L-Insara mondani jew riġidi jbiegħdu lin-nies minn Ġesù


Il-Ħamis, 28 ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Hemm Insara li jbiegħdu lin-nies minn Ġesù għax jaħsbu biss dwar ir-relazzjoni personali ma’ Alla.  Hemm oħrajn li jbiegħdu n-nies minn Ġesù għax negozjanti, mondani jew riġidi ż-żejjed.  Imma hemm Insara li jisimgħu verament l-għajta ta’ min għandu bżonn lill-Mulej.  Dan hu fil-qosor il-ħsieb tal-omelija li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Fil-kumment dwar is-silta mill-Vanġelu li tirrakkonta l-istorja tal-għama Bartimew, li jibda jgħajjat biex Ġesù jfejqu u jirċievi ċ-ċanfir tal-Appostli li jridu jsikktuh, il-Papa Franġisku ra tliet kwalitajiet ta’ Nsara.  Hemm Insara li moħħhom biss fir-relazzjoni personali ma’ Ġesù, relazzjoni magħluqa, egoista, u ma jisimgħux l-għajta tal-oħrajn.

Dan il-grupp, anke llum, ma jismax l-għajta ta’ tant li għandhom bżonn lil Ġesù.  Grupp indifferenti li ma jismax u jaħsbu li l-ħajja hija ċ-ċirku żgħir tagħhom.  Huma kuntenti imma torox quddiem l-għajta ta’ tant nies li jeħtieġu s-salvazzjoni, li jeħtieġu l-għajnuna ta’ Ġesù, li jeħtieġu l-għajnuna tal-Knisja.  Dawn huma nies egoisti li jgħixu għalihom infushom u m’għandhomx ħila jisimgħu leħen Ġesù.

Imbagħad hemm dawk, kompla jgħid il-Papa, li jisimgħu din l-għajta ta’ min qed jitlob l-ajjut, imma jridu jsikktuh.  L-istess bħal meta d-dixxipli keċċew it-tfal biex ma jdejqux lill-Imgħallem.  L-Imgħallem kienu huma, kien tagħhom u mhux ta’ kulħadd.

Dawn in-nies ibiegħdu lil min ikun qed jgħajjat, lil min hu bżonn il-fidi, lil min irid is-salvazzjoni, minn Ġesù.  Fost dawn hemm in-negozjanti li qegħdin qrib Ġesù: jinsabu fit-tempju u naħsbuhom ‘reliġjużi’.  Imma Ġesù keċċiehom għax kienu qed jagħmlu n-negozju fid-dar t’Alla.  Huma dawk li ma jridux jisimgħu l-għajta għall-ajjut, imma jippreferu jagħmlu dak li jinteressa lilhom u jinqdew bil-poplu t’Alla, jinqdew bil-Knisja, biex imexxu l-interessi tagħhom.

Dawn l-‘affaristi’ jbiegħdu lin-nies minn Ġesù.  Ma’ dan il-grupp ngħaqqdu wkoll l-Insara li ma jagħtux xhieda.

Huma Nsara tal-isem, Insara tas-salott, Insara tar-riċevimenti, imma l-ħajja interjuri tagħhom mhix nisranija, hija mondana.  Bniedem li jgħid li hu Nisrani imma jgħix ħajja mondana, ibiegħed lil min ikun qed isejjaħ lil Ġesù għall-għajnuna .

Imbagħad hemm dawk li huma riġidi, ibsin, dawk li Ġesù jċanfarhom għax jgħabbu l-piżijiet fuq spallejn ħaddieħor.  Ġesù jiddedikalhom il-kapitlu 23 ta’ San Mattew u jsejħilhom ‘ipokriti’ għax jisfruttaw lin-nies.   U minflok ma jwieġbu għall-għajat ta’ min qed jitlob is-salvazzjoni, ibiegħdu n-nies.

Hemm imbagħad, kompla l-Papa, it-tielet grupp ta’ Nsara: dawk li jgħinu lil ħaddieħor jersaq lejn Ġesù.  Huma l-Insara li jgħixu ħajja koerenti u jgħinu biex iressqu n-nies lejn Ġesù, jgħinu lil min jgħajjat biex jitlob is-salvazzjoni, biex jitlob il-grazzja, biex jitlob is-saħħa spiritwali għal ruħu.

Ikun tajjeb, temm Franġisku, li nagħmlu eżami tal-kuxjenza biex nifhmu jekk aħna aħniex Insara li nbiegħdu lin-nies minn Ġesù jew inressquhomx lejH għax widnejna miftuħin għall-għajta ta’ tant li qed jitolbu l-għajnuna għas-salvazzjoni tagħhom.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.