Il-Ħamis 7 ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Dalgħodu, fl-omelija tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku għamel riflessjoni dwar il-kriterji tal-imħabba vera.
Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jitlobna nibqgħu fl-imħabba tiegħu. Hemm żewġ kriterji, afferma l-Papa, li jgħinuna nagħrfu l-imħabba vera minn dik li mhix. L-ewwel kriterju hu li l-imħabba tinsab aktar fil-fatti milli fil-kliem; mhix imħabba ta’ telenovela, fantasija, stejjer li jġiegħlu lil qalbna tħabbat xi ftit aktar mgħaġġel u kollox jibqa’ hemm.
L-imħabba tinsab fil-fatti konkreti. Infatti Ġesù lil tiegħu kien iwissihom: ‘Mhux min jgħidli Ġesù, Ġesù, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, imma dawk li jagħmlu r-rieda ta’ Missieri, li josservaw il-kmandamenti tiegħi.’
Dan ifisser li l-imħabba vera hi konkreta, tinsab fl-opri, hija mħabba kostanti. Mhux sempliċi mument ta’ entużjażmu. Xi mindaqqiet l-imħabba fiha t-tbatija: niftakru f’Ġesù jġorr is-salib. L-opri tal-imħabba jgħidilna liema huma Ġesù fil-kapitlu 25 tal-Vanġelu skont San Mattew. Min iħobb jagħmel dan: ‘kont bil-ġuħ u tmajtuni’, u l-bqija tal-versi 34 sa 36. Din hi l-konkretezza. Anke l-Beatitudnijiet, kompla jgħid il-Papa, li huma l-programm pastorali ta’ Ġesù, huma konkreti.
Waħda mill-ewwel ereżiji tal-Kristjaneżmu, żied il-Qdusija Tiegħu, kienet il-filosofija njostika, li kienet titkellem dwar Alla mbiegħed… fiha ma kienx hemm konkretezza. Iżda, l-imħabba tal-Missier kienet konkreta għax bagħat lil Ibnu li sar laħam biex isalvana.
It-tieni kriterju tal-imħabba, kompla l-Papa, hu li tikkomunika, ma tibqax iżolata. L-imħabba tagħti lilha nfisha u tirċievi, issir dik il-komunikazzjoni li hemm bejn il-Missier u l-Iben, komunikazzjoni li jagħmilha l-Ispirtu s-Santu.
M’hemmx imħabba mingħajr komunikazzjoni, m’hemmx imħabba iżolata. Xi ħadd jista’ jistaqsini: allura r-reliġjużi li jgħixu fil-klawsura huma iżolati? Dawk jikkomunikaw ħafna, osserva l-Papa; jikkomunikaw ħafna mal-Mulej u anke ma’ dawk li jmorru jfittxu l-Kelma t’Alla. L-imħabba vera ma tistax tinqata’ għaliha waħedha. Jekk tkun iżolata mhix imħabba: tkun għamla spiritwalistika ta’ egoiżmu li tibqa’ magħluqa fiha nfisha biex tfittex tara x’se tiggwadanja…. Hija egoiżmu.
Għalhekk, afferma Franġisku, li nibqgħu fl-imħabba ta’ Ġesù jfisser ġesti konkreti, ħila li nikkomunikaw, bid-djalogu, kemm mal-Mulej kif ukoll ma’ ħutna.
Dan sempliċi ħafna imma mhux faċli. Għax aħna nħossuna miġbudin lejn l-egoiżmu, lejn l-interess personali, u dawn iwebbluna biex ma ningħatawx.
Xi jgħid il-Mulej għal dawk li jibqgħu fl-imħabba tiegħu? ‘Jien għidtilkom dawn il-ħwejjeġ biex il-ferħ tiegħi jkun fikom u l-ferħ tagħkom ikollu l-milja tiegħu.’ Il-Mulej, li jibqa’ magħqud fl-imħabba mal-Missier, hu ferħan: ‘u jekk intom tibqgħu fi mħabbti, il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.’ Ferħ li tant drabi jġib miegħu s-salib. Imma dak il-ferħ, qalilna Ġesù stess, ħadd ma jkun jista’ joħodhulna.
Il-Papa temm l-omelija b’din it-talba: Jalla l-Mulej itina l-grazzja tal-ferħ, dak il-ferħ li d-dinja ma tistax ittihulna.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija