Home > Il-Papa Franġisku minn Dar Santa Marta > Fil-Knisja niddiskutu biex infittxu l-għaqda mhux biex nifirxu xi xibka ta’ ftehim moħbi

Fil-Knisja niddiskutu biex infittxu l-għaqda mhux biex nifirxu xi xibka ta’ ftehim moħbi


Il-Ġimgħa 8  ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

L-Ispirtu s-Santu joħloq ‘moviment’ fil-Knisja li xi mindaqqiet jidher li hu konfużjoni, imma li jekk jintlaqa’ bit-talb u bi spirtu ta’ djalogu, jiġġenera dejjem l-għaqda fost l-Insara.  Dan affermah il-Papa dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, quddiesa li l-Papa ddedikaha lil art twelidu peress li llum hija l-festa tal-Madonna ta’ Lujan.

 

Huwa Alla moħbi li jċaqlaq l-ilma fil-Knisja u kull darba li l-Insara, ibda mill-Appostli, iddiskutew ġenwinament u bid-djalogu, minflok ma instigaw it-tradimenti u ħolqu xbieki interni, dejjem għarfu x’kellha tkun l-aħjar soluzzjoni bis-saħħa tal-ispirazzjoni li tiġi mill-Ispirtu s-Santu.

Il-Papa Franġisku spjega dan billi fisser l-episodju mill-Atti tal-Apposlti li fih naraw sitwazzjoni ta’ konfront u ta’ nuqqas ta’ qbil li animaw l-ewwel komunità Nisranija.

Is-silta tal-lum tirrakkonta t-tmiem tal-ewwel Konċilju ta’ Ġerusalemm li stabbilixxa, mhux mingħajr kwistjonijiet, il-ftit regoli sempliċi li kellhom josservaw dawk li kienu ħaddnu l-Vanġelu.

Il-problema, fakkar il-Papa, kienet li qabel kienet faqqgħet kwistjoni interna bejn dawk li nistgħu nsejħulhom ‘il-magħluqin’, il-grupp tal-Insara li kienu ggranfati mal-liġi u li riedu jimponu l-kundizzjonijiet tal-Ebraiżmu fuq l-Insara l-ġodda, u Pawlu ta’ Tarsu, l-Appostlu tal-pagani li kien deċiżament kontra dan ix-xkiel.

Kif solvew il-problema?  Iltaqgħu u kulħadd ta l-fehma tiegħu.  Iddiskutew bħal aħwa u mhux bħala għedewwa.  M’għamlux ftehim moħbi biex jaraw min se jirbaħ, ma marrux għand l-awtoritajiet ċivili biex jirbħu, ma qatlu lil ħadd biex tgħaddi tagħhom.  Fittxew il-mixja tat-talb u tad-djalogu.  Dawn li kienu qed isostnu pożizzjonijiet opposti għal xulxin, iddjalogaw u ftiehmu.  Din kienet ħidma tal-Ispirtu s-Santu.

Id-deċiżjoni finali, enfasizza Franġisku, ittieħdet f’atmosfera ta’ ftehim.  U kien fuq dan il-pedament li fi tmiem il-Konċilju nkitbet l-ittra biex tintbagħat lill-‘aħwa’ li kienu ġejjin minn fost il-pagani, u li fiha, it-tagħrif li jingħatalhom hu frott tal-ftehim li hu ferm bogħod mill-ġlied ta’ min ried jiżra’ s-sikrana.

Knisja fejn qatt ma jkun hemm diskussjonijiet bħal dawn iġġegħelni naħseb li l-Ispirtu s-Santu mhux qiegħed fiha.  U fi Knisja li dejjem tiddiskuti, fejn hemm il-ftehim sigriet u li fiha l-aħwa jittradixxu lil xulxin, l-Ispirtu mhux preżenti!

L-Ispirtu hu dak li jiġġenera n-novità, li jiggwida s-sitwazzjoni biex timxi ‘l quddiem, li jfittex spazji ġodda, li joħloq l-għerf imwiegħed minn Ġesù meta qal: ‘Hu jgħallimkom!’  Dan hu li jċaqlaq imma dan hu wkoll dak li fl-aħħar mill-aħħar joħloq l-armonija bejn kulħadd.

L-aħħar osservazzjoni tal-Papa kienet dwar il-frażi użata fi tmiem l-ittra.  Kliem li juri r-ruħ tal-konkordja Nisranija: mhux sempliċi att ta’ rieda tajba, imma frott li ġej mill-Ispirtu s-Santu.

Dan jgħallimna dan il-qari tal-lum, dan hu dak li jgħallimna l-ewwel Konċilju Ekumeniku.  Deher ċar kemm għalina kif ukoll għall-Ispirtu s-Santu li dik hi l-formola: meta l-Ispirtu jnissel il-qbil bejn kulħadd.

Issa se nkomplu ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika, temm il-Papa Franġisku, u fiha nitolbu lill-Mulej Ġesù biex jibqa’ dejjem f’nofsna u biex jibagħtilna l-Ispirtu s-Santu, lilna, lil kull wieħed u waħda minna.  Jalla jibagħtu fuq il-Knisja u jalla l-Knisja tagħraf tkun fidila lejn il-movimenti li jqanqal fiha l-Ispirtu s-Santu.

 Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

  1. No comments yet.
  1. No trackbacks yet.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

%d bloggers like this: