Meta l-ħsieb tassew jiżviluppa?

Print Friendly, PDF & Email

Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Dan l-aħħar kelli konverżazzjoni mill-aktar interessanti dwar tema li ngħixu ta’ kuljum: il-bidla fil-ħsieb. Din it-tema hija għall-qalbi l-għaliex nara fiha, l-ewwel wieħed, lili nnifsi! Dak li illum qed nifhmu mod li kieku kont tistaqsini hekk għaxar snin ilu żgur li kont inwieġbek mod ieħor!

Il-bidla fil-ħsieb saħħaħhieli wkoll Santu Wistin, wieħed mill-ġganti fl-istorja tal-filosofija u t-teoloġija. Huwa wkoll għadda minn fażijiet fil-ħsieb tiegħu. L-ewwel Wistin safa mkaxkar mis-suppervja intelletwali u miż-żina li kkundizzjonatlu b’xi mod il-ħsieb tiegħu. Imbagħad, wara li qara l-awtur magħruf Ruman Ċiċerun, imtela’ bl-għatx klubi għall-verità. Issa dan l-għatx tefa’ lil Wistin għand il-Manikej. Ħaseb li aktar ma jistudja l-kotba tagħhom aktar seta’ jaqta’ l-għatx li kellu ġewwa fih li jsir jaf il-verità oġġettiva. Madankollu l-Manikej iddiżappuntawh. Tant li spiċċa biex telaqgħhom u ngaġġa ruħu man-Neo-Platoniċi. Taħt il-kappa tal-filosfu Plotinu. Fl-esperjenza ta’ Wistin il-verità, li għaliha qalbu kienet kontinwament fuq xwiek li issib, inrexxielu jsibha mhux fil-filosofija. Iżda fil-Kelma ta’ Alla. Dik l-istess Kelma ta’ Alla li meta kien ferm iżgħar kien kważi qies bħala ktieb tat-tfal.

Illum ħafna jgħidulek: “Inbidilli l-ħsieb fuq it-tali ħaġa!” Li l-ħsieb jinbidel huwa sinjal tajjeb. Inkella, jekk il-ħsieb ma jinbidilx ifisser li l-fakultà tal-ħsieb ta’ dak li jkun tibqa’ rieqda. Nazzarda ngħid mejta! Anki l-filosfu kbir ta’ kull żmien, Aristotile, jgħallimna li l-bniedem, qabel ma jagħmel deċiżjoni, għandu bżonn jagħmel deliberazzjoni. Jiġifieri dak il-proċess li bih il-bniedem jagħżel il-mezzi li fuqhom għandu kontroll ħalli jwettaq l-aħjar deċiżjoni. Hija ovvja li fil-proċess tad-deliberazzjoni, li jsir qabel l-għażla, wieħed jibdel xi idejat li jkollu. Issa dan hu att pożittiv. U oġġettiv. Tal-għaġeb hux x’passi ta’ ġgant tista’ tagħmel persuna meta tħalli l-umiltà, li hija oħt u l-qaddejja tal-verità, tieħu sopravvent fuq il-fakultà tar-raġuni tagħha!

Imma mhux kulħadd għandu dan il-kuraġġ fih li jinbidel fil-ħsieb. Jeżiżtu persuni li fil-ħajja ma jinbidlu qatt. Kollox kif jgħidu huma. Kif kien mill-bidu, issa u dejjem. Amen! Persuni bħal dawn ma tista’ tiddjaloga magħhom qatt. Tipprova kemm tipprova jagħlqulek il-bieb f’wiċċek u jħalluk waħdek. Iħalluk sulu mal-idejat tiegħek. Jeżiżtu imbagħad oħrajn, u din il-mentalità issibha f’persuni mgħallma u li suppost jafu ħafna aħjar, li l-ewwel jiffurmaw ħsieb f’moħħhom jew ġudizzju u, akkost ta’ kollox, idawru kollox favur il-ħsieb jew il-ġudizzju li jkunu iffurmaw. Meta tipprova tiddiskuti magħhom tintebaħ li qed taħli ż-żmien. Dan l-għaliex, illum jew għada, xorta waħda se jagħmlu dak li fasslu f’moħħhom minn qabel.

Hemm imbagħad dawk li fil-ħajja jaħsbu b’dan il-mod u mhux b’mod ieħor l-għaliex jaqblilhom. L-għaliex jafu li, fl-aħħar mill-aħħar, se jkunu huma li se jiggwadanjaw. Anki hawn, ikunu xi jkunu l-gwadanni, mhux biss itappnu u jċapjru l-persuna tagħhom minn barra imma, u fuq kollox, dan il-mod ta’ ħsieb jagħmlilhom ħsara interna. Moħħhom, qalbhom u l-ispirtu tagħhom jispiċċaw mifruda. U dik tkun ħasra mill-kbar nett! L-għaliex kemm se ndum niġġieled kontra l-verità li naf f’qalbi? Dan bħal, ngħidu aħna, hemm ġebla mdaqqsa f’telgħa. Kemm se ndum nipprova nżommha? Fl-aħħar ngħejja u jkolli nħallieha nieżla għal isfel!

Il-ħsieb tassew jiżviluppa mhux meta jkun hemm xi interessi personali. Inkella nirraġuna hekk l-għaliex jaqbilli. Jew għaliex se nakkwista persuni jew ħwejjeġ oħra li lili jistgħu jimbuttawni ‘l fuq ħa nitla’ t-taraġ tas-suċċess minn fuq dahar ħaddieħor. Il-ħsieb tassew jiżviluppa meta nħares lejn il-verità. Imma dik il-verità li teħlisni. Jiġifieri li ma tħallinix aktar imtaqqal bil-firda li hemm fija bejn moħħi, qalbi u l-ispirtu tiegħi. Dik il-verità li tagħtini l-aqwa ħaġa f’ħajti: il-paċi f’qalbi!

Hija ħasra li fis-soċjetà tagħna mhux dejjem għandna l-gazz li l-paċi ta’ qalbna nagħtuha prijorità. Anzi! Lesti nogħġbu lil ħaddieħor bir-riskju li ngħixu mdejqa fil-ġewwieni tagħna. L-għaliex inkunu mifruda mill-verità li waħedha tagħtina l-paċi. Mela, il-ħsieb jiżviluppa tassew meta jressaqna lejn din il-verità li mhux sempliċiment naħsubha iżda nħossuha! Narawha! Nieħdu saħansitra n-nifs ‘il ġewwa u ‘l barra minnha!

Ġieli issib persuni li jgħidulek: “Imma jekk se nimxi mal-verità se nitlef il-ħbieb? Se nibqa’ waħdi?” Din hija l-isfida ħbieb! Hawhekk irrid nagħżel. Jekk ngħix ħajti ‘l barra minni nnifsi u nagħti r-riedni lill-oħrajn biex imexxuli ħajti huma. U, għalkemm ikolli ħafna ħbieb, qatt ma nkun kuntent. Jew, l-għaliex nemmen fil-verità, bil-kalma u l-paċi ta’ qalbi, infittex il-verità u meta nsibha niddeċiedi għaliha. Huwa meta niddeċiedi għall-verità li jiena nkun tassew żviluppajt fuq kull livell f’ħajti. U mhux f’moħħi biss!

U x’jiġri meta nsib il-verità? Il-verità tgħaddini għall-verità. L-għaliex trawwimni nagħmel xi ħaġa importanti: nirrifletti! Iva ħbieb! Ir-riflessjoni hija omm l-għerf veru! Barra minhekk il-verità tgħallimni wkoll ħaġa oħra: kemm ma naf xejn! U hawn il-kelma ta’ Fyodor Dostoevsky tispirani: “L-egħref bniedem minn kulħadd, fil-ħsieb tiegħi, huwa dak li jsejjaħ lilu nnifsu iblaħ mill-inqas darba f’xahar”.

Veru! Iblaħ! Għaliex ma naf xejn! L-għaliex għandi bżonn nitgħallem. Għandi bżonn ninbidel fil-ħsieb. Imma mhux biex nibdlu. Imma biex inħalli l-verità tbiddilni hi! Hawnhekk meta tassew ħsiebi jiżviluppa!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading