Katekeżi Knisja, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

Il-Knisja – Insara mhux Kattoliċi


9. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 8 t’Ottubru 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fl-aħħar katekeżi fittixna li nixħtu dawl fuq in-natura u l-ġmiel tal-Knisja, u staqsejna xi jfisser għal kull wieħed u waħda minna li nagħmlu parti minn dan il-poplu, il-poplu ta’ Alla li hu l-Knisja. Imma ma rridux ninsew li hemm tant aħwa li magħna jaqsmu l-fidi fi Kristu, imma li jagħmlu parti minn konfessjonijiet oħra jew minn tradizzjonijiet differenti minn tagħna. Ħafna rrassenjaw ruħhom għal din il-firda – anki fil-Knisja Kattolika tagħna hemm min irrassenja ruħu – li matul il-medda ta’ l-istorja spiss kienet kawża ta’ kunflitti u ta’ tbatijiet, anki ta’ gwerer, u din hi ħaġa tal-mistħija! Anki l-lum ir-relazzjonijiet m’humiex dejjem immarkati mir-rispett u l-ħlewwa… Imma nistaqsi: Aħna x’qegħdin nagħmlu quddiem dan kollu? Anki aħna rrassenjati, jekk mhux ukoll indifferenti quddiem din il-firda? Jew nemmnu bil-qawwa li nistgħu u għandna nimxu fid-direzzjoni tar-rikonċiljazzjoni u tal-komunjoni sħiħa? Il-komunjoni sħiħa, jiġifieri li nkunu nistgħu nieħdu sehem ilkoll flimkien mill-ġisem u d-demm ta’ Kristu.

Il-qasmiet bejn l-Insara, waqt li jiftħu ġerħa fil-ġisem tal-Knisja, ifieru wkoll lil Kristu, u kif aħna mifrudin bejnietna qed niftħu ġerħa fil-ġisem ta’ Kristu: fil-fatt il-Knisja hi l-ġisem li għandu lil Kristu ras tiegħu. Nafu tajjeb kemm kien għal qalb Ġesù li d-dixxipli tiegħu jibqgħu magħqudin fi mħabbtu. Biżżejjed naħsbu fi kliemu fis-sbatax-il kapitlu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni, it-talba li għamel lill-Missier ftit qabel il-Passjoni tiegħu: “Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna” (Ġw 17:11). Din l-għaqda diġà kienet mhedda meta Ġesù kien għadu mad-dixxipli tiegħu: fil-fatt, fil-Vanġelu naqraw kif l-Appostli kienu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar fosthom, l-iktar importanti (ara Lq 9:46). Imma l-Mulej insista ħafna fuq l-għaqda f’isem il-Missier, u wriena li t-tħabbira u x-xhieda tagħna jistgħu jkunu wisq iżjed kredibbli jekk aħna l-ewwel nett inkunu kapaċi ngħixu f’komunjoni u ninħabba bejnietna. Dan hu li l-Appostli tiegħu, bil-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu, imbagħad fehmu b’mod qawwi u għamluh tagħhom, hekk li San Pawl wasal biex talab lill-komunità ta’ Korintu b’dawn il-kelmiet: “Nitlobkom, ħuti, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda” (1 Kor 1:10).

Matul il-mixja tagħha fl-istorja, il-Knisja hi mġarrba mill-ħażin, li jipprova jaqsamha, u b’xorti ħażina ġiet immarkata minn firdiet gravi u ta’ wġigħ il-qalb. Huma firdiet li kultant twalu ħafna, sal-lum, fejn għalhekk issa donnu diffiċli nagħrfu x’kienu l-motivazzjonijiet kollha warajhom u fuq kollox li nsibu soluzzjonijiet possibbli. Ir-raġunijiet li wasslu għal dawn il-qasmiet u għall-firdiet jistgħu jkunu differenti ħafna minn xulxin: min-nuqqas ta’ qbil fuq prinċipji dommatiċi u morali u fuq kunċetti teoloġiċi u pastorali differenti, għal motivi politiċi u ta’ konvenjenza, sa tilwim minħabba antipatiji u ambizzjonijiet personali… Jekk hemm ħaġa ċerta, din hi li, b’xi mod jew ieħor, wara dawn il-qasmiet dejjem hemm is-suppervja u l-egoiżmu, li huma l-kawża ta’ kull ġlied u li jġibuna intolleranti, m’aħniex kapaċi nisimgħu u naċċettaw lil min għandu viżjoni jew pożizzjoni differenti minn tagħna.

Issa, quddiem dan kollu, hemm xi ħaġa li kull wieħed u waħda minna, bħala membri ta’ ommna l-Knisja mqaddsa, nistgħu u għandna nagħmlu? Bla dubju, m’għandux jonqos it-talb, kontinwament u f’komunjoni ma’ dik ta’ Ġesù, it-talba għall-għaqda ta’ l-Insara. U flimkien mat-talb, il-Mulej jitlobna li niftħu qalbna mill-ġdid: jitlob minna li ma nagħlqux qalbna għad-djalogu u għal-laqgħa, imma li nilqgħu dak kollu li hu validu u pożittiv f’dak li joffrilna anki min jaħsibha differenti minna jew jieħu pożizzjonijiet differenti minn tagħna. Jitlobna biex ma niffissawx ħarsitna fuq dak li jifridna, imma pjuttost fuq dak li jgħaqqadna, u nfittxu li nsiru nafu aħjar lil Ġesù u nħobbuh iżjed, u naqsmu ma’ l-oħrajn l-għana ta’ mħabbtu. U dan jitlob konkretament li nilqgħu l-verità f’ħajjitna, u niksbu l-ħila li naħfru, li nħossuna parti mill-istess familja Nisranija, li nqisu ruħna don għal xulxin u flimkien nagħmlu tant ħwejjeġ tajbin, u opri ta’ karità.

Hu ta’ qsim il-qalb, imma l-firdiet jeżistu, għandna Nsara mifruda, inqsamna bejnietna. Imma kollha għandna xi ħaġa komuni: ilkoll nemmnu f’Ġesù Kristu, il-Mulej. Ilkoll nemmnu fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu, u lkoll nimxu flimkien, ilkoll qegħdin f’mixja. Ejjew ngħinu wieħed lill-ieħor! Int taħsibha hekk, u int taħsibha hekk… Fil-komunitajiet kollha hemm teologi għorrief: ħa jiddiskutu bejniethom, ħa jfittxu l-verità teoloġika għax dan hu dmirhom; imma sadattant aħna nimxu flimkien, nitolbu għal xulxin u nagħmlu opri ta’ karità. U hekk, aħna u mexjin, noħolqu l-komunjoni. Dan jissejjaħ ekumeniżmu spiritwali: nimxu l-mixja ta’ ħajjitna lkoll flimkien fil-fidi tagħna, f’Ġesù Kristu l-Mulej. Jgħidu li m’għandekx titkellem fuq affarijiet personali, imma ma nistax nirreżisti t-tentazzjoni. Qed nitkellmu fuq il-komunjoni… komunjoni bejnietna. U l-lum jiena wisq grat lejn il-Mulej, għax il-lum nagħlaq sebgħin sena minn meta għamilt l-Ewwel Tqarbina. Imma tajjeb li nkunu nafu kollha kemm aħna li l-Ewwel Tqarbina tfisser li dħalna f’komunjoni ma’ l-oħrajn, f’komunjoni ma’ ħutna tal-Knisja tagħna, imma anki f’komunjoni ma’ dawk kollha li jagħmlu parti minn komunitajiet differenti imma jemmnu f’Ġesù. Nirringrazzjaw lill-Mulej tal-Magħmudija tagħna, nirringrazzjaw lill-Mulej tat-tqarbina tagħna, u nitolbu biex din it-tqarbina sa fl-aħħar issir ta’ kulħadd, flimkien.

Għeżież ħbieb tiegħi, mela ejjew nimxu lejn l-għaqda sħiħa bejnietna! L-istorja firditna, imma issa mexjin flimkien lejn ir-rikonċiljazzjoni u l-komunjoni! U dan hu minnu! U dan irridu nħarsuh! Ilkoll mexjin lejn il-komunjoni. U meta d-destinazzjoni tista’ tidhrilna wisq imbiegħda, kważi ma tistax tintlaħaq, u ninħakmu mill-qtigħ il-qalb, ħa terġa’ tagħmlilna l-qalb l-idea li Alla ma jistax isodd widnejh għal-leħen ta’ l-istess Ibnu Ġesù u ma jaqlax it-talba tiegħu u tagħna, sakemm l-Insara kollha jkunu tabilħaqq ħaġa waħda.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s