il-Papa Franġisku fl-omelija li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta. Illum il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.
Ma jistenniex, imma jagħti; ma jitkellimx, imma jaġixxi. M’hemmx ħjiel ta’ passività fil-mod kif il-Ħallieq iħobb lill-kreaturi tiegħu. Fl-omelija l-Papa Franġisku tkellem dwar il-Qalb ta’ Ġesù li niċċelebraw fil-liturġija tallum u afferma li Alla jagħtina l-grazzja u l-ferħ li fil-qalb ta’ Ibnu aħna niċċelebraw l-opri l-kbar tal-imħabba tiegħU. Nistgħu ngħidu li llum hija l-festa tal-imħabba t’Alla fi Kristu Ġesù, tal-imħabba t’Alla għalina u fina.
Hemm żewġ aspetti tal-imħabba, qal il-Papa. L-ewwel hu li l-imħabba hija aktar f’illi tagħti milli f’li tirċievi. It-tieni hu li l-imħabba tinsab fl-azzjoni aktar milli fil-kliem. Meta ngħidu li hu aktar importanti li tagħti milli li tirċievi jfisser li l-imħabba hija komunikazzjoni: tikkomunika dejjem. U din tintlaqa’ f’min ikun maħbub. Meta ngħidu li hija aktar fl-azzjoni milli fil-kliem ifisser li l-imħabba dejjem tagħti l-ħajja, tkabbar.
Imma biex jifhem l-imħabba t’Alla, il-bniedem għandu bżonn ifittex dimensjoni li tkun proporzjonalment bil-maqlub tal-immensità, jiġifieri ċ-ċokon, qal il-Papa: iċ-ċokon tal-qalb. Franġisku fakkar li Mosè spjega lill-poplu Lhudi li dan kien magħżul minn Alla għax kien l-iżgħar fost il-popli. Filwaqt li fl-Evanġelju, Ġesù jfaħħar lill-Missier għax dawn il-ħwejjeġ ħbiehom lil min hu għaref u uriehom liċ-ċkejknin. Għalhekk, spjega l-Qdusija Tiegħu, fir-relazzjoni tiegħu mal-bniedem, Alla jfittex relazzjoni bejn missier u ibnu ċkejken, imellsu u jgħidlu: ‘Jien qiegħed miegħek.’
Din hi t-tenerezza tal-Mulej fi mħabbtu. Dan hu dak li Hu jgħidilna u li jagħti l-qawwa lit-tenerezza tagħna. Imma jekk aħna nħossuna qawwijin qatt mhu se jkollna l-esperjenza tat-tmellisa tal-Mulej, tat-tmellis tal-Mulej li hu tant sabiħ… tant sabiħ.
‘Tibżax, jien miegħek, jien immexxik minn idek.’ Dan hu kollu kliem tal-Mulej li jgħinna nifhmu l-misteru tal-imħabba li Hu għandu għalina. U meta Ġesù jitkellem dwaru nnifsu, jgħid: ‘Jien ta’ qalb ħelwa u umli.’ Anke Hu, li hu Iben Alla, jiċċekken biex jirċievi l-imħabba tal-Missier.
Sinjal partikolari ieħor tal-imħabba t’Alla hu li Hu ħabbna qabel ħabbejnieh aħna. Hu dejjem qabilna, jistenniena, afferma l-Papa Franġisku, li temm l-omelija billi talab lil Alla l-grazzja li aħna nidħlu f’din id-dinja tant misterjuża, li nistagħġbu u li nkunu paċi ma’ din l-imħabba li tikkomunika ruħha lilna, li ttina l-ferħ u tmexxina fit-triq tal-ħajja billi tmexxina minn idejna bħalma aħna mmexxu t-tfal.
Meta naslu, Hu jkun hemm jistenniena. Meta nfittxuH Hu jkun fittixna qabel. Hu dejjem qabilna, jistenniena biex jilqagħna f’qalbu, fi mħabbtu. Dawn iż-żewġ affarijiet jistgħu jgħinuna biex nifhmu dan il-misteru tal-imħabba t’Alla għalina. U biex din l-imħabba tesprimi ruħha hemm bżonn li aħna niċċekknu u hemm bżonn li nistagħġbu meta aħna nfittxuH u nsibuH hemm, jistenniena.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta