It-Tlieta, 14 ta’ Ottubru 2014: Ħajjitna hi ħajja kristjana kożmetika, li tidher, jew hi ħajja kristjana ta’ fidi mehdija fil-karità? Il-Papa Franġisku staqsa din id-domanda fi tmiem l-omelija li għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Il-fidi, afferma l-Papa, mhix biss li tgħid il-Kredu imma titlob minna li nitbiegħdu mix-xeħħa u r-regħba biex nagħrfu nagħtu lill-oħrajn, speċjalment jekk huma fqar.
Il-fidi m’għandhiex bżonn apparenza imma konkretezza. M’għandhiex bżonn li tkun imlibbsa bil-kortesija, speċjalment il-kortesija ipokrita, daqskemm bil-ħila li tħobb b’mod ġenwin.
Il-Papa Franġisku ħa l-ispunt mill-Evanġelju tal-ġurnata – dak tal-Fariżew li jiskanta li Ġesù m’għamilx ir-riti tal-ħasil ta’ qabel l-ikel – biex itenni li Ġesù jikkundanna dik it-tip ta’ sikurezza mibnija fuq il-ħarsien eżatt tal-liġi.
Ġesù jikkundanna din l-ispiritwalità kożmetika, li wieħed jidher tajjeb, sabiħ, imma l-verità ta’ ġo fih hi xi ħaġa differenti għal kollox. Dawn in-nies kienu jħobbu jippassiġġaw fil-pjazez, jidhru li qed jitolbu, jilagħbuha tad-dgħajfa meta jkunu sajmin – kellhom fidi ta’ dak li jidher. Għaliex il-Mulej hu hekk? Hawnhekk insibu żewġ aġġettivi li jiddeskrivu l-attitudni: regħba u kattiverja. Oqbra mbajda, jgħidilhom Ġesù fl-istess pass kif irrakkuntat minn San Mattew; ċerti atteġġjamenti li Hu b’mod aħrax isejħilhom ‘korrotti’. ‘Agħtu l-karità minn dak li għandkom ġewwa,’ hija l-kontroproposta ta’ Ġesù.
Il-karità, fakkar il-Papa, hija parti mit-tradizzjoni tal-Bibbja kemm fit-Testment l-Antik u wkoll fil-Ġdid, il-paragun tal-ġustizzja. Pawlu wkoll, fil-qari tal-lum jiddiskuti l-istess punt mal-Galatin, ir-rabta tagħhom mal-liġi. U r-riżultat huwa l-istess għax il-liġi waħedha ma ssalvax, insista l-Papa Franġisku.
Dak li jgħodd huwa l-fidi. Liema fidi? Dik il-fidi li titħaddem permezz tal-karità. L-istess diskors ta’ Ġesù lill-Fariżew. Fidi li ma tiqafx biss tirreċita l-Kredu: aħna lkoll nemmnu fil-Missier, fl-Iben u fl-Ispirtu s-Santu, fil-ħajja ta’ dejjem… Ilkoll nemmnuh dan!
Imma dik hi fidi statika, li ma titħaddimx. Dak li jgħodd fi Kristu huwa l-ħidma li tiġi mill-fidi jew aħjar il-fidi li titwettaq fil-karità, dik li tagħti l-elemożina, fis-sens l-aktar wiesa’ tal-kelma: li wieħed jinqata’ mid-dittatura tal-flus, mill-idolatrjia tal-flus. Kull tip ta’ regħba tbegħidna minn Ġesù Kristu.
Il-Papa Franġisku fakkar episodju mill-ħajja ta’ Padre Arrupe, il-ġeneral tal-Ġiżwiti mis-snin sittin sas-snin tmenin. Jum wieħed, mara sinjura stednitu jmur xi mkien biex ittih il-flus għall-missjoni fil-Ġappun, ħaġa li Padre Arrupe kien qed jitħabat ħafna għaliha. Il-mara tatu l-flus fil-bieb tad-dar quddiem il-ġurnalisti u l-fotografi. Padre Arrupe stqarr li ħassu umiljat ħafna imma aċċetta l-flus minħabba l-foqra tal-Ġappun. Meta fetaħ l-envelop sab għaxar dollari!
Ejjew nistaqsu lilna nfusna jekk il-ħajja nisranija tagħna hix kożmetika, apparenza, jew hix ħajja ta’ fidi mħaddma fil-karità. Ġesù jtina dal-parir, temm Franġisku: ‘Iddoqqux trombi.’ It-tieni parir hu: ‘Tagħtux dak li jibqgħalkom,’ u jkellimna dwar ix-xwejħa li tat dak kollu li kellha biex tgħix bih. Ġesù jfaħħarha lil dik il-mara li għamlet dak li għamlet bil-moħbi, forsi għax stħat li ma setgħetx tagħti aktar.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta