Il-fidi vera tagħmel il-mirakli mhux in-negozju


Il-Ġimgħa, 29 ta’ Mejju 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Il-fidi awtentika miftuħa għall-oħrajn u l-maħfra, tagħmel il-mirakli.  Il-Mulej jgħinna biex ma naqgħux fir-reliġjożità egoista u tan-negozju.  Dan affermah il-Papa Franġisku dalgħodu, waqt l-omelija fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

Il-Vanġelu tal-lum itina ‘tliet stili ta’ ħajja’ bix-xbihat tas-siġra tat-tin li ma tagħmilx frott, tan-negozjanti fit-tempju u tal-bniedem ta’ fidi.

It-tina, afferma Franġisku, tirrappreżenta l-isterilità, jiġifieri ħajja sterili, bla ħila li tagħti xi ħaġa, hi x’inhi:  ħajja li ma tagħtix frott u bla ħila li tagħmel il-ġid.

Hija ħajja li tgħix għaliha nfisha: rilassata, egoista u li ma tridx problemi.  Ġesù jisħet is-siġra tat-tin għax hija sterili, għax m’għamlitx dak li kellha tagħmel, ma tatx frott.  Din tirrappreżenta lil min ma jagħmel xejn biex jgħin, li jgħix jaħseb għal rasu basta ma jkun jonqsu xejn.

Fl-aħħar, dawn in-nies isiru nevrotiċi, ilkoll kemm huma, afferma l-Papa Franġisku.  Ġesù jikkundanna l-isterilità spiritwali, l-egoiżmu spiritwali ta’ min jgħix bil-prinċipju: jien ngħix għalija waħdi biex ma jkun jonqosni xejn u l-oħrajn jirranġaw huma!

Stil ieħor ta’ ħajja, kompla jgħid il-Papa, huma dawk li jisfruttaw, in-negozjanti tat-tempju.  Jisfruttaw anke l-imkien imqaddes ta’ Alla biex jagħmlu n-negozju: isarrfu l-flus, ibigħu l-annimali għas-sagrifiċċju u bejniethom donnu hemm xi trade union biex jiddefendu ruħhom.

Dan mhux biss kien tollerat imma kien isir bil-permess tas-saċerdoti tat-tempju.  Dawn huma n-nies li mir-reliġjon jagħmlu negozju.  Fil-Bibbja, fakkar il-Papa, hemm l-istorja ta’ wlied is-saċerdot li kienu jġiegħlu lin-nies jagħtu l-offerti biex iħaxxnu bwiethom anke minn fuq dahar il-foqra.

Ġesù ma jużax diplomazija.  Jgħidilhom bla tlaqliq: ‘Dari hi dar it-talb u intom għamiltuha għar tal-ħallelin!’ Kienu jisfruttaw lin-nies li jmorru hemmhekk f’pellegrinaġġ biex jitolbu l-barka tal-Mulej u joffru s-sagrifiċċju!

Sar għar tal-ħallelin: ħallsu u tidħlu… Kienu jagħmlu riti vojta, neqsin mill-ħniena.  Ma nafx jekk jagħmlilniex tajjeb naħsbu jekk fostna hux qed issir xi ħaġa l-istess, xi mkien…li nużaw il-ħwejjeġ t’Alla biex nagħmlu l-qligħ personali!

It-tielet mod ta’ għajxien hu l-ħajja ta’ fidi, kif juri Ġesù: ‘Ikollkom fidi f’Alla.  Jekk xi ħadd jgħid lil dil-muntanja, ‘qum u mur inxteħet fil-baħar,’ mingħajr ma jiddubita f’qalbu, imma jemmen, dak li jgħid isir.  Dak kollu li titolbu, jekk ikollkom il-fidi, jingħatalkom.’  Bil-fidi jsir proprju dak li aħna nitolbu għalih.

Dan huwa l-istil tal-ħajja ta’ fidi.  ‘Missier, x’se nagħmel dwar dan?’  Itlob hekk lill-Mulej biex jgħinek tagħmel l-affarijiet tajjeb, imma bil-fidi.  Hemm kundizzjoni waħda: meta intom tibdew titolbu għal xi ħaġa, jekk għandkom kontra xi ħadd, l-ewwel aħfru.

Din hi l-unika kundizzjoni biex il-Missier tagħkom li hu fis-sema jaħfer lilkom, jaħfrilkom ħtijietkom.  Dan hu t-tielet stil ta’ ħajja.  Il-fidi, il-fidi biex ngħinu lil ħaddieħor, biex nersqu lejn Alla.  Din hi l-fidi li tagħmel il-mirakli.

U l-Papa temm l-omelija b’din it-talba: Nitolbu llum lill-Mulej biex jgħallimna dan l-istil ta’ ħajja u jgħinna biex aħna, u kull wieħed u waħda minna, il-Knisja, qatt ma naqgħu fl-isterilità, u biex qatt ma nkunu negozjanti.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.