Il-Papa f’Santa Marta: Għandna ninfetħu għas-sorpriżi ta’ Alla


It-Tnejn, 13 ta’ Ottubru 2014: Ninfetħu għas-sorpriżi ta’ Alla u ma ningħalqux għas-sinjali taż-żmien, qal il-Papa Franġisku fil-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta.  Il-Qdusija Tiegħu kien qed jikkummenta dak li qal Ġesù lill-imgħallmin tal-liġi u ħeġġeġ lill-fidili biex ma jibqgħux marbutin mal-ideat personali imma jimxu mal-Mulej biex isibu dejjem il-ġdid.

Ġesù jkellem lid-dutturi tal-liġi li talbuh sinjal u Hu jgħidilhom li huma nisel ħażin.  Il-Papa Franġisku beda minn dal-pass biex jirrifletti dwar it-tema tas-sorpriżi ta’ Alla.

Tant drabi, osserva, dawn l-imgħallmin talbu s-sinjali mingħand Ġesù u Hu jweġibhom li ma kellhomx ħila jaqraw is-sinjali taż-żmien.  Dawn ma kinux jifhmu s-sinjali taż-żmien u riedu sinjal straordinarju li Ġesù tahom aktar tard.

Għaliex ma kinux jifhmu?  Għax kienu magħluqin fis-sistemi tagħhom:  kienu stabbilew il-liġi tajjeb ħafna, kapulavur.  Il-Lhud kollha kienu jafu x’għandhom jagħmlu u x’ma kellhomx jagħmlu, sa fejn setgħu jaslu.  Kollox kien f’postu u huma kienu jħossuhom komdi hekk.

Għalihom, dak li kien jagħmel Ġesù kienu affarijiet strambi: imur mal-midinbin, jiekol mal-pubblikani.  Lilhom dawn l-atteġġjamenti ma kinux jogħġbuhom, kienu perikolużi għax kienu jqiegħdu d-duttrina tagħhom fil-periklu, id-duttrina tal-liġi li huma, it-teoloġi, kienu ilhom jibnu sekli sħaħ.

Il-Papa qal li huma kienu għamlu l-liġi b’intenzjoni tajba, għall-imħabba u biex ikunu fidili lejn Alla.  Imma kienu magħluqin hemm u kienu sempliċiment insew l-istorja.  Kienu nsew li Alla mhux Alla tal-liġi imma Alla tas-sorpriżi.  Min-naħa l-oħra, kompla l-Papa, anke lill-poplu tiegħu Alla ssorprendieh kemm-il darba bħal meta ħelsu mill-iskjavitù tal-Eġittu.

Huma ma kinux jifhmu li Alla hu Alla tas-sorpriżi, li Alla hu dejjem ġdid, qatt ma jiċħad lilu nnifsu, qatt, imma jissorprendina dejjem.  U huma ma kinux jifhmu u kienu jingħalqu f’dik is-sistema magħmula b’tant rieda tajba u kienu jitolbu lil Ġesù biex jagħtihom sinjal mingħajr ma kienu jifhmu s-sinjali li kien jagħmel Ġesù li kienu juru li l-milja taż-żmien waslet.

It-tieni, huma nsew li kienu poplu f’mixja u meta aħna nkunu mexjin dejjem insibu affarijiet ġodda, affarijiet li ma konniex nafu.  Il-mixja, kompla jgħid Franġisku, mhix xi ħaġa assoluta fiha nnifisha, imma hija mixja lejn il-manifestazzjoni definittiva tal-Mulej.  Il-ħajja hija mixja lejn il-milja ta’ Ġesù Kristu, meta jerġa’ jiġi t-tieni darba.

Din il-ġenerazzjoni qed tfittex sinjal imma l-Mulej jgħid li ma hu se jingħatalhom ebda sinjal ħlief dak ta’ Ġona, jiġifieri sinjal tal-qawmien, tal-glorja, ta’ dik l-eskatoloġija li aħna mexjin lejha.

U dawn id-dutturi tal-liġi, tenna l-Papa, kienu magħluqin fihom infushom, ma kinux miftuħin għal Alla tas-sorpriżi, lanqas kienu jafu l-mixja u lejn fejn twassal.  B’hekk, meta quddiem is-Sinedriju Ġesù jafferma li Hu l-Iben t’Alla, iċarrtu ħwejjiġhom, jiskandalizzaw ruħhom u jgħidu li kien qed jidgħi.  Is-sinjal li tahom Ġesù, afferma Franġisku, kien dagħwa għalihom.  U kien għal din ir-raġuni li Ġesù jsejħilhom nisel ħażin.

Dawn, osserva l-Papa, ma kinux fehmu li l-liġi li kienu jħaddnu u jħobbu kienet xi ħaġa li trid twassal għand Ġesù Kristu.  Jekk il-liġi ma twassalx għand Ġesù Kristu, hija liġi mejta.  Għalhekk Ġesù jċanfarhom u jgħidilhom li huma magħluqin u mingħajr ħila li jaqraw is-sinjali taż-żmien, li mhumiex miftuħin għal Alla tas-sorpriżi.

Dan għandu jġegħilna nirriflettu: jien marbut mal-affarijiet tiegħi, mal-ideat tiegħi?  Jien magħluq jew jien miftuħ għal Alla tas-sorpriżi?  Jien bniedem wieqaf jew bniedem li qiegħed f’mixja?  Jiena nemmen f’Ġesù Kristu u f’dak li għamel?  Jiena nemmen li miet u rxoxta u b’hekk intemmet l-istorja, jew nemmen li l-mixja tibqa’ sejra lejn il-maturità, lejn il-manifestazzjoni tal-glorja tal-Mulej?  Jien għandi ħila naqra s-sinjali taż-żmien u nkun fidil lejn leħen il-Mulej li jimmanifesta ruħu fihom?

Nistgħu nagħmlu dawn il-mistoqsijiet lilna nfusna llum u nitolbu lill-Mulej li jtina qalb li tħobb il-liġi, għax il-liġi hija Alla, qalb li tħobb ukoll is-sorpriżi ta’ Alla u li tagħraf li din il-liġi qaddisa mhix xi ħaġa magħluqa fiha nfisha.  Hija liġi li timxi, li twassal għand Ġesù, għal-laqgħa definittiva fejn se jkun hemm dan is-sinjal kbir ta’ Bin il-Bniedem, temm jgħid il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta