Għarkuptejja quddiem Don Bosco

Print Friendly, PDF & Email

Minn Patri Mario Attard OFM Cap 

Don Bosco fostna! Hekk kien jgħid il-motto tal-programm tal-Urna ta’ San Ġwann Bosco. Liema programm kien ippreżentat u mħawwar b’mod mill-aktar sabiħ u nteressanti. U, fost dawk l-attivitajiet sbieħ li kien hemm imħejjija għal kull kategorija ta’ nies kelli x-xorti li nkun preżenti għall-programm tat-tfal. Dan il-programm ittella’ ġewwa l-Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla, nhar il-Ħamis 14 ta’ Mejju.

Nistħajjilkom tistaqsuni l-għaliex għażilt li mmur f’din il-ġurnata? Proprjament mhux għażilt imma ċ-ċirkustanzi talbu hekk. Ix-xogħol tal-Isptar ma tantx jagħtini ħin li nqassam kif irrid. Madankollu tani ħin biżżejjed biex inkun nista’ nattendi għal din l-attività speċjali. Minn filgħodu qomt imħejji biex nirċievi kemm niflaħ mill-grazzji li l-Mulej ried ifawwarni bihom permezz ta’ Don Bosco. Tlaqt mill-kunvent bil-mixi sal-Isla. Ħassejt ħafna f’qalbi li kelli nimxieha. Ħassejt il-ħtieġa li l-vjaġġ tiegħi lejn il-fdalijiet ta’ dan il-qaddis kbir ma jkun xejn inqas għajr pellegrinaġġ ta’ fidi. Il-mistoqsija li bdiet il-ħin kollu titla’ f’qalbi ma’ kull pass li bdejt nagħmel kienet: “X’ħa nitolbu lill-Mulej bit-talb ta’ Don Bosco?” Iżda hekk kif bdejt nagħti attenzjoni mill-inqas lil din il-mistoqsija l-paċi f’qalbi aktar żdiedet fija!

Wasalt fil-Bażilika tal-Isla. Il-bankijiet tal-korsija kienu ippakkjati bit-tfal tal-iskola. Dħalt u bqajt sejjer dritt lejn in-naħa tal-artal, sewwasew fuq in-naħa tal-lemin tal-Knisja. X’ħin wasalt intasabt f’dawk il-bankijiet li jiġu quddiem id-daħla tal-oratorju fejn hemm l-istatwa devota ta’ Ġesù Redentur. Sibt post għal kwiet u qgħadt bilqiegħda. Widnejja mill-ewwel semgħu kliem li jfejjaq. Patri Sależjan ta’ Don Bosco kien qed jaqra din is-silta tal-vanġelu:

“Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajjtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: ‘Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.’ Mbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom” (Mk 10:13-16).

L-ewwel grazzja li tefgħali l-Mulej fil-qalba ta’ qalbi kienet dik tat-tfulija spiritwali. Patri, erġa’ sir tifel! Patri, erġa ibda’ għajjat bil-ferħ u tħossokx ikkundizzjunat mit-tfesfis li jfesfsu fuqek it-taqtaqa! Għaliex jekk ma ssirx tifel, jekk se tkun illamtat, ma tistax tidħol fis-Saltna tas-Sema!

X’ħin moħħi intilef fuq il-bżonn li nsir tifel mill-ġdid jitla’ tifel fuq l-artal. U lil Don Bosco staqsieh  hekk: “Don Bosco, x’kont tgħidilhom lit-tfal li jridu jsiru qaddisin?” Għal din il-mistoqsija ta’ dan it-tifel jiena ftaħt par widnejn daqshiex! Min jaf biex kien se joħroġ Don Bosco? Għalhekk iffissajt ħarsti fuq l-Urna ħa nisma’ sewwa t-tweġiba! “Eħ prosit – inti smajt xi ħaġa dwar it-tfal tiegħi milli jidher! Ara, għażiż ħabib żgħir tiegħi, jien kont ngħidilhom: ‘Tridu issiru qaddisin? Mela ara, imxu fuq dan il-programm …’ u nagħtihom formula bħal dawk tal-Matematika: A+B-C. Din taf xi tfisser? Ħa ngħidlek ara: Tfisser A: Ħobb lil dawk ta’ madwarek. B: Sir iktar tifel tajjeb. C: Qatt tkun Kattiv mal-oħrajn. Agħmel hekk u tara kif issir qaddis bħal San Domenico Savio, per eżempju, li kien wieħed mit-tfal tiegħi, kif naħseb taf”.

Għal din it-tweġiba għajnejja imtlew bid-dmugħ! L-għaliex, fil-qalba ta’ qalbi, bdejt nintebaħ li jiena wkoll kelli nħalli din il-formula tbiddel lil ħajti. L-A: Ħobb lil ta’ madwari! Mela għandi ħafna lil min inħobb! L-għaliex il-missjoni tiegħi tlaqqagħni ma’ bosta nies. It-tieni, insir Patri tajjeb. Mela għandi bżonn aktar nagħmilha mat-Tajjeb ħa nsir tajjeb bħalu. U C: qatt ma nkun ta’ qalbi ħażina ma’ ħaddieħor. Mhux Hu qalli: “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mt 5:7)?

Il-mistoqsija tat-tifel u t-tweġiba ta’ Don Bosco kienu ġelatina spiritwali għalija. Għalhekk, imqanqal minn din l-innoċenza tas-sema li għaddiet bejn it-tifel u Don Bosco inżilt għarkuptejja quddiem l-Urna tal-qaddis ta’ Turin u tlabt minn qalbi: “Mulej, agħtini nitolbok l-ispirtu ta’ Don Bosco.”

Waqt li kont għarkuptejja ħassejt li talbi ġiet mismugħa!

Leave a Reply

%d bloggers like this: