Il-Ħamis, 11 ta’ Diċembru 2014: Alla hu bħal omm, iħobbna gratwitament, imma aħna spiss irridu nikkontrollaw din il-grazzja qisha kienet xi merċa spiritwali, qal il-Papa dalgħodu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
Lill-poplu tiegħu Alla ma jsalvahx mill-bogħod imma jersaq qribu bit-tenerezza. Il-Papa għamel dan il-paragun: tant hu qribna Alla li jippreżenta ruħu qisu omm, qisu omm li tiddjaloga ma’ wliedha; omm li tkanta n-ninna nanna lit-tarbija u timita leħinha, tiċċekken bħalha, u titkellem bit-ton tagħha, sal-punt li tidher redikola kieku aħna ma nifhmux il-kobor ta’ dawn il-ġesti: ‘Tibżax dudu ċkejken ta’ Ġakobb!’ Kemm-il darba omm tuża kliem bħal dan ma’ wliedha, hi u żżiegħel bihom?
Alla jagħmel l-istess. Dik hija t-tenerezza ta’ Alla. Tant hu qrib tagħna li jesprimi ruħu b’din it-tenerezza: it-tenerezza ta’ omm.
Għal din l-imħabba Alla ma jitlob xejn lura mingħandna, afferma l-Papa, kif tagħmel omm ma’ wliedha. U l-iben iħalli lil ommu tħobbu… Din hi l-grazzja t’Alla.
Imma bosta drabi, biex aħna nħossuna komdi, żguri, irridu nikkontrollaw dil-grazzja u kemm fl-istorja kif ukoll f’ħajjitna għandna t-tentazzjoni li l-grazzja nagħmluha oġġett ta’ merċa, nagħmluha xi ħaġa li nistgħu nikkontrollawha, forsi billi ngħidu lilna nfusna: ‘Jien għandi tant grazzji,’ jew: ‘Jien qalbi nadifa, qiegħed fil-grazzja.’
B’hekk din il-qrubija ta’ Alla li tant hi sabiħa tispiċċa fil-kotba tal-kontijiet spiritwali: ‘Jiena se nagħmel dan għax naqla’ 300 mitt jum ta’ grazzji’; ‘Jien se nagħmel dak għax se niggwadanja minnu u b’hekk nakkumula l-grazzji.’
Imma l-grazzja x’inhi, biċċa merċa?, staqsa l-Papa Franġisku. Donnu hekk jidher. Tul l-istorja, din il-qrubija ta’ Alla mal-poplu tiegħu sfat ittraduta minħabba l-atteġġjament egoista, il-kontroll tal-grazzja, il-grazzja meqjusa bħal biċċa merċa.
Il-Papa fakkar min kienu dawk il-gruppi li fi żmien Ġesù riedu jikkontrollaw il-grazzji: il-Fariżej, skjavi ta’ tant liġijiet li kienu jgħabbu fuq spallejn il-poplu; is-Saduċej, bil-kompromessi politiċi tagħhom; l-Esseni, twajbin, twajbin ħafna, imma beżgħanin tant li ma kienu jieħdu ebda riskju u kienu jispiċċaw iżolati fil-monasteri tagħhom; iż-Żeloti, li għalihom il-grazzja t’Alla kienet il-gwerra tal-ħelsien mir-Rumani. Kollha huma modi kif il-grazzja ssir oġġett.
Il-grazzja ta’ Alla hi ħaġ’oħra: hija qrubija, hija tenerezza. Din ir-regola tgħodd dejjem. Jekk fir-relazzjoni tiegħek mal-Mulej ma tħossx li Hu jħobbok bit-tenerezza, jonqsok xi ħaġa, għadek ma fhimtx x’inhi l-grazzja, għadek ma rċevejtx il-grazzja li hi dil-qrubija.
Il-Papa rrakkonta storja dwar mara li marret tqerr għandu snin ilu, mara li kienet mifxula għax daħlet fid-dubju jekk il-quddiesa ta’ tieġ li semgħet is-Sibt, bil-qari differenti minn dak tal-Ħadd, kinitx tgħoddilha għall-preċett. Il-Papa kien qalilha: ‘Imma sinjura, Alla jħobbok tant! Int mort hemm, tqarbint, kont ma’ Ġesù…. Serraħ rasek, il-Mulej mhux kummerċjant, imma jħobbok u hu qribek.’
San Pawl għandu reazzjoni qawwija kontra din l-ispiritwalità tal-liġi: li jien tajjeb jekk nagħmel hekk jew hekk u jekk ma nagħmlux nonqos mill-ġustizzja. Imma int ġust għax Alla hu qribek, għax iżiegħel bik, u jgħidlek tant affarijiet sbieħ bit-tenerezza. Din hi l-ġustizzja tagħna, din il-qrubija ta’ Alla, din it-tenerezza, din l-imħabba. Anke jekk jirriskja li jidher redikolu, Alla xorta huwa twajjeb ħafna.
Kemm ikollna ħelsien spiritwali akbar kieku aħna jkollna l-kuraġġ li niftħu qlubna għal din it-tenerezza ta’ Alla, stqarr Franġisku!
Il-Papa temm l-omelija b’rakkomandazzjoni: Meta tkunu d-dar illum, aqbdu l-Bibbja f’idejkom, sibu l-ktieb tal-Profeta Iżaija, kapitlu 41, vrus minn 13 sa 20, sebgħa b’kollox, u aqrawhom. Din hi t-tenerezza ta’ Alla, dan hu Alla li lil kull wieħed u waħda minna jbenninna bin-ninna nanna bħalma tagħmel l-omm.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta