Il-Ġimgħa, 15 ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta
Min jibża’ mhux liberu li jħares ‘il quddiem, qal il-Papa Franġisku dalgħodu, waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.
Il-biża’ u l-ferħ huma ż-żewġ kelmiet li jikkaratterizzaw il-liturġija tal-lum. Il-biża’ huwa atteġġjament li jagħmlilna l-ħsara. Jipparalizzana. Persuna beżżiegħa ma tagħmel xejn u ma tafx x’għandha tagħmel. Moħħha biss fiha nfisha biex ma jiġrilha xejn ħażin. Il-biża’ jmexxik lejn egoċentriżmu, l-egoiżmu li jipparalizza. Nisrani beżżiegħ hu bniedem li ma fehemx liema hu l-messaġġ ta’ Ġesù.
Huwa għal din ir-raġuni li Pawlu jgħid: ‘Tibżgħux.’ Il-biża’ mhix atteġġjament tan-Nisrani, imma atteġġjament, biex ngħidu hekk, ta’ ruħ imjassra, mingħajr il-libertà li tħares ‘il quddiem, li toħloq xi ħaġa, li tagħmel il-ġid, ruħ li tgħid dejjem ‘le’! Le, għax tibża’ mill-periklu, minn dik, mill-oħra… U dan hu vizzju għax il-biża’ ma jagħmilx ġid.
Allura ma rridux nibżgħu u għandna nitolbu l-grazzja tal-kuraġġ, il-kuraġġ li jibagħtilna l-Ispirtu s-Santu.
Jeżistu komunitajiet beżżiegħa li dejjem jaġixxu fiċ-ċert u jgħidu: ‘Le, ma nagħmlux hekk, dan ma jistax isir, ma nistgħux…’ Donnu li fuq il-bieb ta’ barra għandhom miktub no entry. Ma jsir xejn minħabba l-biża’.
Meta tidħol f’komunità bħal din tħoss l-arja mniġġsa għax hija komunità marida. Il-biża’ tmarrad il-komunità bħalma jmarradha wkoll in-nuqqas ta’ kuraġġ.
Irridu nagħmlu distinzjoni bejn il-biża’ u l-biża’ t’Alla. Din tal-aħħar hija biża’ qaddisa, il-biża’ tal-adorazzjoni quddiem il-Mulej, għax il-biża’ t’Alla hija virtù. Imma l-biża’ t’Alla ma ċċekkinx, ma ddgħajjifx, ma tipparalizzax, anzi tmexxi ‘l quddiem lejn il-missjoni mogħtija mill-Mulej.
Il-kelma l-oħra hija l-ferħ. ‘Ħadd ma jista’ jeħdilkom il-ferħ tagħkom,’ jgħid Ġesù. Fil-mumenti tal-akbar dieqa, fil-mumenti tat-tbatija, enfasizza l-Papa, il-ferħ jissarraf f’paċi.
Iżda, divertiment fil-waqt tat-tbatija, joskura, isir dlam. In-Nisrani mingħajr ferħ mhux Nisrani. Nisrani li dejjem bil-geddum, mhux Nisrani. U Nisrani li fil-waqtiet tal-prova, fil-mard, fil-ħafna diffikultajiet, jitlef il-paċi, hu nieqes minn xi ħaġa.
Il-ferħ Nisrani mhux sempliċi divertiment, mhux allegrija li tgħaddi; il-ferħ Nisrani hu don, rigal tal-Ispirtu s-Santu. Ifisser li qalbek tkun dejjem ferħana għax il-Mulej rebaħ, il-Mulej isaltan, il-Mulej jinsab fuq il-lemin tal-Missier, il-Mulej ħares lejja u tani grazzja: għamilni iben il-Missier. Dak hu l-ferħ Nisrani. In-Nisrani jgħix fil-ferħ.
Għalhekk, komunità li m’għandhiex ferħ, żied jgħid il-Papa, hija komunità marida. Forsi tista’ tkun komunità li tagħtik id-divertiment, imma tkun marida bil-mondanità għax m’għandhiex il-ferħ ta’ Ġesù Kristu.
Hekk, meta l-Knisja tkun beżżiegħa u meta l-Knisja ma tirċevix il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu, timrad, il-komunitajiet jimirdu, il-fidili jimirdu.
Il-Papa temm b’din it-talba: Mulej, erfagħna lejn Kristu li qiegħed fuq il-lemin tal-Missier. Erfgħalna l-ispirtu tagħna. Neħħi minna kull biża’ u tina l-ferħ tal-paċi.
Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija