Il-Papa f’Santa Marta: Meta l-konverżjoni tmiss il-but tkun konverżjoni vera

It-Tlieta, 18 ta’ Novembru 2014: Fl-aħħar ġimgħat tas-sena liturġika l-Knisja tistedinna biex naħsbu bis-serjetà dwar il-ħajja nisranija tagħna. Fl-Iskrittura Ġesù jwissina biex ma nkunux korrotti, Insara komdi, tal-apparenza, u jsejħilna għall-konverżjoni. Il-konverżjoni hija grazzja, hija żjara minn Alla, qal il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu. Il-Papa għamel riflessjonijiet fuq il-qari tal-ġurnata meħudin mill-Ktieb tar-Rivelazzjonijiet u mir-rakkont tal-Evanġelju ta’ San Luqa dwar Żakkew.

Fl-ewwel qari, innota l-Papa, il-Mulej jitlob lin-nies ta’ Laodiċja biex jikkonvertu għax birdu.  Jgħixu spiritwalità komda.  Jirraġunaw: ‘Nagħmel dak li nista’, imma ninsab fil-paċi u ma rridx li affarijiet strambi jħarbtuni.’   Franġisku nnota li min jgħix ħajja bħal din jaħseb li ma jonqsu xejn: ‘Immur il-quddies il-Ħadd, nitlob xi ftit, inħossni tajjeb, ninsab fil-grazzja t’Alla, jien sinjur, u m’għandi bżonn xejn aktar.  Kollox sejjer tajjeb.’  Din il-mentalità, dik li wieħed iħossu komdu spiritwalment,  wissa l-Papa Franġisku, hi stat ta’ dnub.  Il-Mulej għandu kliem iebes ħafna u jgħid:  ‘Għax inti biered, jien nobżqok minn ġo ħalqi.’  Minkejja dan, il-Mulej jagħtihom ftit pariri u jgħidilhom biex ‘jilbsu’ għax l-Insara komdi huma mneżżgħin.

Imbagħad, żied il-Papa, hemm it-tieni sejħa għal dawk li jgħixu biex jidhru: Insara tal-apparenza.  Jidhrilhom li huma ħajjin imma fil-fatt huma mejta.  Il-Mulej jitlobhom jgħassu.  L-apparenzi, ikkummenta l-Papa, huma l-liżar tad-dfin ta’ dawn l-Insara: huma mejta.  U l-Mulej isejħilhom għall-konverżjoni.

Jien wieħed minn dawn l-Insara tad-dehra?  Minn ġewwa jiena ħaj, għandi ħajja spiritwali?  Nisimgħu lill-Ispirtu Qaddis, nagħti kasu, nimxi ’l quddiem jew…?  Imma jekk kollox jidher tajjeb, m’għandix għal xiex inċanfar lili nnifsi: għandi familja tajba, in-nies ma sseksikx fuqi, għandi kull ma neħtieġ, iżżewwiġt bil-Knisja… jien fil-grazzja t’Alla.  Kollox sew għandi.  Apparenzi!  Insara tal-apparenzi… huma mejta.  Iżda aħna għandna nfittxu xi ħaġa ħajja fina nfusna u bil-fakra u l-attenzjoni nġedduha biex inkunu nistgħu nimxu ’l quddiem.  Nikkonvertu mill-apparenza għar-realtà, minn bierda jew kesħin għall-fervur.

It-tielet sejħa għall-konverżjoni hija dik ta’ Żakkew, il-kollettur tat-taxxa, is-sinjur.  Hu korrott, qal il-Papa:  kien qed jaħdem għall-barrani, għar-Rumani, u ttradixxa l-patrija.  In-nies ma riduhx lil Żakkew.  Veru li ma kienx biered.  Ma kienx mejjet.  Kien fi stat ta’ dekompożizzjoni. Kien korrott.  Imma ħass xi ħaġa ġewwa fih: dan il-bniedem li jfejjaq, il-profeta li kulħadd ifaħħru.  Żakkew jgħid: ‘Nixtieq narah għall-kurżità.’

L-Ispirtu s-Santu jilħaqlu, osserva l-Qdusija Tiegħu.  Żera’ ż-żerriegħa tal-kurżità u, biex jarah, dan ir-raġel jidher ukoll xi ftit redikolu.  Naħsbu ftit, mexxej importanti, korrott, mexxej tal-mexxejja – għax kien il-kap – jitla’ ma’ siġra biex jara purċissjoni.  Aħsbu ftit kemm hi ħaġa redikola!

Imma Żakkew ma staħax.  Ried jarah u l-Ispirtu Qaddis kien qed jaħdem fih.  Imbagħad il-Kelma tal-Mulej niżlet f’qalbu u ma’ dik il-Kelma tnissel il-ferħ.

Dawk li huma komdi u dawk tal-apparenza nsew x’inhu l-ferħ imma dan ir-raġel korrott isibu mill-ewwel.  Qalbu tinbidel, jikkonverti.  Għalhekk Żakkew iwiegħed li se jagħti lura dak li seraq għal erba’ darbiet aktar.

Meta l-konverżjoni tmiss il-but, osserva l-Papa, din tkun ċerta.  Kristjani f’qalbna?  Iva, kulħadd hekk hu.  Nisrani mid-demm, ilkoll kemm aħna.  Imma Nsara bil-but mimli ftit jeżistu.  Il-konverżjoni… u hawn waslet mill-ewwel: il-kelma awtentika.  Ikkonverta.  Imma dawk li sabu ruħhom quddiem din il-kelma, li ma ridux konverżjoni, meta raw dan gemgmu: ‘Għand il-midinbin mar jiekol!’  Tħammeġ, tilef il-purezza tiegħu.  Jeħtieġlu jippurifika ruħu għax daħal f’dar ta’ bniedem midneb.

Il-Papa Franġisku qal li dawn huma t-tliet sejħiet għall-konverżjoni li jagħmilhom Ġesù stess lill-berdin, lil min hu komdu, lil min hu Nisrani fid-dieher biss, lil min jaħseb li hu għani imma hu fqir, li m’għandu xejn, li hu mejjet!

Il-Kelma t’Alla għandha l-qawwa li tibdel kollox imma aħna mhux dejjem ikollna l-kuraġġ li nemmnuha, li nirċievu dik il-Kelma li tfejjaqna minn ġewwa.  F’dawn l-aħħar ġimgħat tas-sena liturġika, temm l-omelija l-Papa, il-Knisja tridna naħsbu b’serjetà kbira dwar il-konverżjoni tagħna biex inkunu nistgħu nimxu ’l quddiem fil-mixja tal-ħajja nisranija tagħna.

Tgħidilna biex niftakru l-Kelma t’Alla, tagħmel appell biex inħarsu din il-Kelma fil-memorja, biex ngħassu u anke biex nobdu l-Kelma t’Alla biex, ikkonvertiti, inkunu nistgħu nibdew ħajja ġdida.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta