Il-Papa f’Santa Marta: Il-Knisja mhix grupp ta’ nies magħżula li jinqatgħu għalihom waħedhom

It-Tnejn, 17 ta’ Novembru 2014: Inħarsu lejn Ġesù imma ninsew li rridu narawh fil-fqir li jitlob l-għajnuna u fl-emarġinat li jimbuttana. Din minn dejjem kienet it-tentazzjoni tal-Knisja, li tingħalaq fiha nfisha, minflok tiftaħ il-bibien għal min hu mwarrab mis-soċjetà.

Fl-omelija l-Papa Franġisku tkellem dwar l-epsiodju tal-Evanġelju tal-lum li fih San Luqa jirrakkonta l-istorja tal-agħma ta’ Ġeriko.

Kien bniedem imwarrab imma kellu r-rieda li jsalva, ix-xewqa li jfiq, u għalhekk l-għajjat tiegħu jiżboq l-indifferenza li kien hemm madwaru, sakemm fl-aħħar jirbaħ l-isfida u jirnexxilu jħabbat fuq il-qalb ta’ Ġesù.  Ix-xirka tad-dixxipli ħaduha kontrih, ippretendew li jsikktuh biex ma jagħtix fastidju, afferma l-Papa Franġisku.  B’hekk huma kienu qed ibiegħdu lill-Mulej mill-periferija.  Din il-periferija ma setgħetx tasal għand il-Mulej għax dan iċ-ċirku ta’ nies (b’intenzjoni tajba, niftiehmu) kienu qed jagħlqulu l-bieb.

Spiss dan jiġri anke fostna li nemmnu.   Meta nsibu l-Mulej, mingħajr ma nindunaw, noħolqu dan iċ-ċirku ekkleżjastiku.  Mhux is-saċerdoti biss, jew l-isqfijiet, imma l-fidili wkoll.  U tant inkunu qed inħarsu lejn il-Mulej li ninsew inħarsu lejn il-ħtiġijiet tiegħu: ma nħarsux lejn il-Mulej bil-ġuħ, bil-għatx, fil-ħabs, fl-isptar.  Klima bħal din tagħmel ħafna ħsara.

Minn dan il-kumment ironiku l-Papa għadda biex jiddeskrivi ċ-ċirku ta’ nies li jħossu li huma magħżulin u jgħidu lilhom infushom:  ‘Issa aħna magħżulin, aħna mal-Mulej,’ u allura jkunu moħħhom biss biex jikkonservaw din id-dinja ċkejkna tagħhom u jbiegħdu lil kulħadd biex ma jagħtix fastidju lill-Mulej.  Ibiegħdu saħansitra lit-tfal!

Dawn id-dixxipli nsew, abbandunaw l-ewwel imħabba tagħhom.  Meta l-ministri  tal-Knisja u l-fidili jidħlu f’ċirku bħal dan, tal-privileġġ li huma qrib il-Mulej, ikollhom it-tentazzjoni li jinsew l-ewwel imħabba tagħhom, dik l-imħabba tant sabiħa li lkoll kellna meta sejħilna l-Mulej u qalilna: ‘Inħobbok ħafna.’  Din hija t-tentazzjoni tad-dixxipli: li jinsew l-ewwel imħabba, jiġifieri jinsew il-periferiji, jinsew minn fejn ġew, li forsi hu tal-mistħija.

Hemm ukoll it-tielet grupp: il-poplu sempliċi, dak li jfaħħar lill-Mulej għall-fejqan tal-agħma.  Kemm-il darba, afferma l-Papa Franġisku, naraw nies sempliċi, tant nisa xjuħ, li bil-mixi u anke b’tant sagrifiċċju jmorru jitolbu f’xi santwarju tal-Madonna! Ma jitolbux privileġġi; jitolbu biss xi grazzja.  Dan hu l-poplu fidil li jaf jimxi wara l-Mulej mingħajr ma jitlob xi privileġġ, li għandu ħila ‘jgħaddi ftit ħin mal-Mulej’ u li, fuq kollox, ma jinsiex lill-Knisja emarġinata, lit-tfal, lill-morda, lill-ħabsin.

Nitolbu lill-Mulej il-grazzja, temm l-omelija l-Papa, li lkoll kemm aħna, li għandna l-grazzja tas-sejħa, qatt ma nitbiegħdu minn din il-Knisja, qatt ma nidħlu f’xi wieħed minn dawn iċ-ċirki ta’ dixxipli ‘ekkleżjastiċi’, privileġġjati, li jitbiegħdu mill-Knisja t’Alla li jsofri, li jitlob is-salvazzjoni, li jitlob il-fidi, li jitlob għall-Kelma t’Alla.  Nitolbu l-grazzja li nkunu poplu fidil lejn Alla mingħajr ma nitolbuH ebda privileġġ li jista’ jbegħidna mill-poplu t’Alla.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta