Il-Ħamis, 15 ta’ Diċembru 2014: Ġesù jagħmilna bnedmin li nħennu għan-nies, imma min għandu qalbu dgħajfa għax mhix imsaħħa bi Kristu, jirriskja li jkun riġidu fid-dixxiplina li tidher, imma ipokrita u opportunist minn ġewwa. Il-qofol tal-omelija li għamel dalgħodu l-Papa Franġisku fil-kappella tad-Dar Santa Marta, kien il-Vanġelu li fih naraw lis-saċerdoti u lill-kapijiet jistaqsu lil Ġesù b’liema awtorità kien iwettaq l-opri tiegħu.
Din mistoqsija li tikxef il-qalb ipokrita ta’ dawn in-nies: lilhom ma kinitx tinteressahom il-verità, kienu jfittxu biss l-interessi tagħhom u jduru mar-riħ, spjega l-Papa: ‘jaqblilna ngħaddu minn hawn, jaqblilna ngħaddu minn hemm.’ Kienu bandli, ilkoll! Mingħajr konsistenza. Qalb mingħajr konsistenza. B’hekk kienu jinnegozjaw kollox: kienu jinnegozjaw il-libertà interjuri, jinnegozjaw il-fidi, jinnegozjaw lill-patrija, kollox, minbarra dak li jidher, l-apparenza. Lilhom kien jimpurtahom biss li joħorġu tajjeb mis-sitwazzjonijiet. Kienu opportunisti: japprofttaw ruħhom mis-sitwazzjoni.
Madankollu, kompla l-Papa, xi ħadd minnkom jista’ jgħidli: ‘Imma, padre, dawn in-nies kienu josservaw il-liġi; fil-jum tas-Sibt ma kinux jimxu aktar minn mitt metru – jew ma nafx kemm kellhom permess jimxu ; qatt u qatt ma kienu jmorru fuq il-mejda mingħajr ma jaħslu jdejhom u jagħmlu r-riti tal-purifikazzjoni l-oħra; kienu nies li josservaw bir-reqqa u ċerti ħafna mit-tradizzjonijiet tagħhom.’
Minnu, kompla jgħid Franġisku, imma fid-dieher biss. Kienu jidhru qawwijin, imma minn barra. Kienu ‘fil-ġibs’. Qalbhom kienet dgħajfa ħafna, ma kinux jafu fiex qed jemmnu. U b’hekk, minn barra, ħajjithom kienet kollha regolata, imma qalbhom kienet sejra band’oħra: qalb dgħajfa u l-ġilda ‘fil-ġibs’, iebsa.
Għall-kuntrarju, Ġesù jgħallimna li n-Nisrani għandu jkollu qalbu robusta, qalb solida, qalb li tikber fuq il-blat, li hu Kristu, u mbagħad, fil-mod kif timxi, timxi bil-prudenza. Mhux timxi skont id-daqqa. Hekk għandha timxi l-qalb. Il-qalb mhix għan-negozju, il-blat mhux għan-negozju. Il-blata hi Kristu, dan ma ninnegozjawhx!
Dan hu d-dramm tal-ipokrisija ta’ dawn in-nies, kompla Franġisku. Ġesù qatt ma nnegozja qalbu, il-qalb ta’ Iben Alla, imma kien miftuħ għan-nies u jfittex kif se jgħinhom.
U aħna ninħbew wara l-iskuża li dik ma tistax tagħmilha: id-dixxiplina tagħna, id-duttrina tagħna tgħidilna li ma nistgħux nagħmluha! Hekk kienu jgħidu huma: ‘Għaliex id-dixxipli tiegħek jieklu l-qamħ tal-kampanja, filwaqt li qed jimxu fil-jum tas-Sibt? Ma jistgħux jagħmluh dan!’ Kienu riġidi fid-dixxiplina tagħhom. Id-dixxiplina ma tistax tintmiss, id-dixxiplina hija sagra.
Il-Papa Franġisku fakkar meta l-Papa Piju XII kien ħelisna mis-sawma tant riġida ta’ qabel it-tqarbin. Forsi xi wħud minnkom jiftakruha, qal il-Papa. Lanqas kont tista’ tieħu qatra ilma, u jekk taħsel snienek trid toqgħod attent li ma tiblax l-ilma!
Bħala tifel, żied jgħid il-Papa, niftakarni mmur inqerr għax tqarbint meta kelli d-dubju li blajt qatra ilma! Meta Piju XII bidel id-dixxiplina kien hemm min akkużah b’ereżija! Le! Bidel id-dixxiplina tal-Knisja! Kien hemm tant Fariżej li skandalizzaw ruħhom għax Ġesù ra l-ewwel x’jeħtieġu n-nies. Povri nies, speċjalment fis-sħana! Dawk il-povri saċerdoti li kienu jqaddsu tliet quddisiet, l-aħħar waħda fis-siegħa ta’ wara nofs inhar, sajmin! Id-dixxiplina tal-Knisja! U dawn il-Fariżej hekk kienu, bid-dixxiplina, bil-ġilda riġida, imma Ġesù jgħidilhom: ‘Għandkom qalbkom tinten. Intom debboli, debboli sa tintnu. Qalbkom tinsab fid-dlam.’
Dan hu d-dramm ta’ dawn in-nies, u Ġesù jikkundanna din l-ipokrisija u dan l-opportuniżmu.
Ħajjitna wkoll tista’ ssir hekk, kompla l-Qdusija Tiegħu. U xi kultant, nistqarr magħkom, meta kont nara xi Nisrani, xi Nisranija bħal dawn, b’qalb debboli, qalb li mhux mistrieħa fuq il-blata, Ġesù, u b’tant riġidità tad-dieher biss, kont nitlob lill-Mulej: ‘Imma Mulej, itfgħalhom quddiemhom qoxra ta’ banana biex jiżolqu waħda sew, jistħu li huma midinbin, u b’hekk jiltaqgħu miegħek, Int li int is-Salvatur.’
Tant drabi d-dnub iġegħelna nistħu ħafna u niltaqgħu mal-Mulej li jaħfrilna, bħalma kienu dawk il-morda li kienu jmorru għand il-Mulej biex ifejjaqhom.
Imma n-nies sempliċi, osserva l-Papa, ma kinux jiżbaljaw, minkejja dak li kienu jgħidulhom id-dutturi tal-liġi, għax in-nies kienu jafu u kellhom fihom ix-xamma tal-fidi!
Il-Papa temm l-omelija b’talba: Nitlob lill-Mulej il-grazzja li qalbna tkun sempliċi, imdawla bil-verità li jtina Hu, biex hekk inkunu twajba, naħfru, nifhmu lill-oħrajn, inkunu ta’ qalb kbira man-nies, nuru ħniena. Qatt ma nikkundannaw, qatt u qatt. Jekk għandek aptit tikkundanna, ikkundanna lilek innifsek, għax xi raġuni biex tagħmel hekk ikun hemm żgur!
Nitolbu l-grazzja lill-Mulej biex itina dan id-dawl ġewwieni li jikkonvinċina li l-blata hi Hu biss u mhux il-ħafna stejjer li aħna nagħmluhom qishom xi ħaġa importanti, u biex Hu jurina t-triq, jakkumpanjana fiha, ikabbrilna qlubna biex fihom ikunu jistgħu jidħlu l-problemi ta’ tant nies u Hu jtina l-grazzja li dawn il-Fariżej ma kellhomx: il-grazzja li nħossu li aħna midinbin.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta